L-aħħar verifika: 14/12/2022

Prattiki kummerċjali żleali

Meta tixtri oġġetti u servizzi minn x’imkien fl-UE – minn sit web, ħanut lokali jew bejjiegħ minn barra pajjiżek – il-liġi tal-UE tipproteġik kontra prattiki kummerċjali żleali.

Meta jippromwovu, ibigħu jew jissupplixxu l-prodotti, il-kumpaniji għandhom jagħtuk biżżejjed informazzjoni preċiża biex jippermettulek tiddeċiedi x’tixri b’mod infurmat. Għandhom jipprovdu d-dettalji obbligatorji kollha b’“mod ċar u li jinftiehem” u b’“lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem”. Skopri aktar dwar l-informazzjoni dwar il-kuntratti.

Jekk huma ma jagħtukx din l-informazzjoni, l-azzjonijiet tagħhom jistgħu jitqiesu bħala żleali. Għandek id-dritt li tfittex rimedju jekk tiġi ttrattat b’mod żleali.

Prattiki qarrieqa u aggressivi

Int protett kontra 2 kategoriji ewlenin ta’ prattiki kummerċjali żleali:

Ċerti prattiki kummerċjali huma pprojbiti fi kwalunkwe ċirkostanza. Uħud mill-aktar komuni huma elenkati hawn taħt:

Reklamar li jservi ta’ lixka

Il-bejjiegħa ma jistgħux jippromwovu prodotti/servizzi bi prezz ferm baxx meta ma għandhomx stokk biżżejjed disponibbli. Iridu jgħidu lill-klijenti kemm għandhom oġġetti disponibbli għall-bejgħ u għal kemm żmien se jibqgħu validi l-offerti.

Storja bħala eżempju

Alex ra riklam iħabbar promozzjoni speċjali għal titjiriet: "Ixxemmex f’Barċellona għall-prezz ta’ €1 biss!"

Meta pprova jibbukkja t-titjira, il-biljett ta’ €1 ma kienx għadu disponibbli. Hu ċempel lis-servizz tal-klijenti tal-kumpanija u qalulu li b’dak il-prezz baxx, kien hemm offruti biss ftit postijiet .

Huwa għamel ilment għand iċ-ċentru nazzjonali tal-konsumaturi tiegħu. Dawn ikkonfermaw li l-linja tal-ajru kellha toffri għadd raġonevoli ta’ postijiet bil-prezz reklamat, skont id-daqs tal-kampanja ta’ pubbliċità u/jew (tal-anqas) turi l-għadd ta’ postijiet disponibbli b'dak il-prezz speċjali.

Għalkemm Alex ma setax jakkwista biljett bil-prezz reklamat, iċ-ċentru nazzjonali tal-konsumaturi ta parir lill-kumpanija biex tneħħi r-riklam, biex tevita li klijenti oħrajn jaqgħu fl-istess nassa.

Klassifikazzjoni mhux trasparenti tar-riżultati tat-tfittxija

Ir-regoli tal-UE jirrikjedu li s-siti web jindikaw b’mod ċar meta riżultat tat-tfittxija jiġi sponsorjat jew isir aktar prominenti bħala riżultat ta’ reklamar imħallas (b’tikketta bħal “Sponsorjat” jew “Ad”). Il-pjattaformi online huma obbligati jiżvelaw il-vantaġġi mogħtija lill-prodotti sponsorjati fil-klassifikazzjoni u jispjegawlek il-parametri li fuqhom hija bbażata l-klassifikazzjoni. Biex issib għażliet imparzjali, normalment ikollok bżonn tiskrollja lil hinn mill-ewwel paġna ta’ kwalunkwe riżultat tat-tfittxija.

Storja bħala eżempju

Alice dejjem tiskennja r-riżultati tat-tfittxija biex tiċċekkja l-istatus tal-prodotti fil-lista. Jekk tara tikketta “Sponsorjat” jew “Ad”, hija taf li dan huwa fil-fatt reklam. 

