Ħaddiema teenagers

Limiti tal-età

Ma tistax timpjega żgħażagħ taħt l-età ta' 15-il sena. Il-limitu tal-età jista' jkun ogħla f'pajjiżi tal-UE fejn it-tagħlim obbligatorju full-time fi skola jkompli wara l-età ta' 15-il sena.

Madankollu, tista' tħaddem tfal b'anqas minn 15-il sena f' attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi jew pubbliċitarji, jekk tingħata awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti.

Tista' tħaddem tfal bejn l-14 u l-15-il sena bħala parti minn skema ta' xogħol/taħriġ jew skema ta' esperjenza tax-xogħol. Tfal li għandhom tal-anqas 14-il sena (f'ċerti każijiet 13-il sena) jistgħu wkoll iwettqu xogħol ħafif.

Riskji, sikurezza u saħħa fuq ix-xogħol

Bħala impjegatur, għandek tieħu l-miżuri neċessarji biex tipproteġi s-saħħa u s-sikurezza taż-żgħażagħ u tiżgura li huma implimentati abbażi ta' valutazzjoni tar-riskji tax-xogħol tagħhom. Dan għandu jitwettaq qabel ma ż-żgħażagħ jibdew jaħdmu miegħek.

Ma tistax timpjega żgħażagħ għal dawn it-tipi ta' xogħol:

  • xogħol li hu lil hinn mill-kapaċità fiżika jew psikoloġika tagħhom
  • xogħol li jinvolvi esponiment għal prodotti li jikkawżaw ħsara għas-saħħa, bħall-kimiki u r-radjazzjoni perikolużi.
  • xogħol li fih ir-riskju ta' aċċidenti hu kkunsidrat għoli u li ż-żgħażagħ għandu mnejn mhumiex konxji minnu jew jevitawh għax ma għandhomx attenzjoni suffiċjenti għas-sikurezza jew għandhom nuqqas ta' esperjenza jew taħriġ.
  • xogħol li fih jeżisti riskju għas-saħħa minħabba kesħa, sħana, storbju jew vibrazzjonijiet estremi
  • xogħol li jinvolvi proċessi ta' riskju (splużjonijiet, sustanzi tossiċi, perikli ta' elettriku b'voltaġġ għoli eċċ.)

Xi pajjiżi tal-UE jippermettu lil min iħaddem biex jimpjega ħaddiema żgħażagħ jekk l-impjiegi jeħtieġu li jitwettqu bħala parti mit-taħriġ vokazzjonali tagħhom. Bħala persuna li timpjega lil ħaddieħor, għandek tiżgura li persuna kompetenti tissorvelja x-xogħol tagħhom biex jiġi żgurat li jġu protetti s-saħħa u s-sikurezza tagħhom.

Għandek tinforma l-ħaddiema tiegħek dwar ir-riskji possibbli tal-impjieg tagħhom u jiġu adottati l-miżuri kollha li jikkonċernaw is-sikurezza tagħhom u saħħithom. Jekk ħaddiema żgħażagħ għandhom anqas minn 15-il sena, għandek tinforma lir-rappreżentant legali tagħhom.

Jekk il-valutazzjoni tal-perikli għaż-żgħażagħ b'konnessjoni ma' xogħolhom turi riskju għas-sikurezza, is-saħħa fiżika jew mentali jew l-iżvilupp tagħhom, għandek toffrilhom valutazzjoni adatta bla ħlas tas-saħħa u tal-kapaċità qabel ma jibdew xogħolhom.

Regoli ġenerali dwar il-mistrieħ annwali u waqfiet

Meta tħaddem żgħażagħ, għandek tiggarantilhom waqfiet tal-anqas ta' 30 minuta jekk jaħdmu aktar minn 4.5 sigħat.

Jekk it-tfal jattendu l-iskola obbligatorja full-time, għandek tiżgura li jkollhom perjodu ħieles minn kwalunkwe xogħol inkluż fil-vaganzi tal-iskola (kif ipprovdut fir-regoli nazzjonali applikabbli).

Ħin tax-xogħol, xogħol billejl u perjodu ta' mistrieħ għal tfal b'anqas minn 15-il sena

Għandek issegwi regoli stretti meta timpjega t-tfal taħt l-età ta' 15-il sena; dawn ivarjaw skont it-tip ta' skema ta' xogħol/taħriġ imwettqa.

