Il-ħruġ tal-permessi għal proġetti fil-qasam tal-materja prima kritika
Jekk in-negozju tiegħek qed jippjana li jibni, jespandi jew jadatta faċilità għal skop differenti għall-estrazzjoni, għall-ipproċessar jew għar-riċiklaġġ tal-materja prima kritika, jista’ jkollok bżonn il-permessi qabel ma l-proġett tiegħek ikun jista’ jipproċedi. Xi wħud minn dawn il-proġetti jistgħu jikkwalifikaw bħala Proġetti Strateġiċi u jibbenefikaw minn proċeduri iktar rapidi għall-ħruġ tal-permessi, aċċess għal servizzi ta’ appoġġ u għajnuna fl-identifikazzjoni tal-opportunitajiet ta’ finanzjament.
X’inhu proġett fil-qasam tal-materja prima kritika?
Proġett fil-qasam tal-materja prima kritika huwa proġett li jinvolvi l-bini ta’ faċilità ġdida, jew l-espansjoni jew l-adattament b’mod sinifikanti ta’ faċilità eżistenti għal skop differenti, għall-estrazzjoni, għall-ipproċessar jew għar-riċiklaġġ ta’ materja prima kritika. Eżempji jinkludu minjieri, raffineriji, impjanti tal-ipproċessar u faċilitajiet tar-riċiklaġġ.
Twissija
Il-materja prima kritika (CRMs) hija materja prima li titqies bħala essenzjali għall-ekonomija tal-UE u soġġetta għal riskju għoli ta’ tfixkil fil-provvista. Is-CRMs jiġu deżinjati fil-livell tal-UE, u l-lista attwali tista’ tiġi kkonsultata fuq is-sit web tal-Materjali Kritiċi u Strateġiċi (RMIS) en tal-Kummissjoni.X’permessi huma meħtieġa?
Il-permessi u l-awtorizzazzjonijiet li jaf ikollok bżonn biex tiżviluppa proġett fil-qasam tal-materja prima kritika jiddependu fuq in-natura u l-post tal-proġett tiegħek. Dawn jistgħu jinkludu:
- permessi għall-bini
- permessi għas-sustanzi kimiċi
- permessi għall-konnessjoni mal-grilja
- valutazzjonijiet u awtorizzazzjonijiet ambjentali
Rekwiżiti nazzjonali, reġjonali jew lokali addizzjonali jistgħu japplikaw ukoll skont il-pajjiż tal-UE u l-karatteristiċi speċifiċi tal-proġett.
Kif jaħdem il-proċess tal-ħruġ tal-permessi
Il-permessi jinħarġu fil-livell nazzjonali, u f’xi każijiet, fil-livell reġjonali jew lokali. Biex tmexxi l-proġett tiegħek ’il quddiem, għandek tikkuntattja lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt tas-CRM en għall-pajjiż tal-UE fejn jinsab il-proġett tiegħek.
L-SPC qiegħed hemm biex jiggwidak fil-proċess tal-ħruġ tal-permessi. L-SPC:
- jaġixxi bħala l-interfaċċa amministrattiva ewlenija
- jindika liema permessi japplikaw għall-proġett tiegħek
- jispjega l-proċeduri u l-iskedi ta’ żmien għall-approvazzjonijiet ambjentali, tal-kostruzzjoni u tal-enerġija
- jgħin fil-koordinazzjoni tal-awtoritajiet involuti fil-ħruġ tal-permessi u l-tal-approvazzjonijiet differenti
Li tikkuntattja l-SPC en tiegħek kmieni jista’ jgħin biex jiġi evitat dewmien u jappoġġa proċess ta’ ħruġ tal-permessi li jimxi iktar ħarir.
X’inhu Proġett Strateġiku?
Proġett Strateġiku huwa proġett fil-qasam tal-materja prima kritika rikonoxxut mill-Kummissjoni Ewropea bħala li jagħti kontribut sinifikanti biex tiġi żgurata l-provvista tal-UE tal-materja prima strateġika. Dawn il-proġetti jistgħu jkunu jinsabu fl-UE jew barra l-UE.