Offerti “bla ħlas” foloz

Il-bejjiegħa għandhom jagħtu l-prezzijiet veri tal-oġġetti u s-servizzi tagħhom. Ma jistgħux ipinġu li servizz bi ħlas huwa “bla ħlas” jew joffrulek servizz addizzjonali “bla ħlas” meta fil-fatt l-ispejjeż veri ta’ servizzi “bla ħlas” ta’ din ix-xorta huma diġà inklużi fil-prezz regolari.

Storja bħala eżempju

Francesca ffirmat għal servizz tal-sms. Hi ndunat li kien hemm kaxxa fil-qiegħ tal-paġna tas-sit web li kienet tgħid “5 messaġġi bla ħlas kuljum.” Meta kklikkjat, ittieħdet f’paġna oħra li għal darb’oħra kienet tgħid “5 MESSAĠĠI BLA ĦLAS KULJUM.”

Segwiet l-istruzzjonijiet u ġiet mgħarrfa li issa hija rreġistrat ruħha u li l-ħlas għas-servizz kien ta’ €3 fil-ġimgħa. Fil-fatt, fis-sit web, rat b’ittri żgħar li kien servizz bi ħlas.

Trid toqgħod attent ħafna għal offerti ta’ din ix-xorta u tiċċekkja bir-reqqa l-kundizzjonijiet.

Manipulazzjoni tat-tfal

Il-bejjiegħa ma jistgħux jgħidu lit-tfal tiegħek biex jitolbuk tixtrilhom il-prodotti tagħhom. Appelli diretti bħal “Mur ixtri l-ktieb issa” jew “Ġiegħel lill-ġenituri jixtrulek din il-logħba” huma pprojbiti. Din il-projbizzjoni tapplika għall-media kollha, inkluż it-televixin u – b’mod aktar importanti – l-internet.

Storja bħala eżempju

Cécile ssorprendiet ruħha, meta bintha f’daqqa waħda bdiet titlobha tixtrilha sett ta’ DVDs bil-karattru tal-ktieb favorit tagħha.

Cécile fehmet għax meta rat ir-reklam tas-sett tad-DVD semgħet, “Il-ktieb favorit tiegħek issa ħareġ fuq DVD – għid lil ommok tixtrihulek.”

Hija kkonsultat ma’ awtorità tal-protezzjoni tal-konsumaturi. Dawn ikkonfermawlha li din kienet prattika żleali u ressqet ilment kontra l-kumpanija sabiex twaqqaf il-kampanja.

Elementi qarrieqa

Elementi qarrieqa jew dark patterns huma inganni f’siti web biex iħeġġu, iqarrqu jew jiggwidawk biex tieħu ċerta azzjoni. Il-kronometri bil-ħin foloz huma eżempju wieħed. Użati min-negozji biex jixprunaw il-bejgħ tal-kummerċ elettroniku, huma jagħtu sens ta’ urġenza biex jinfluwenzaw lill-klijenti u jħeġġuhom jagħmlu xiri qabel ma tiskadi l-offerta. Eżempju ieħor huwa formoli ta’ kunsens li tant ikunu kumplessi u mhux ċari li ma tkunx ċert għal xiex iffirmajt. Ir-regoli tal-konsumatur tal-UE jipproteġuk minn dawn ix-xejriet qarrieqa, u jipprojbixxu lill-kumpaniji milli joħolqu interfaces online tal-utenti mfassla biex iqarrqu bik sabiex tixtri oġġetti li fil-verità ma tkunx tixtieqhom.

Jekk kont vittma ta’ prattiki kummerċjali żleali tista’ tfittex rimedju.

Storja bħala eżempju

Alexander minn Ċipru ried jissorprendi lin-neputi tiegħu b’biljetti fuq quddiem nett għal-logħba finali tat-tim tal-futbol favorit tiegħu. It-tfittxija online tiegħu wasslitu f’sit web tal-biljetti li kien ikklassifikat l-ewwel. Huwa assuma li minħabba li kellu elenkar daqshekk prominenti, għandu jkun kemm is-sit uffiċjali kif ukoll l-aħjar wieħed.

