Għandek bżonn ta' tabib/sptar barra minn pajjiżek
Il-Brexit affettwak?
Twissija
F'emerġenza tkun fejn tkun fl-UE, tista' ċċempel il-112 bla ħlas minn kwalunkwe telefown fiss jew mowbajl biex taqbad mas-servizzi tal-emerġenza
Jekk ikollok bżonn tara tabib jew ta' trattament fi sptar matul btala f'pajjiż ieħor tal-UE, il- Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea tissimplifikalek il-proċeduri amministrattivi u tar-rimborż għall-kura tas-saħħa pubblika.
Id-differenzi fis-sistemi nazzjonali
Is-sistemi tal-kura tas-saħħa u tas-sigurtà soċjali jvarjaw minn pajjiż tal-UE għal ieħor. F'xi pajjiżi jaf ikollok tħallas għat-trattament lit-tabib jew lill-isptar direttament, anki jekk normalment ma tagħmilx dan f'pajjiżek.
Tista' ssib informazzjoni dwar is-sistema tal-kura tas-saħħa fil-pajjiż li żżur mingħand istituzzjoni nazzjonali tal-kura tas-saħħa, minn Punt ta' Kuntatt Nazzjonali, permezz tal- applikazzjoni tal-ismartphone tal-EHIC, jew billi tagħżel pajjiż mil-lista ta' hawn taħt:
Agħżel pajjiż:
Twissija
Il-Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (EHIC) hi aċċettata biss minn tobba jew sptarijiet affiljati mas-sistema tal-kura tas-saħħa statutarja - il-kura tas-saħħa privata mhix koperta. Jekk tuża l-kura tas-saħħa privata, jista' jkun il-każ li tkun tista' titlob rimborż meta tmur lura pajjiżek - iżda l-ewwel nett għandek tiċċekkja d-drittijiet tiegħek, peress li r-regoli dwar ir-rimborż ivarjaw.
Storja bħala eżempju
Kun ċert li tingħata trattament taħt is-sistema tal-kura tas-saħħa pubblika lokali
Minkejja l-fatt li kellha driegħ miksur Ewa marret fuq vjaġġ tan-negozju f'pajjiż ieħor tal-UE. Waqt li kienet hemm, beda juġagħha driegħha u għalhekk marret tara tabib. Meta waslet lura pajjiżha, irċeviet kont għat-trattament. Skopriet li l-ispiża ma kinitx koperta mill-assiguratur tagħha skont is-sistema tal-EHIC peress li t-tabib taha trattament bħala pazjenta privata. Ewa setgħet titlob xi flus lura mill-assiguratur tagħha, iżda mhux l-ammont kollu, peress li l-ispiża tat-trattament barra minn pajjiżha kienet ogħla minn dik f'pajjiżha stess.
Sir af aktar dwar pagamenti u rimborżi għal trattament mediku mhux ippjanat.
Jekk tivvjaġġa f'pajjiż barrani speċifikament għal raġunijiet mediċi, se tkun kopert b'regoli differenti.