Il-ħinijiet massimi ta' xogħol huma:

  • 8 sigħat kuljum u 40 siegħa fil-ġimgħa għal skema ta' xogħol/taħriġ ikkombinata jew għal skema ta' esperjenza ta' xogħol fil-post
  • sagħtejn f'ġurnata ta' skola u 12-il siegħa fil-ġimgħa (jekk awtorizzat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali) għal xogħol imwettaq fiż-żmien tat-term lil hinn mill-ħinijiet fissi tal-iskola
  • 7 sigħat kuljum u 35 siegħa fil-ġimgħa għal perjodu tal-anqas ta' ġimgħa waħda meta tingħalaq l-iskola. Jekk it-tfal għandhom 15-il sena jew huma akbar, jistgħu jaħdmu sa mimimu ta' 8 sigħat
  • 7 sigħat kuljum u 35 siegħa fil-ġimgħa għal xogħol ħafif imwettaq minn tfal li ma għadhomx soġġetti għal tagħlim obbligatorju full-time fi skola taħt il-liġijiet nazzjonali

Twissija

Ma tistax timpjega tfal li għandhom anqas minn 15-il sena biex jaħdmu bejn it-8pm u s-6am.

Għal kull 24 siegħa għandek tiggarantixxi perjodu minimu ta' mistrieħ ta' 14-il siegħa konsekuttiva u minimu ta' jumejn mistrieħ għal kull perjodu ta' 7 ijiem (konsekuttivi, jekk possibbli).

Ħin tax-xogħol, xogħol billejl u perjodu ta' mistrieħ għal żgħażagħ bejn 15 u 18-il sena

Jekk tħaddem żgħażagħ bejn 15 u 18-il sena li taħt il-liġi nazzjonali mhumiex aktar soġġetti għal edukazzjoni obbligatorja full-time, huma jistgħu jaħdmu sa 8 sigħat kuljum u sa 40 siegħa fil-ġimgħa.

Impjegati żgħażagħ ma jistgħux jaħdmu bejn l-10pm u s-6am jew bejn il-11pm u s-7am. Xi pajjiżi tal-UE jippermettu derogi għal dawn il-limiti taħt ċirkustanzi eċċezzjonali relatati man-natura tax-xogħol (is-setturi tan-navigazzjoni u tas-sajd, il-forzi armati jew il-pulizija, l-isptarijiet jew stabbilimenti simili, l-attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi jew pubbliċitarji).

Għal kull 24 siegħa għandek tiggarantixxi perjodu minimu ta' mistrieħ ta' 12-il siegħa konsekuttiva u minimu ta' jumejn għal kull perjodu ta' 7 ijiem (konsekuttivi, jekk possibbli).

Jekk derogi nazzjonali jippermettu dan, għandu mnejn ma jkollokx għalfejn tagħti dawn il-perjodi ta' mistrieħ lill-impjegati żgħażagħ tiegħek fis-setturi li ġejjin:

  • is-settur tan-navigazzjoni jew is-sajd
  • il-forzi armati jew il-pulizija
  • l-isptarijiet jew stabbilimenti simili
  • l-agrikultura
  • l-industrija tat-turiżmu jew is-settur tal-lukandi, ir-ristoranti u l-kafetteriji

Jekk tħaddem żgħażagħ li xogħolhom hu maqsum matul il-ġurnata, derogi għall-perjodi minimi ta' mistrieħ għandu mnejn ikunu wkoll possibbli.

Nacionalinę informaciją rasite toliau:

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Il-Konsulent EURES tiegħek

Il-Konsulent EURES tiegħek jista’ jinfurmak kemm dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll jgħinek fil-proċeduri ta’ reklutaġġ f’pajjiżek jew fir-reġjun bejn il-fruntieri tiegħek.

Għandek xi mistoqsijiet dwar kif topera negozju transfruntier, pereżempju l-esportazzjoni jew l-espansjoni lejn pajjiż ieħor tal-UE? Jekk hu l-każ, Enterprise Europe Network jista’ jagħtik pariri b’xejn.

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 21/06/2024
Ikkondividi din il-paġna