Imkien ma kien hemm miktub li s-sit kien fil-fatt pjattaforma ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ biljetti. Is-sit web iddikjara li kien għad fadal biss erba’ biljetti disponibbli għal-logħba u utenti oħra kienu qed ifittxu wkoll li jixtruhom. Meta kklikkja fuq il-biljetti għal aktar informazzjoni, ġie attivat kronometru ta’ 10 minuti, li jżid is-sens ta’ urġenza. Taħt il-pressjoni li jista’ jitlef l-opportunità tiegħu, huwa ddeċieda li jixtri l-biljetti. 

Alexander kien qed jistenna li se jirċievi l-biljetti immedjatament. Minflok, huwa rċieva konferma b’email li tgħid li kienu se jinħarġu xi żmien qabel l-avveniment, li kien għad fadallu erba’ xhur. 

Bis-saħħa tar-regoli tal-UE, huwa ressaq ilment dwar dawn il-prattiki u talab rimedju talli ġie żgwidat.

Dikjarazzjonijiet foloz dwar kuri

Kull meta prodott issirlu pubbliċità bħala li huwa terapewtiku – ifejjaq l-allerġiji, ma jħallix li xagħrek ikompli jaqagħlek, jgħinek titlef il-piż, eċċ. – int għandek id-dritt li tkun taf jekk dikjarazzjonijiet ta’ din ix-xorta ġewx ikkonfermati b’mod xjentifiku. F’bosta każijiet, dikjarazzjonijiet bħal dawn mhumiex appoġġati medikament u huma, fi ftit kliem, tajbin iżżejjed biex ikunu veri.

Storja bħala eżempju

Mario rċieva ittra minn kumpanija f’pajjiż ieħor li kienet qed tgħid li l-prodott tagħhom kellu jgħinu biex jerġa’ jitlagħlu xagħru fi 3 ġimgħat.

Mario ddeċieda li jordna l-prodott, għax l-ittra kienet tgħid li dan kien “ippruvat u ttestjat”. Madankollu, il-prodott ma kienx ittestjat, u ma ħadimx.

Mario kkuntattja lill-awtorità nazzjonali tal-protezzjoni tal-konsumaturi u sar jaf li bosta klijenti żgwidati oħrajn kienu lmentaw ukoll. Tawh il-parir li jissieħeb fil-proċeduri legali kontra l-kumpanija li kienu diġà għaddejjin.

Dikjarazzjonijiet ekoloġiċi foloz jew greenwashing

Huwa illegali għal negozju fl-UE li jirreklama dikjarazzjonijiet foloz, mhux preċiżi jew esaġerati dwar il-kisbiet jew l-impenji ambjentali tiegħu. Din hija forma ta’ reklamar qarrieqi msejjaħ “greenwashing”. Jekk tqis li esperjenzajt greenwashing, għandek id-dritt li tirrapporta dikjarazzjonijiet qarrieqa u titlob rimedji xierqa.

Storja bħala eżempju

Athena mill-Greċja tagħti kas ħafna tal-ambjent u tagħmel sforz konxju biex tixtri prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u li jiġu prodotti f’kundizzjonijiet ġusti.

Dan l-aħħar, Athena xtrat xi kożmetiċi b’tikketta li tgħid li huma “ekoloġiċi”. Konvinta mill-bejjiegħ li kienet qed tagħmel l-aktar għażla ekoloġika possibbli, kienet sorpriża li sabet tant imballaġġ li jintuża darba biss fil-kaxxa. 

Pubbliċità moħbija fil-media (pubbliċità b’forma ta’ artiklu jew “advertorial”)

Għandek id-dritt li tiġi mgħarraf jekk artiklu f’gazzetta, fi programm televiżiv jew fuq ir-radju ġiex “sponsorjat” minn kumpanija bħala mod ta’ pubbliċità għall-prodotti tagħha. Dan għandu jkun ċar permezz ta’ stampi, kliem jew ħoss.

