Mistoqsijiet frekwenti - Garanziji
Meta tibda l-garanzija legali ta' sentejn?
Il-perjodu ta’ sentejn jibda dakinhar li tirċievi l-prodott, kemm jekk tieħdu miegħek minnufih malli tixtrih mingħand ħanut fiżiku u anki jekk jitwassallek id-dar. Ħu ħsieb dejjem li terfa’ l-irċevuti u d-dikjarazzjonijiet tat-twassil. Jaf tkun idea tajba wkoll li tagħmel kopja tal-irċevuti biex taħseb għall-possibbiltà li maż-żmien jiċċaraw u ma jibqgħux jinqraw.
Jien xtrajt prodott mill-internet u l-kumpanija tat-twassil tilfitu. Nista’ nitlob il-flus lura?
Ħlief meta torganizza t-twassil inti stess, il-bejjiegħ jibqa’ responsabbli għall-oġġetti sakemm jaslu fuq l-għatba tiegħek. Jekk l-oġġett ma jasalx, il-bejjiegħ irid jorganizza biex jibgħatlek oġġett ieħor jew jagħtik il-flus lura.
L-ismart TV tiegħi waqaf jaħdem iżda l-bejjiegħ qed jgħid li l-problemi fis-software mhumiex koperti mill-garanzija legali. Veru?
Le. Jekk is-software jinbiegħ mal-prodott, mela s-software jaqa’ taħt il-garanzija. Madankollu, jekk il-problema tkun ġejja minn xi software li tkun installajt inti wara li xtrajt it-televixin, mela r-responsabbiltà tkun tiegħek jew ta’ min biegħlek is-software.
Jien inkun intitolat għal aġġornamenti (updates) tas-software meta nixtri prodott b’element diġitali?
Iva. L-aġġornamenti tas-software għandhom jiżguraw li l-prodott ikun jista’ jibqa’ jintuża u li jibqa’ ċibersigur. L-aġġornamenti jaf jingħataw minn partijiet terzi, iżda l-bejjiegħ jibqa’ responsabbli għal ħsara fl-aġġornamenti. Innota li l-upgrades mhumiex koperti.
L-ismartphone il-ġdid mhux qed jaħdimli. Lil min għandi nikkuntattja: Lill-bejjiegħ jew lill-manifattur?
Il-garanzija legali ta’ sentejn tapplika għall-kuntratt tiegħek mal-bejjiegħ, mhux mal-manifattur (ikunu fejn ikunu fl-UE). Bħala parti mill-kuntratt, inti jaf ikollok garanzija oħra li tissejjaħ il-garanzija kummerċjali u din jaf tkun tagħtik benefiċċji addizzjonali li jmorru lil hinn mill-garanzija legali standard ta’ sentejn. Madankollu, il-garanzija kummerċjali ma tiħux post il-garanzija legali.
Xtrajt smartwatch, iżda ma ħadimx. Il-bejjiegħ bagħatli ieħor floku iżda anki dan kien difettuż. Għandi d-dritt li jerġa’ jagħtini ieħor?
Iva. Int intitolat li l-bejjiegħ jibdillek il-prodott jew isewwihulek jekk id-difett jibda jidher tul il-perjodu ta’ sentejn mill-wasla tal-prodott oriġinali. Il-bejjiegħ jista’ joffri li jsewwi l-prodott minflok jibdlu jekk is-sostituzzjoni tkun għalja b’mod sproporzjonat meta mqabbla mat-tiswija u ma tkunx tikkawżalek inkonvenjenza sinifikanti.
Ftit aktar minn sena ilu xtrajt smartphone u issa waqaf jaħdem. Il-bejjiegħ qed jirrifjuta li jsewwihuli bla ħlas. Għandi garanzija legali ta’ sentejn?
Il-garanzija legali hija valida għal perjodu ta’ sentejn madwar l-UE kollha u tkopri kull difett li kien jeżisti fil-mument tat-twassil u li jibda jidher tul il-perjodu ta’ sentejn.
