Ippreżenta riċetta tat-tabib barra minn pajjiżek
Riċetta tat-tabib minn pajjiżek hija valida fil- pajjiżi kollha tal-UE. Madankollu, xi mediċini li jkun ordnalek it-tabib f'pajjiż jistgħu ma jinstabux f'pajjiż ieħor, jew ikollhom isem ieħor.
Tista' tistaqsi lit-tabib jagħtik riċetta biex tużaha f'pajjiż ieħor tal-UE, magħrufa wkoll bħala "riċetta transkonfinali".
Twissija
Ċerti mediċini għandhom mnejn ma jinbigħux jew ma jinstabux f'pajjiż ieħor, saħansitra fl-UE.
Riċetta bl-informazzjoni tajba
Ma hemm ebda forma jew format speċifiċi għal riċetta li tuża f'pajjiż ieħor tal-UE. F'ħafna każi, ir-riċetta li tuża f'pajjiżek diġà għandu jkun fiha biżżejjed informazzjoni biex tużaha f'pajjiż ieħor tal-UE. Irid ikun fiha mill-inqas it-tagħrif li ġej:
- Dettalji tal-pazjenti: il-kunjom u l-isem (miktubin sħaħ), u d-data tat-twelid
- Id-data tal-ħruġ tar-riċetta
- Id-dettalji tat-tabib li jiktibha: il-kunjom u l-isem (miktubin sħaħ), kwalifika professjonali, dettalji ta' kuntatt dirett, l-indirizz tax-xogħol (inkluż il-pajjiż) u firma (bil-miktub jew diġitali)
- Dettalji tal-prodott ordnat: l-isem komuni tiegħu (pjuttost milli l-isem tad-ditta, peress li dan jista' jkun differenti f'pajjiż ieħor), il-format (pillola, soluzzjoni, eċċ.), il-kwantità, il-qawwa u d-doża.
Jekk taħseb li se jkollok bżonn tuża r-riċetta f'pajjiż ieħor, jew jekk tingħata riċetta barra minn pajjiżek li se jkollok tuża f'pajjiżek, iċċekkja li t-tabib inkluda din l-informazzjoni kollha. B'dan il-mod tista' tkun ċert li spiżjar f'pajjiż ieħor tal-UE jkun jista' faċilment jifhem ir-riċetta u jidentifika b'mod korrett il-mediċina li teħtieġ kif ukoll id-doża.
Twissija
Ir-riċetti huma soġġetti għar-regoli tal-pajjiż fejn tużahom. Dan ifisser li spiżjar se japplika regoli nazzjonali meta jagħtik il-mediċina - pereżempju, ma tkunx permess tieħu l-istess numru ta' ġranet ta' doża.
Riċetti elettroniċi
Jekk it-tabib ikun tak riċetta elettronika normalment trid tkun ċert li titolbu kopja fuq karta jekk qed taħseb li tuża r-riċetta f'pajjiż ieħor tal-UE, minħabba li riċetta elettronika mhux dejjem tkun aċċettata barra pajjiżek.
Madankollu, ir-riċetti elettroniċi maħruġa fil-Finlandja jistgħu jintużaw fil-Kroazja u fl-Estonja mingħajr il-bżonn ta' kopja stampata.