Storja bħala eżempju

Yann qara artiklu f’rivista tal-ivvjaġġar dwar trekking fl-Irlanda. L-artiklu, ippubblikat bħala storja minn wieħed mill-qarrejja, semma’ li ċerta ditta ta’ tagħmir użat matul il-vjaġġ kienet partikolarment tajba.

Yann iddeċieda li jerġa’ jiċċekkja fuq forum online u sar jaf li t-tagħmir tad-ditta kummerċjali ma kienx meqjus bħala kwalità tajba ħafna. Bosta parteċipanti ta’ forums saħqu li kienu ingannati biex jixtruh, billi ma kinux jafu li l-artiklu kien sponsorjat mill-manifattur tat-tagħmir (magħruf bħala “advertorial”).

Meta Yann ikkuntattja organizzazzjoni tal-konsumaturi, sar jaf li, skont il-liġi tal-UE, ir-rivista tal-ivvjaġġar kellha tagħmilha ċara li l-artiklu kien reklam. L-organizzazzjoni tal-konsumaturi kkuntattjat lill-pubblikatur tar-rivista li ppubblika kjarifika u skuża ruħu mal-qarrejja talli kien żgwidahom.

Reklami minn influwenzaturi tal-media soċjali

Skont il-liġi tal-UE, għandek id-dritt tkun taf jekk l-atleta, il-kantant, il-blogger, eċċ. favoriti tiegħek jitħallsux biex japprovaw prodotti u servizzi speċifiċi. L-approvazzjonijiet sponsorjati (jiġifieri, imħallsa) jeħtieġ li jiġu identifikati bħala tali. L-isponsorjar jista’ jkun ukoll rigali, vjaġġi jew kodiċijiet ta’ skont bla ħlas. Huwa obbligatorju għall-influwenzaturi li jaġixxu bħala sponsors tal-prodott li jagħmluha ċara li mhumiex biss konsumaturi tal-prodott. Ir-regoli japplikaw għal kull ħlas, skont, arranġament ta’ sħubija, prodott b’xejn (inklużi rigali mhux mitluba), vjaġġ b’xejn jew stedina għal avveniment.

Storja bħala eżempju

Olivia mid-Danimarka hija Instagrammer attiva. Hija ssegwi mijiet ta’ nies, li ħafna minnhom huma influwenzaturi popolari. 

Filwaqt li n-nies li ssegwi fuq Instagram jistgħu jixxerjaw xi ħaġa dwar prodott jew servizz minħabba li kien għoġobhom, huwa ovvju li xi drabi jistgħu jitħallsu jew jingħataw benefiċċji b’xejn biex jagħmlu dan. Il-kowċ favorit tal-yoga ta’ Olivia, pereżempju, għandu ftit sħubijiet ma’ kumpaniji speċifiċi li jbigħu tagħmir tal-yoga. Olivia m’għandhiex problema b’dan. Madankollu, bħall-biċċa l-kbira tal-konsumaturi, hija trid tkun taf meta xi ħadd jitħallas jew jirċievi benefiċċji biex ifaħħru prodott jew ditta, u għalhekk tivverifika l-bios u l-posts għal din l-informazzjoni. 

Reklami fil-logħob

Ħafna logħob jiġi bir-reklami integrati fl-app. Dawn jidhru f’daqqa u huwa diffiċli li teħles minnhom. Xi drabi, ma jkunx ċar x’inhu parti mil-logħba u x’inhu r-reklam. Skont ir-regoli tal-UE, għandek id-dritt tkun taf jekk ir-reklami, l-approvazzjonijiet u l-kontenut imħallas humiex preżenti fil-logħob jew fuq il-pjattaformi tal-logħob. Għandhom ikunu mmarkati b’mod ċar bħala tali u għandhom jikkonformaw mar-regoli rilevanti kollha.