Benefiċċji tal-Proġetti Strateġiċi
Il-proġetti strateġiċi jistgħu jibbenefikaw minn:
- proċeduri għall-ħruġ tal-permessi iktar rapidi u iktar prevedibbli għal proġetti li jinsabu fl-UE
- skedi ta’ żmien massimi għall-ħruġ tal-permessi sa 27 xahar għal proġetti tal-estrazzjoni u sa 15-il xahar għal proġetti tal-ipproċessar u tar-riċiklaġġ
- appoġġ fl-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament
- aċċess iktar faċli għal servizzi ta’ appoġġ għan-negozji.
Kriterji għall-Proġetti Strateġiċi
Biex jikkwalifika bħala Proġett Strateġiku, il-proġett tiegħek għandu:
- jgħin biex tissaħħaħ il-provvista tal-UE tal-materja prima strateġika
- ikun teknikament fattibbli u kapaċi jimxi ‘l quddiem f’skeda ta’ żmien raġonevoli
- jiġi żviluppat b’mod sostenibbli
- ikollu benefiċċji transfruntieri għal proġetti bbażati fl-UE jew benefiċċji reċiproċi għal proġetti bbażati f’pajjiżi terzi
Ivverifika l-lista ta’ proġetti strateġiċi approvati en tal-Kummissjoni biex tara x’tip ta’ proġetti diġà ntgħażlu.
Kif tapplika għall-istatus ta’ Proġett Strateġiku
L-applikazzjonijiet għall-istatus ta’ Proġett Strateġiku jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni Ewropea bl-użu ta’ formola tal-applikazzjoni online. Biex tapplika għall-istatus ta’ Proġett Strateġiku, segwi l-passi ta’ hawn taħt.
Ħejji l-applikazzjoni tiegħek
Qabel tapplika, ara li jkollok l-informazzjoni u d-dokumenti ta’ sostenn kollha meħtieġa biex turi li l-proġett tiegħek jissodisfa l-kriterji ta’ Proġett Strateġiku.
L-applikazzjonijiet tipikament jinkludu informazzjoni dwar:
- l-iskeda ta’ żmien tal-proġett
- il-permessi meħtieġa u l-istatus tal-proċess tal-ħruġ tal-permessi
- il-vijabbiltà teknika u finanzjarja tal-proġett
- l-impatti ambjentali u soċjali
- l-involviment mal-komunitajiet lokali meta jkun rilevanti
Gwida dettaljata u l-formola tal-applikazzjoni en huma disponibbli mingħand il-Kummissjoni Ewropea.
Ippreżenta l-applikazzjoni tiegħek
L-applikazzjonijiet iridu jiġu ppreżentati bl-użu tal-formola tal-applikazzjoni en pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni tirrieżamina l-applikazzjonijiet għall-kompletezza u tista’ titlob informazzjoni addizzjonali meta jkun meħtieġ.
Ladarba l-applikazzjoni titqies kompluta:
- tiġi vvalutata skont il-kriterji ta’ Proġett Strateġiku
- jiġu kkonsultati l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti u l-Bord Ewropew għall-Materja Prima Kritika
- deċiżjoni finali tittieħed mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni għandha normalment tadotta deċiżjoni fi żmien 90 jum wara li tikkonferma li l-applikazzjoni hija kompluta.
Twissija
Ivverifika l-gwida uffiċjali tal-Proġett Strateġiku għall-applikanti en, inkluż l-informazzjoni dwar il-proċess tal-applikazzjoni, l-informazzjoni ta’ sostenn għall-formola tal-applikazzjoni online u l-proċedura tal-valutazzjoni.Finanzjament u appoġġ
Il-Proġetti Strateġiċi tas-CRM jistgħu jirċievu appoġġ biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament u jiġi attirat l-investiment privat. L-appoġġ jista’ jinkludi:
- opportunitajiet biex jiġi attirat l-investiment privat
- finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment en u minn istituzzjonijiet finanzjarji oħra
- programmi ta’ finanzjament nazzjonali u skemi ta’ appoġġ
- Programmi ta’ fondi u ta’ finanzjament tal-UE