Jekk difett jibda jidher wara sena minn meta jasal għandek, m’għandekx għalfejn toqgħod turi li dan kien jeżisti fil-mument tat-twassil. Il-bejjiegħ irid isewwi jew jibdel il-prodott, jew jagħtik tnaqqis fil-prezz, jew joffrilek il-flus lura. Meta l-bejjiegħ ma jkunx jista’ jipprova mod ieħor, id-difett ikun preżunt li kien diġà jeżisti. F’xi pajjiżi tal-UE, dan il-perjodu jista’ jkun sentejn.
Nota: jekk l-element diġitali jiġi fornut kontinwament għal aktar minn sentejn, eż. software tan-navigazzjoni f’apparat tal-GPS, il-perjodu tar-responsabbiltà jiġi estiż u jintemm meta d-data ma tibqax tiġi fornuta iżjed skont il-kuntratt; Dan ma jaffettwax ir-responsabbiltà ta’ sentejn li għandu l-prodott innifsu.
Ngħix il-Portugall u xtrajt kamera minn Spanja. Imma din ma taħdimx. X’għandi nagħmel?
Jekk l-irċevuta għadha għandek, tista’ titlob li l-kamera tissewwa jew tinbidel. Jekk dan mhux possibbli, għandek tingħata l-flus lura. Jekk il-bejjiegħ ma jagħtikx tweġiba sodisfaċenti, tista’ tikkuntattja lill-awtorità nazzjonali għall-ħarsien tal-konsumatur fil-pajjiż fejn tgħix.
Il-kompjuter li xtrajt ftit aktar minn sena ilu ma jridx jixgħel iżjed. Il-bejjiegħ qabel miegħi li hu difettuż iżda ma jridx isewwih bla ħlas għax il-garanzija tal-manifattur hija valida għal sena biss. X’nista’ nagħmel?
Il-garanzija li qed isemmi il-bejjiegħ hija l-garanzija kummerċjali tal-manifattur. Din m’għandhiex x’taqsam mal-garanzija legali li torbot lill-bejjiegħ u tibqa’ tgħodd għal sentejn. Jekk il-bejjiegħ jaqbel li l-kompjuter tiegħek hu difettuż, dan obbligat jibdlu jew isewwih bla ħlas. Jekk is-sostituzzjoni jew it-tiswija mhumiex possibbli, tista’ tingħata l-flus lura. Jekk il-bejjiegħ ma jagħtikx tweġiba sodisfaċenti, tista’ tikkuntattja lill-awtorità nazzjonali għall-ħarsien tal-konsumatur fil-pajjiż fejn tgħix.
Xtrajt gwardarobba u waħda mill-bibien mhix qed tingħalaq sew. Nixtieq li l-bejjiegħ jibdilli l-gwardarobba. Iżda qed jirrifjuta u minflok qed joffri li jirranġa ċ-ċappetta difettuża. Għaliex ma jħallinix nagħżel gwardarobba flokha?
Inti tista’ tagħżel jekk prodott difettuż għandux jissewwa jew jinbidel, diment li l-għażla tiegħek ma tkunx impossibbli jew għalja wisq għall-bejjiegħ. F’dan il-każ, is-sostituzzjoni tal-gwardarobba sħiħa tista’ tkun għalja b’mod sproporzjonat meta mqabbla mat-tiswija taċ-ċappetta. Barra minn hekk, jekk id-difett ikun żgħir, bħal f’dan il-każ, mela l-għażla favur it-tiswija aktarx tkun l-aktar soluzzjoni malajr.
Wara ftit xhur li xtrajtu, is-sufan tal-ġilda l-ġdid qed jiċċara. Il-bejjiegħ qed jgħid li dan qed jiġri minħabba l-għaraq tiegħi, iżda jien ma naqbilx. X’nista’ nagħmel?
Tul il-perjodu tal-garanzija ta’ sentejn, il-bejjiegħ hu responsabbli għal kwalunkwe ħsara fil-prodott. Inti għandek tkun tista’ tuża s-sufan tiegħek b’mod normali mingħajr ma joħorġu difetti.
Iżda l-ġilda hi materjal delikat li jista’ jiġrilu l-ħsara malajr bl-għaraq jew jekk tuża prodotti tat-tindif li ma jaqblux miegħu. F’dan it-tip ta’ każijiet, il-bejjiegħ għandu jinfurmak waqt ix-xiri tal-oġġett jekk il-materjal għandux jiġi trattat b’xi mod partikolari.
