Rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għas-servizzi u għall-prodotti
Jekk inti fornitur ta’ servizz, jew manifattur, importatur, jew distributur ta’ prodotti, għandek tiffamiljarizza ruħek mar-regoli tal-UE dwar l-aċċessibbiltà. Dawn ir-regoli huma maħsuba biex il-persuni b’diżabbiltà u persuni oħra b’limitazzjonijiet fiżiċi (inklużi l-anzjani, in-nisa tqal, u persuni bil-bagalji) ikunu jistgħu jużaw il-prodott jew is-servizz tiegħek.
Eżempji ta’ prodotti u servizzi soġġetti għar-regoli ta’ aċċessibbiltà
- Kompjuters u sistemi operattivi
- Apparati ta’ komunikazzjoni bħal smartphones, tablets u e-books
- Tagħmir tat-TV diġitali
- ATMs, terminals tal-ħlas bil-kard u magni taċ-check-in
- Ħwienet online, pjattaformi tal-biljetti, u servizzi bankarji.
Biex tara l-lista sħiħa ta’ prodotti u servizzi li huma soġġetti għar-regoli ta’ aċċessibbiltà, kif ukoll ir-rekwiżiti speċifiċi li japplikaw, ikkonsulta l-leġiżlazzjoni rilevanti.
Twissija
Xi pajjiżi tal-UE għażlu li jsegwu r-regoli tal-UE dwar l-aċċessibbiltà tal-bini u tal-ambjent mibni. Jekk pajjiżek għażel li jagħmel dan, se jkollok tqis il-faċilità tal-aċċess għaż-żoni fuq barra, l-entrati, it-toilets eċċ.Regoli ġenerali dwar l-aċċessibbiltà
Ir-regoli speċifiċi dwar l-aċċessibbiltà li japplikaw fil-każ tiegħek jiddependu fuq il-prodott jew is-servizz tiegħek. Madankollu, il-prodotti u s-servizzi (u kwalunkwe għodda ta’ appoġġ jew manwali tal-istruzzjonijiet li jakkumpanjawhom) għandhom
- ikunu adattati għall-użu minn persuni b’diżabbiltajiet konjittivi
- ikunu interoperabbli mat-teknoloġiji ta’ assistenza, bħall-kontroll bil-vuċi u l-qarrejja tal-iskrin
- jipprovdu għażliet differenti ta’ input u output (tastiera, vuċi, mess eċċ.)
- ikunu faċli biex wieħed jinnaviga fihom bi tqassim konsistenti u navigazzjoni loġika
- jipprovdu biżżejjed ħin biex wieħed ilesti xi jkun qed jagħmel
- jevitaw elementi viżwali li jinduċu attakki epilettiċi (eż. kontenut li jteptep)
Eċċezzjonijiet
Dawn ir-rekwiżiti japplikaw għall-prodotti u s-servizzi li jkunu ġew introdotti fis-suq wara t-28 ta’ Ġunju 2025. Madankollu, isiru eċċezzjonijiet għal
- prodotti u servizzi li daħlu fis-suq matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni għar-regoli l-ġodda
- terminals self-service li kienu jintużaw qabel t-28 ta’ Ġunju 2025 (din l-eċċezzjoni hija valida għal massimu ta’ 20 sena wara l-ewwel dħul fl-użu tagħha)
- negozju bbażat fuq is-servizzi b’inqas minn 10 impjegati u fatturat ta’ inqas minn €2 miljuni.
Madankollu, in-negozji kollha huma intitolati li jiddikjaraw li l-obbligi huma piż sproporzjonat. Biex tagħmel din id-dikjarazzjoni, għandek tipprovdi evidenza, li tiġi rieżaminata kull 5 snin, li l-kost jew l-isforz biex tikkonforma mal-obbligi huma eċċessivi.
Valutazzjoni tal-konformità
Inti mitlub tipprovdi lill-awtoritajiet dikjarazzjoni li tikkonferma li l-prodotti tiegħek jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tal-UE. Trid tiddeskrivi wkoll il-prodott jew is-servizz tiegħek, filwaqt li tispjega kif dan jissodisfa r-rekwiżiti, u tiddeskrivi l-proċeduri tekniċi u tad-disinn użati fl-istadju tal-manifattura/tal-produzzjoni.
Storja bħala eżempju
L-ibbukkjar ta’ biljett għal kunċert
Inti s-sid ta’ sit web kbir għall-ħruġ tal-biljetti. Simon, li huwa dislessiku, iżur is-sit tiegħek biex jibbukkja xi biljetti għal kunċert. Id-disinjaturi grafiċi tiegħek aċċertaw ruħhom li jiddisinjaw il-pjattaforma b’mod li l-elementi fuq il-paġna jispikkaw b’mod ċar ħafna. Is-sit jinkludi wkoll element viżwali li juri t-tqassim tal-postijiet fejn isiru l-kunċerti, u s-seats huma kkodifikati bil-kulur skont id-disponibbiltà tagħhom. Simon jikklikkja fuq is-seats li jixtieq jibbukkja. Jinnota wkoll li s-sit tiegħek jipprovdi għażla awdjo, iżda t-test tant huwa aċċessibbli li ma għandux bżonn jużah.
Ara wkoll
W3C Inizjattiva ta’ Aċċessibbiltà tal-Web en