Storja bħala eżempju

Emma mill-Irlanda hija gamer online attiva. Hija nnotat li r-reklami kienu qed jiżdiedu u jneħħulha l-gost. Hija ħasset li kien hemm wisq anteprimi interattivi ta’ logħob (biex iħeġġuha tinstalla logħob ġdid). Sar diffiċli li tagħmel distinzjoni bejn il-logħob tagħha u r-reklami.

Reċensjonijiet foloz tal-konsumaturi

Skont ir-regoli tal-UE, in-negozjanti li jippubblikaw ir-reċensjonijiet iridu jiżvelaw kif jiżguraw li r-reċensjonijiet ikunu ġew sottomessi minn konsumaturi reali li jkunu xtraw il-prodott jew is-servizz. Dawn ir-regoli jipprojbixxu b’mod espliċitu lin-negozjanti milli jibdlu r-reċensjonijiet tal-klijenti u l-klassifikazzjonijiet tal-prodotti jew tas-servizzi tagħhom.

Bl-istess mod, in-negozjanti huma pprojbiti wkoll milli jħallsu lin-nies biex jiktbu reċensjonijeit foloz jew jagħmlu approvazzjonijiet, inkluż li jagħmlu “like” jew inkella japprovaw posts tal-media soċjali. In-negozjanti jistgħu jippreżentawhom biss bħala reċensjonijiet tal-konsumatur jekk ikunu għamlu sforzi raġonevoli u proporzjonati biex jivverifikaw l-oriġini u l-awtentiċità tar-reċensjonijiet.

Storja bħala eżempju

Bħala xerreja online attiva, Barbara mill-Awstrija dejjem tiċċekkja ċ-ċarts tad-daqs u r-reċensjonijiet dwar kif il-ħwejjeġ jiġu lin-nies reali, qabel ma tixtri. Hija tiċċekkja wkoll ir-ritratti li l-klijenti jkunu tellgħu u tafda l-feedback tagħhom. Huwa għalhekk li ma ħasbithiex darbtejn meta xtrat il-libsa tat-tieġ tagħha online. Dak li rat fir-ritratti u fir-reċensjonijiet tal-klijenti rrifletta r-realtà, u l-libsa tat-tieġ tagħha kien eżattament kif kienet qed tistenna li tkun.

Skemi piramida

Dawn huma skemi ta’ promozzjoni li int tħallas biex tissieħeb fihom biex bi skambju tingħata l-opportunità li tirċievi kumpens. Dan il-kumpens, madankollu, jiġi primarjament billi ddaħħal persuni ġodda fl-iskema. Il-bejgħ jew il-konsum attwali tal-prodotti għandu rwol żgħir. F’ċertu punt, l-iskemi piramida jikkrollaw, u dawk li jidħlu l-aħħar fihom jitilfu l-investiment tagħhom.

Storja bħala eżempju

Oana kienet offruta impjieg f’network ta’ kummerċjalizzazzjoni biex tbigħ prodotti kożmetiċi. Qalulha li kienet se tagħmel ħafna flus fil-ħin liberu tagħha mill-kumdità ta’ darha.

Intalbet tħallas miżata ta’ darba u ddaħħal 5 iħbieb fin-network. Aktar ma hi kienet se tintroduċi ħbieb fin-network, aktar kienet se taqla’ flus. Ħbiebha wkoll kellhom jaqilgħu aktar flus jekk jintroduċu 5 iħbieb oħrajn.

Oana ma ndunatx li l-introjtu ewlieni tagħha kien se jiġi mir-reklutaġġ ta’ persuni fin-network milli mill-bejgħ tal-prodotti kożmetiċi.

Jekk issib ruħek f’sitwazzjoni ta’ din ix-xorta, għandek tikkuntattja organizzazzjoni tal-konsumaturi li tinformak dwar il-miżuri ta’ kumpens li tista’ tuża f’pajjiżek.

Offerti foloz ta’ premjijiet, rigali

In-negozjanti ma jistgħux jagħmlu pubbliċità ta’ premjijiet jew rigali “bla ħlas”, u mbagħad jeħtiġuk tħallas għalihom biex tkun tista’ takkwistahom. Jekk tirċievi ittra jew email li tgħidlek: Awguri, irbaħt premju!, oqgħod attent billi din tista’ tkun ukoll prattika inġusta.