Nista’ nirritorna oġġett jew nikkanċella servizz li nkun xtrajt online jekk ma jogħġobnix?
Iva. Tista’ teżerċita d-dritt tiegħek ta’ rtirar mill-kuntratt online fi żmien 14-il jum mit-twassil tal-oġġett jew mill-konklużjoni tal-kuntratt tas-servizz. Iżda dan ma japplikax għal affarijiet bħal oġġetti li jitħassru jew oġġetti ssiġillati li jkunu nfetħu, biljetti tal-ajru u tal-ferrovija, biljetti tal-kunċerti, riżervi f’lukandi, riżervi ta’ karozzi tal-kiri, u servizzi tal-catering għal dati speċifiċi.
Importanti! Jekk tixtri kontenut diġitali bħal mużika jew video online, ma tistax tirtira ladarba tibda d-downloading jew l-istreaming, jekk: (1) inti tkun tajt il-kunsens tiegħek biex tibda l-eżekuzzjoni minnufih, qabel l-iskadenza tal-perjodu tal-irtirar ta’ 14-il jum; (2) inti tkun irrikonoxxejt li titlef id-dritt tiegħek ta’ rtirar meta tagħmel l-eżekuzzjoni immedjata; u (3) il-fornitur ikun bagħatlek il-konferma tal-kunsens u r-rikonoxximent tiegħek.
Jekk nixtri xi ħaġa online minn website barra l-UE, ikolli l-istess drittijiet daqslikieku xtrajt mill-UE?
Jekk tixtri l-oġġetti minn website barra l-UE, id-drittijiet tal-konsumatur tal-UE tiegħek ma japplikawx awtomatikament. Jekk xi ħaġa tmur ħażin f’oġġett jew tixtieq tirritornah, jaf tkunlek diffiċli iżjed biex issib soluzzjoni għall-problema. Iċċekkja l-website tal-bejjiegħ għat-termini u l-kundizzjonijiet.
Biex nikseb aċċess għal profil tal-midja soċjali, jien tajt il-kunsens tiegħi biex ir-ritratti tiegħi jintużaw għal skopijiet ta’ marketing. Iżda 9 xhur wara, feġġ bug fis-software tal-midja soċjali u ma stajtx nilloggja bħas-soltu. X’inhuma d-drittijiet tiegħi f’dan il-każ?
F’ħafna mill-każijiet, il-konsumaturi ma jħallsux il-flus biex jaċċessaw il-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali, iżda minflok lill-“bejjiegħ” jagħtuh xi data personali. Il-konsumaturi għandhom id-dritt għal rimedju meta l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jkunu difettużi, irrispettivament minn jekk ikunux ħallsu għalih bil-flus jew jekk ikunux taw biss xi data personali.
Jekk jibda jidher difett fil-kontenut diġitali jew fis-servizz diġitali li għalih tkun tajt id-data, għandek id-dritt li tittermina l-kuntratt anki meta d-difett ikun minuri. Skont ċerti kundizzjonijiet, il-fornitur għandu jieqaf juża d-data tiegħek malli jiġi terminat il-kuntratt u jagħtik żmien biex tikseb kopja tad-data.
Jien ħallast biex nikkonsulta avukat iżda kellna biss laqgħa qasira online u tħallejt b’ħafna mistoqsijiet. Nista’ nitlob il-flus lura?
Le. Ir-regoli dwar il-kontenut u s-servizzi diġitali ma jkoprux is-servizzi online relatati mas-setturi tradizzjonali bħal konsulti legali, servizzi finanzjarji, jew servizzi tal-kura tas-saħħa (eż. preskrizzjonijiet online).
X'inhuma d-drittijiet tiegħi meta nixtri minn fuq website tal-irkant?
Meta tixtri xi ħaġa online bl-irkant mingħand negozjant professjonali, int għandek l-istess drittijiet tal-konsumatur daqslikieku xtrajt minn website normali. Jekk tixtri xi oġġetti mingħand individwu privat minflok mingħand kumpanija, kif ġeneralment jiġri fl-irkanti online, ix-xiri ma jkunx kopert mil-leġiżlazzjoni tal-konsumatur tal-UE.