L-aħħar verifika : 04/04/2018

Il-ġestjoni ta' wirt transkonfinali

Jekk xi ħadd mill-familja tiegħek jew qarib tiegħek imut u inti l-werriet, bħala regola ġenerali tista' tieħu ħsieb il-wirt tagħhom (li legalment jissejjaħ is-suċċessjoni):

L-awtorità li tittratta l-wirt normalment tapplika l-liġi nazzjonali tal-pajjiż tal-UE fejn il-mejjet għex l-aħħar - sakemm il-mejjet ma kienx għamel għażla tal-liġi sabiex tkun tapplika l-liġi tal-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu għall-wirt tiegħu.

Il-possibbiltà li l-werrieta jagħżlu l-qorti

Jekk kwistjoni ta' wirt tkun teħtieġ li tiġi solvuta minn qorti, bħala werriet normalment ikollok tmur għand il-qrati tal-pajjiż fejn il-mejjet għex l-aħħar.

Madankollu, jekk il-mejjet għażel il-liġi tan-nazzjonalità tiegħu biex tapplika għall-wirt tiegħu u dik hija n-nazzjonalità ta' pajjiż tal-UE, int u l-werrieta jew partijiet oħra kkonċernati tistgħu taqblu li tressqu l-kwistjoni fil-qrati ta' dak il-pajjiż tal-UE.

Dawk kollha kkonċernati jridu jaqblu dwar din l-għażla tal-qorti.

Meta taċċetta jew tirrifjuta wirt jew suċċessjoni

Il-liġi nazzjonali li tapplika għall-wirt tista' tippermettilek li tiddikjara quddiem qorti jekk taċċettax jew tirrinunzjax suċċessjoni.

Skont ir-regoli tal-UE, tista' tagħmel tali dikjarazzjoni quddiem qorti fil-pajjiż tal-UE fejn tgħix, anki jekk il-qorti li qed tittratta l-wirt tkun f'pajjiż ieħor tal-UE.

Effetti ta' deċiżjonijiet tal-qorti mogħtija f'pajjiż ieħor tal-UE

Deċiżjoni tal-qorti dwar il-wirt mogħtija f' pajjiż tal-UE tiġi rikonoxxuta f' pajjiżi oħra tal-UE mingħajr ebda proċedura speċjali.

Madankollu, jekk il-parti fil-pajjiż l-ieħor tal-UE ma taqbilx b'mod volontarju mad-deċiżjoni tal-qorti, tista' tapplika għal deċiżjoni biex tiġi ddikkjarata infurzabbli biex il-pulizija jew il-marixxal ikunu jistgħu jintervjenu biex jinfurzaw id-deċiżjoni.

Il-parti l-oħra tista' tappella kontra r-rikonoxximent jew l-infurzar tad-deċiżjoni għar-raġunijiet li ġejjin:

Deċiżjonijiet maħruġa mill-qrati fid-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit ma jibbenefikawx minn dawn ir-regoli simplifikati meta jkun hemm il-ħtieġa li jiġu rikonoxxuti u infurzati f'pajjiż ieħor tal-UE.

Iċ-Ċertifikat Ewropew ta' Suċċessjoni

Jekk inti werriet, għandu mnejn ikollok bżonn turi lil awtorità jew bank f'pajjiż ieħor tal-UE li int intitolat għas-sjieda tal-assi tal-mejjet li jinsabu hemm.

Jista' wkoll ikun hemm il-ħtieġa li l-eżekutur tat-testment u l-amministratur tal-patrimonju jagħtu prova tal-istatus tagħhom li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f'pajjiż ieħor tal-UE.

Storja bħala eżempju

Piotr mill-Polonja miet fil-Ġermanja waqt li kien jgħix hemmhekk bħala ħaddiem stazzjonat għal sena.

Gosia, il-mara u l-werrieta ta' Piotr, tgħix il-Polonja u, wara l-mewt ta' Piotr, għandha bżonn taċċessa l-kont bankarju Ġermaniż tiegħu biex tħallas il-kontijiet u l-aħħar xahar tal-kera.

Madankollu, il-bank qed jitlob dokument uffiċjali li jagħti prova li hija l-werrieta ta' Piotr u li hi awtorizzata taċċessa l-kont tiegħu. Ostakoli amministrattivi b'hekk jagħmlu dan iż-żmien ta' niket saħansitra aktar diffiċli.

L-awtorità tal-pajjiż tal-UE li qed tittratta l-wirt jew is-suċċessjoni tista' tipprovdik b' dokument nazzjonali li jiċċertifika l-istatus tiegħek bħala werriet, eżekutur tat-testment jew amministratur tal-patrimonju.

Inkella, tista' titlob lil dik l-awtorità biex tipprovdik b' Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

Il-vantaġġ ta' Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni huwa li l-effetti tiegħu huma l-istess fl-UE kollha irrispettivament mill-pajjiż li fih ikun inħareġ. Dokument nazzjonali, min-naħa l-oħra, ikollu effetti differenti skont il-pajjiż tal-UE li fih ikun inħareġ; dan jista' jdewwem ir-rikonoxximent tad-drittijiet tiegħek f'pajjiż ieħor tal-UE.

Barra minn hekk, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni huwa rikonoxxut f' pajjiżi oħra tal-UE mingħajr ebda proċedura speċjali.

Tista' tikseb ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni minn qorti f'pajjiż tal-UE bis-setgħa li tieħu deċiżjonijiet dwar il-wirt, jew minn awtorità kompetenti oħra - pereżempju, nutar - fl-istess pajjiż. Tista' tappella kontra deċiżjoni ta' rifjut għall-ħruġ ta' Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

L-awtorità li toħroġ iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni se żżomm l-oriġinali u se toħroġ kopji attestati lill-werriet, l-eżekutur testamentarju jew l-amministratur tal-patrimonju, validu għal perjodu ta' 6 xhur, li jista' jiġi estiż.

L-awtorità emittenti tista' timmodifika jew tirtira ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jekk jirriżulta li mhuwiex preċiż.

Storja bħala eżempju

Piotr miet fil-Ġermanja waqt li jgħix u jaħdem hemm temporanjament. Ħajtu kienet madankollu bbażata fil-Polonja, fejn jgħixu martu Gosia u l-familja u l-ħbieb tiegħu. Din hija r-raġuni għaliex l-awtoritajiet Pollakki huma responsabbli għall-wirt ta' Piotr.

Gosia kisbet Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni minn qorti Pollakka. Hija tista' tużah biex turi lill-bank ta' Piotr fil-Ġermanja li hi intitolata li taċċessa l-kont tiegħu hemmhekk, u tuża flusu biex tħallas il-kontijiet tiegħu u l-aħħar xahar ta' kera.

Leġiżlazzjoni tal-UE

Bżonn ta' aktar tagħrif dwar ir-regoli f'pajjiż speċifiku?

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Ikkondividi din il-paġna: