Ir-rapportar ta' mġiba antikompetittiva

Kif tirrapporta mġiba antikompetittiva?

Jekk tiltaqa' ma' prattiki ta' negozju li jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni, tista' tirraportahom. Jekk is-sitwazzjoni hi speċifika u limitata għall-pajjiż jew iż-żona fejn tgħix, jew ma tinvolvix aktar minn 3 pajjiżi oħra tal-UE, ibda billi tikkuntattja l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tiegħek.

Jekk m'intix ċert dwar il-problema, tista' tikkuntattja lill-Kummissjoni Ewropea fuq: comp-market-information@ec.europa.eu jew ikteb lil:

European Commission, Directorate General for Competition
Antitrust Registry
B-1049 Brussels, Belgium

Jekk taħseb li l-kumpanija tiegħek hi involuta f'kartell jew attività oħra li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, għandek tkun taf li l-ewwel kumpanija li tibgħat evidenza ta' kartell tista' tirċievi immunità totali mill-multi! (ara l-programm ta' klemenza en ).

Il-kuntatt inizjali mal-Kummissjoni Ewropea għandu jsir bil-faks fuq 32 2 2994585 jew bit-telefown fuq 32 2 2984190 jew 32 2 2984191.

Talba għal kumpens

Tista' tagħmel talba għal kumpens jekk tista' turi li n-negozju tiegħek ikun ħallas iżżejjed jew ġarrab telf ta' dħul minħabba azzjonijiet minn kartell, jew abbuż ta' pożizzjoni dominanti fis-suq. Hemm preżunzjoni legali li l-kartelli jikkawżaw il-ħsara.

Kemm għandek żmien biex tagħmel talba?

Għandek 5 snin (minn meta ssir taf dwar il-ksur) biex titlob għad-danni, jew sena wara li deċiżjoni ta' awtorità tal-kompetizzjoni dwar il-ksur issir finali (f'xi każijiet, l-istati membri jistgħu jagħtuk aktar minn sena).

Żvelar ta' evidenza

Il-qrati nazzjonali fil-pajjiżi tal-UE jistgħu jordnaw lill-kumpaniji biex jiżvelaw evidenza rilevanti meta l-vittmi jitolbu kumpens. Jekk il-kumpanija tiegħek trid tiżvela evidenza, kwalunkwe informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali mogħtija f'konnessjoni mal-każ se tkun protetta.

Prova ta' ksur transkonfinali

Meta l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jieħdu deċiżjonijiet finali dwar il-ksur, dawn jistgħu jiġu ppreżentati bħala evidenza quddiem il-qrati nazzjonali ta' pajjiżi oħra tal-UE. Dan isaħħaħ l-argument tiegħek meta titlob għad-danni.

Trasferiment ta' spejjeż żejda

Anke jekk int konsumatur indirett ta' kontraventur, tista' titlob kumpens għal kwalunke spejjeż żejda li ġew trasferiti fuqek minn konsumatur dirett ta' kontraventur, eż. rivenditur tal-prodotti tal-kartell.

Għalkemm għandek turi l-ammont ta' ħsara li ġarrab in-negozju tiegħek b'dan il-mod, inti megħjun mill-preżunzjoni legali ta' trasferiment.

Eżempju tat-trasferiment ta' spejjeż żejda jista' jkun meta telf jiġi trasferit lil ħaddieħor: in-negozju jagħmel pagament, u jitlob il-ħlas lura - in-negozju mbagħad jittrasferixxi dan bħala obbligazzjoni lill-konsumaturi tiegħu.

Kokontraventuri

Il-kumpaniji kollha li jipparteċipaw f'kartell jew ftehim antikompetittivi ieħor huma responsabbli għad-dannu kollu. Inti, bħala r-rikorrent, tista' tagħżel lil min tixtieq tfittex għall-kumpens.

Kokontraventur jista' jikseb kontribuzzjoni minn kokontraventur ieħor jekk dawn ikunu ħallsu kumpens ogħla mis-sehem relattiv tagħhom. Dak is-sehem u l-kriterji li fuqhom huwa bbażat għandu jiġi deċiż mill-qorti skont il-liġi nazzjonali.

Fużjonijiet

Il-kumpaniji b'fatturat ta' aktar minn ċerti limiti (li jibdew minn €2.5 biljun tal-valur tal-bejgħ globali totali aggregat) li jagħmlu negozju fl-UE u jixtiequ jingħaqdu f'fużjoni għandhom jitolbu lill- Kummissjoni Ewropea għall-approvazzjoni - irrispettivament minn fejn jinsabu l-kwartieri ġenerali tagħhom. L-approvazzjoni tal-fużjoni tiddependi fuq is-sehem tas-suq li l-kumpanija li tingħaqad f'fużjoni jkollha fl-UE. Il-fużjonijiet bejn in-negozji ż-żgħar ġeneralment ma jiġux ristretti.

Għajnuna mill-Istat

Ir-regoli tal-UE ġeneralment jipprojbixxu l-għajnuna mill-Istat (li tieħu diversi forom bħal għotjiet, interessi jew ħelsien mit-taxxa, garanziji għal xi self) minħabba li din tirriskja li tpoġġi ċerti negozji f'pożizzjoni vantaġġjuża fuq il-kompetituri tagħhom, u għaldaqstant ikun hemm xkiel fil-kompetizzjoni.

L-għajnuna mill-Istat tista' tiġi permessa f'dawn il-każijiet li ġejjin:

  • għajnuna għan-negozji ż-żgħar
  • promozzjoni tal-intraprenditorija
  • riċerka, żvilupp u innovazzjoni
  • żvilupp reġjonali
  • kapital ta' riskju
  • ħolqien tax-xogħol
  • ħarsien tal-ambjent.

Il-Kummissjoni Ewropea tissorvelja dan it-tip ta' appoġġ. Jekk int taf dwar għajnuna mill-Istat li tikser ir-regoli, tista' tagħmel rapport onlajn.

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Għandek xi mistoqsijiet dwar kif topera negozju transfruntier, pereżempju l-esportazzjoni jew l-espansjoni lejn pajjiż ieħor tal-UE? Jekk hu l-każ, Enterprise Europe Network jista’ jagħtik pariri b’xejn.

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 21/05/2024
Ikkondividi din il-paġna