Storja bħala eżempju

Evelina rċeviet ittra minn kumpanija li awguratilha talli kienet rebħet premju ta’ €100. Qalulha biex iċċempel biex tingħata l-premju fi żmien ġimgħa.

Meta ċemplet in-numru tal-ittra, qalulha li l-offerta fil-fatt ma kinitx ħlief riklam. Minflok ma rċeviet premju, intalbet tixtri tagħmir tad-dar, biex imbagħad tiddaħħal f’lotterija.

Evelina kienet iddiżappuntata u ddeċidiet li tivverifika jekk il-kumpanija setgħetx tagħmel dan. Hi kkuntattjat lill-organizzazzjoni nazzjonali tal-konsumaturi u saret taf li prattiki ta’ din ix-xorta huma pprojbiti. L-organizzazzjoni tal-konsumaturi kkuntattjat lill-kumpanija, li finalment waqqfet din il-prattika.

Vantaġġi “speċjali” foloz

Il-bejjiegħa ma jistgħux jgħidu li qed jagħtuk drittijiet speċjali, meta fil-fatt int diġà qed tgawdi dawk id-drittijiet skont il-liġi.

Storja bħala eżempju

Konstantinos minn Tessaloniki ddeċieda li jixtri kompjuter mill-internet.

Hu għażel ħanut online li kien qed jippromwovi offerta speċjali li tagħti lix-xerrejja garanzija ta’ sentejn li tkopri t-tiswijiet jew il-bdil jekk il-prodott jinzerta difettuż jew mhux kif kien reklamat.

Konstantinos ipperswada ruħu li din kienet offerta speċjali, iżda l-garanzija ta’ sentejn hi obbligu impost fuq kull bejjiegħ bil-liġi.

Bosta bejjiegħa jew manifatturi joffru l-garanziji kummerċjali tagħhom, li jwiegħdu li jsewwu prodott, pereżempju għal sena, tliet snin jew ħames snin. Dawn jistgħu jkunu bla ħlas jew għal xiri fakultattiv. Madankollu, dawn il-garanziji kummerċjali addizzjonali qatt ma jieħdu post il-garanzija ta’ minimu ta’ sentejn, li int għandek awtomatikament mingħand il-bejjiegħ bħala dritt legali tiegħek.

Konstantinos kiteb lin-negozjant, li aċċetta li kien hemm żball u qabel li jagħtih sena addizzjonali bħala garanzija kummerċjali.

Użu falz ta’ offerti limitati

Meta l-bejjiegħa jgħidulek li offerta partikulari se tkun disponibbli biss għal żmien tassew limitat, huma għandhom mnejn ikunu qed jagħmlulek pressjoni biex tixtri qabel ma jkollok żmien biżżejjed biex tagħmel għażla informata. Mhuwiex ġust li jingħad li offerta hi limitata għal ċertu żmien meta fil-fatt dan ma jkunx il-każ.

Storja bħala eżempju

Simon mill-Belġju xtaq jixtri rota. Huwa sab offerta speċjali valida għal 24 siegħa biss f’ħanut Olandiż online.

Ir-rota ma kinitx eżattament dik li kien qed ifittex, iżda ma kellux il-ħin joqgħod iqabbel, billi l-offerta kienet valida biss għal ħin tassew qasir. Hu malajr iddeċieda li jixtri r-rota biex jieħu vantaġġ minn roħs ta’ 50%.

Skanta meta daħal fil-ħanut tal-internet ġimgħa wara, u ra eżattament l-istess offerta. Simon induna li dik kienet offerta falza biex tingannah ħalli jixtri r-rota. Huwa lmenta man-negozjant iżda ma ħax tweġiba.

Imbagħad mar għand iċ-Ċentru Ewropew għall-Konsumaturi fil-Belġju li ttrasferixxa l-każ lill-kollegi li jaħdmu fl-istess ċentru iżda fin-Netherlands. Ftit tal-ħin wara, iċ-ċentru Olandiż qal lil Simon li bis-saħħa tal-azzjoni taċ-ċentru, in-negozjant kien ikkoreġa s-sit web.

