Mistoqsijiet frekwenti - Preżentazzjoni ta’ riċetta f’pajjiż ieħor tal-UE
Hemm xi formola speċjali li għandu juża t-tabib tiegħi għal riċetta li rrid nuża f’pajjiż ieħor tal-UE?
LE - Ir-regoli dwar riċetti transfruntieri jgħidu biss liema informazzjoni għandha tiġi
inkluża fir-riċetta. M’hemm ebda formola speċifika jew format għar-riċetta. Fil-biċċa
l-kbira tal-każijiet, ir-riċetta li tuża fil-pajjiż fejn tkun inħarġet ir-riċetta
diġà għandu jkun fiha biżżejjed informazzjoni biex tużaha f’pajjiż ieħor tal-UE.
Għandek tiżgura li t-tabib tiegħek jinkludi mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:
- Id-dettalji tal-pazjent: il-kunjom u l-isem (miktubin sħaħ), u d-data tat-twelid
- Id-data tal-ħruġ tar-riċetta
- Id-dettalji tat-tabib li jiktibha: il-kunjom u l-isem (miktubin sħaħ), il-kwalifika professjonali, id-dettalji tal-kuntatt dirett, l-indirizz tax-xogħol (inkluż il-pajjiż) u l-firma (bil-miktub jew diġitali)
- Id-dettalji tal-prodott ordnat: l-isem komuni tiegħu (pjuttost milli l-isem tad-ditta, peress li dan jista' jkun differenti f’pajjiż ieħor), il-format (pillola, soluzzjoni, eċċ.), il-kwantità, il-qawwa u d-doża.
Għandi riċetta għall-mediċina tad-dijabete ta' ditta speċifika li nieħu fil-Belġju. Ipprovajt nuża r-riċetta waqt li kont fuq btala fi Franza, iżda l-ispiżjar qalli li dak il-prodott ma jinbigħx fi Franza. Dan permess?
IVA - Mediċina disponibbli f’pajjiż wieħed tal-UE tista’ ma tkunx mibjugħa f’pajjiż ieħor tal-UE, jew tista’ tiġi mibjugħa taħt isem ta' ditta differenti. Meta titlob għal riċetta mingħand it-tabib tiegħek li beħsiebek tuża f’pajjiż ieħor tal-UE, għandek tiżgura li kemm jista' jkun juża l-isem komuni tal-prodott preskritt. Dan jippermetti lil spiżjar f’pajjiż ieħor tal-UE jagħtik il-prodott ekwivalenti f’dak il-pajjiż. Biex issir taf jekk il-mediċina tiegħek hix disponibbli f’pajjiżi oħrajn tal-UE, tista’ tiċċekkja mal-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali ta’ pajjiżek.
Nista’ nuża riċetta minn pajjiż tal-UE, fl-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja jew l-Iżvizzera kif ukoll fl-UE?
IVA - Ir-regoli tar-riċetti transfruntieri japplikaw ukoll fl-Iżlanda, il-Liechtenstein
u n-Norveġja.
LE - L-Iżvizzera mhix koperta mill-ftehim dwar ir-rikonoxximent ta’ riċetti transfruntieri,
u għalhekk mhix obbligata taċċetta riċetti minn pajjiżi oħrajn tal-UE. Il-pajjiżi
tal-UE lanqas m’huma obbligati jirrikonoxxu r-riċetti mill-Iżvizzera.
Jien qiegħda vaganza fi Spanja u mort fi spiżerija bir-riċetta tat-tabib tiegħi fil-Belġju. Madankollu, l-ispiżerija ma aċċettawhiex, u qed jgħiduli li m'humhiex obbligati jirrikonoxxu l-riċetti minn barra Spanja. Dan minnu?
LE - Jekk ir-riċetta tinkludi l-informazzjoni meħtieġa, l-ispiżerija għandha taċċetta r-riċetta tiegħek, kemm-il darba l-mediċina hi disponibbli wkoll fi Spanja. F’dawn iċ-ċirkostanzi, tista’ tikkuntattja l-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali tal-pajjiż.
Għandi riċetta maħruġa 3 ġimgħat ilu minn tabib fil-Ġermanja, li nixtieq nuża waqt vaganza fiċ-Ċekja. L-ispiżerija fiċ-Ċekja qaluli li ma jistgħux jaċċettawha billi r-riċetti jridu jintużaw fi żmien 14-il jum mill-firma tat-tabib. Għandhom raġun?
IVA - Id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-pazjenti tal-UE tgħid li l-mediċini għandhom jinħarġu f’konformità mar-regoli nazzjonali. Fiċ-Ċekja r-riċetti jridu jintużaw fi żmien 14-il jum. Għalhekk, skont il-liġi Ċeka, ir-riċetta tiegħek m'għadhiex valida u l-ispiżjar mhux obbligat jagħtik il-mediċina.
It-tabib fil-Finlandja dejjem jiktibli r-riċetti tal-mediċini b’mod elettroniku. Nista’ nuża r-riċetta elettonika Finlandiża meta nivvjaġġa f’pajjiż ieħor tal-UE?
Bħalissa, ir-riċetti elettroniċi maħruġa fil-Finlandja jistgħu jintużaw b’mod transfruntier fil-Kroazja, l-Estonja u l-Portugall mingħajr il-ħtieġa ta’ kopja stampata. Għalhekk, tista’ tuża r-riċetta elettronika Finlandiża tiegħek jekk tivvjaġġa lejn il-Kroazja, l-Estonja jew il-Portugall, iżda jekk qed tippjana li tivvjaġġa lejn pajjiż ieħor tal-UE, ikollok titlob kopja stampata lit-tabib tiegħek. Għal riċetti elettroniċi maħruġin f’pajjiżi oħrajn, jekk jogħġbok ara l-lista ta’ servizzi tas-saħħa elettroniċi transfruntieri disponibbli en .