Eżenzjonijiet mill-VAT
Xi oġġetti u servizzi bħall-edukazzjoni, is-servizzi tas-saħħa, u s-servizzi finanzjarji jistgħu jkunu eżenti mill-VAT.
Dan il-bejgħ huwa eżenti mill-VAT, mingħajr id-“dritt għal tnaqqis”. Dan ifisser li ma tistax tnaqqas il-VAT li tkun ħallast fuq xiri relatat ma’ bejgħ ta’ dan it-tip.
Ir-reġistrazzjoni ta’ negozju għall-VAT
Normalment, meta n-negozju tiegħek ikun jinkludi l-bejgħ, tkun trid tirreġistrah għall-VAT. Meta tirreġistra n-negozju tiegħek għall-VAT, jinħariġlek numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT.
Jekk tagħmel bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi li jkunu kkunsidrati eżenti mill-VAT mhux f’kull każ trid tirreġistra n-negozju tiegħek għall-VAT.
Eżenzjonijiet mill-VAT għan-negozji ż-żgħar
Jekk għandek negozju żgħir (SME) fl-UE tista’ tapplika għal skema speċjali ta’ eżenzjoni mill-VAT li tippermettilek li jkollok negozju b’kundizzjonijiet speċifiċi mingħajr ma titlob il-VAT. Jekk l-SME tiegħek tagħmel oġġetti jew tforni servizzi taxxabbli taħt ċertu limitu annwali u tikkwalifika għall-iskema, tista’ tkun eżenti mill-VAT. Dan ifisser li ma tħallasx il-VAT lill-amministrazzjoni tat-taxxa f’pajjiżek. Madankollu, f’dan il-każ ma tkunx tista’ tnaqqas il-VAT tal-input jew tindika l-VAT fuq il-fatturi. Tista’ volontarjament tagħżel l-arranġamenti normali tal-VAT, u f’dak il-każ tkun trid tħallas il-VAT u, konsegwentement, tkun tista’ tnaqqas il-VAT tal-input.
Din l-iskema ta’ eżenzjoni mill-VAT tapplika biss għall-oġġetti u s-servizzi li tforni lill-klijenti tiegħek, mhux il-VAT li għandek tagħti lill-fornitur (jekk applikabbli) tal-oġġetti u s-servizzi li tuża.
Hemm żewġ tipi ta’ regoli għal din l-eżenzjoni mill-VAT: domestiċi (fil-pajjiż tal-UE tiegħek stess) u transfruntieri (meta tagħmel negozju f’pajjiż ieħor tal-UE):
Ir-regoli domestiċi tal-VAT
Jekk l-SME tiegħek għandha fatturat annwali li ma jaqbiżx EUR 85,000, jew inqas jekk stabbilit mill-pajjiż tal-UE, tista’ tapplika għal eżenzjoni mill-VAT fuq il-bejgħ domestiku.
Kull pajjiż tal-UE jista’ wkoll jistabbilixxi limiti speċifiċi skont is-settur u jiddefinixxi kundizzjonijiet addizzjonali relatati mar-reġistrazzjoni, ir-rapportar, u l-monitoraġġ. Għal aktar informazzjoni, inklużi l-limiti stabbiliti minn kull pajjiż tal-UE, irreferi għar-regoli nazzjonali tal-VAT għall-SMEs.
Ir-regoli transfruntieri tal-VAT
Jekk il-fatturat totali tiegħek fl-UE kollha jibqa’ taħt il-EUR 100,000 u ma jaqbiżx il-limitu nazzjonali fi kwalunkwe pajjiż tal-UE fejn topera, tista’ tapplika l-eżenzjoni mill-VAT fuq il-bejgħ transfruntier fl-UE. Dan il-limitu nazzjonali ma jridx ikun inqabeż fis-sena kalendarja preċedenti.
Jekk tuża din l-iskema, trid tirreġistra darba biss f’pajjiżek. Tirċievi numru ta’ identifikazzjoni (numru EX) biex tużah f’kull pajjiż tal-UE li tista’ tapplika l-iskema tal-VAT għalih. Dan il-proċess ta’ reġistrazzjoni m’għandux jieħu aktar minn 35 jum tax-xogħol.
Tkun trid tirrapporta l-attivitajiet kummerċjali kollha tiegħek fl-UE b’rapport trimestrali wieħed lill-amministrazzjoni tat-taxxa f’pajjiżek, fejn ikun rreġistrat in-negozju.
Għal aktar informazzjoni, ikkuntattja l-punt ta’ kuntatt nazzjonali tal-portal tal-SMEs tiegħek.
Eċċezzjonijiet oħrajn b’rabta mal-VAT għan-negozji ż-żgħar
Skont l-attività tan-negozju tiegħek, hemm skemi speċjali tal-VAT li jistgħu japplikaw għalik. Dawn jinkludu:
- Skema b’rata fissa għall-bdiewa
- Aġenti tal-ivvjaġġar
- Oġġetti użati (second-hand)
- Irkanti pubbliċi
- Deheb bħala investiment
L-implimentazzjoni ta’ dawn l-iskemi tal-VAT tista’ tvarja bejn pajjiż u ieħor tal-UE. Għal aktar informazzjoni kkuntattja l-punt ta’ kuntatt nazzjonali tal-portal tal-SMEs.