Offerti persistenti mhux mixtieqa

Skont il-liġi tal-UE, il-kumpaniji ma jistgħux jagħmlulek offerti persistenti u mhux mixtieqa bit-telefown, bil-faks, bl-email jew bi kwalunkwe mezz ieħor adattat għall-bejgħ mill-bogħod.

Storja bħala eżempju

Margus mar f’ħanut tal-għamara tal-kċejjen u abbona f’newsletter dwar offerti ġodda.

Imbagħad beda jirċievi reklami minn rivisti tat-tisjir, tax-xogħol tal-ġnien, tal-ipparaxutjar, tax-xogħol tad-dar... Għalkemm hu ma kien qatt talab li jitpoġġa fuq lista ta’ indirizzi, kultant kien jirċievi saħansitra 10 emails f’jum wieħed! It-talbiet ta’ Margus biex jitneħħa mil-lista tal-indirizzi ġew injorati.

Ħabiba tat parir lil Margus biex jikkuntattja liċ-ċentru nazzjonali tal-konsumaturi, billi dawn kienu għenuha ssolvi problema simili fil-passat. Wara l-azzjoni taċ-ċentru, il-kumpanija fl-aħħar neħħiet lil Margus mil-lista tagħha.

Rimedju għall-vittmi ta’ prattiki kummerċjali żleali

Minbarra l-għażliet eżistenti biex jinstab rimedju, ir-regoli tal-konsumatur tal-UE jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali jwaqqfu u jipprevjenu prattiki kummerċjali żleali bħal reklami foloz, mhux preċiżi jew qarrieqa.

Skont dawn ir-regoli int intitolat ukoll għal rimedji proporzjonati u effettivi jekk tkun sofrejt ħsara minn prattiki kummerċjali żleali bħal kummerċjalizzazzjoni qarrieqa. Hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali tiegħek li jiżguraw li jkollok aċċess għal dawn ir-rimedji, b’mod partikolari l-kumpens għad-danni u, meta rilevanti, it-tnaqqis fil-prezz u t-terminazzjoni tal-kuntratt.

Storja bħala eżempju

Wara xitwa twila u bieżla ħafna, Mario mill-Italja ma felaħx jistenna aktar biex jibbukkja l-vaganza tas-sajf mistħoqqa tiegħu. Waqt li jkun qed jibbrawżja online, ikklikkja fuq l-ewwel reklam rilevanti fuq il-feed tal-media soċjali tiegħu. Ir-reklam tqiegħed minn intermedjarju tal-ivvjaġġar li jirreklama lilu nnifsu bħala l-aqwa pjattaforma online għall-aqwa offerti tal-ivvjaġġar bl-irħas prezz possibbli għat-titjiriet. Ibbukkja titjira minnufih. X’xorti tajba!

Sfortunatament, Mario safa diżappuntat. Meta mar jiċċekkja s-sit web uffiċjali tal-linja tal-ajru ftit minuti wara, skopra offerta aħjar. Il-linja tal-ajru qed tbigħ biljetti għall-istess titjira bi prezz orħos. Għalhekk, l-intermedjarju tal-ivvjaġġar ma kienx qed jgħid il-verità dwar id-dikjarazzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni tiegħu.

Skont ir-regoli tal-UE, Mario jista’ jressaq ilment kontra dikjarazzjonijiet qarrieqa u jitlob rimedju mill-intermedjarju talli qarraq bih b’offerti li ma kinux reali.

Twissija

Tista’ tiltaqa’ ma’ prattiki li ma jaqgħux taħt il-kriterji ta’ hawn fuq, iżda li int tqis inġusti. Ikkonsulta l-assoċjazzjoni nazzjonali tal-konsumaturi jew in-network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi biex tingħata parir.

Ara wkoll

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Ikkondividi din il-paġna: