Mistoqsijiet frekwenti - Formoli standard għad-drittijiet tas-sigurtà soċjali

Id-dokumenti portabbli ħadu post il-formoli elettroniċi l-antiki. Jinħarġu mill-istituzzjoni kompetenti tas-sigurtà soċjali fejn int assigurat.

Kull dokument hu għal persuna individwali (possibbilment jinkludi l-membri tal-familja) u fih ismek u identifikaturi oħra. L-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali li toħroġ id-dokument tiffirmah u tittimbrah ukoll.

Dokument portabbli għall-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fih bandiera tal-UE fir-rokna ta' fuq tax-xellug, referenza għall-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fir-rokna ta' fuq tal-lemin, u l-indikazzjoni tal-istituzzjoni tal-ħruġ fil-qiegħ. L-unika eċċezzjoni hi l-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC) en .

Il-formola A1 (dik li qabel kienet E101 u E103) tipprovdi prova li tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali f’pajjiż ieħor tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Iżvizzera, jew ir-Renju Unit. Tipikament dan hu l-każ ta' ħaddiema stazzjonati jew ta' persuni li jaħdmu f'iktar minn pajjiż wieħed fl-istess żmien. Għal aktar informazzjoni, fittex u kkuntattja l-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali tiegħek.

Il-formola DA1 (dik li qabel kienet E123) tintitolak li tirċievi trattament mediku f’każ ta’ aċċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard okkupazzjonali f’pajjiż ieħor tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Iżvizzera, jew ir-Renju Unit. Għal aktar informazzjoni, fittex u kkuntattja l-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali tiegħek.

Il-formola P1 tagħti ħarsa ġenerali lejn id-deċiżjonijiet meħuda minn kull pajjiż dwar it-talba tiegħek għall-pensjoni. Tinfurmak bil-mod kif l-istituzzjonijiet trattaw il-perjodi differenti ta' assigurazzjoni u tippermettilek tara, pereżempju, jekk hemmx lakuni bejn il-perjodi ta' assigurazzjoni jew jekk ċerti perjodi jaħbtux flimkien.

Il-formola S1 (dawk li qabel kienu E106, E109, E120 u E121) tippermettilek tirreġistra għall-kura tas-saħħa jekk tgħix f’pajjiż tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Iżvizzera, jew ir-Renju Unit iżda int assigurat f’wieħed differenti minn dawn il-pajjiżi, tipikament bħala pensjonant li jirtira barra mill-pajjiż. Jista’ jkun utli wkoll għall-membri tal-familja tiegħek jekk jibqgħu fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom waqt li tkun qed taħdem f’pajjiż ieħor, li jfisser li huma koperti mill-assigurazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż fejn taħdem. Għal aktar informazzjoni, fittex u kkuntattja l-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali tiegħek.

Bil-formola S2 (dik li qabel kienet E112) tista’ turi d-dritt tiegħek għal kura medika ppjanata f'pajjiż ieħor tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Iżvizzera jew r-Renju Unit. Tiksibha mill-istituzzjoni tal-assigurazzjoni fuq is-saħħa qabel ma titlaq imbagħad tissottomettiha lill-istituzzjoni tal-assigurazzjoni fuq is-saħħa fil-pajjiż fejn se tirċievi l-kura. Se tirċievi l-istess trattament taħt l-istess kundizzjonijiet ta' kura u ta' pagament bħaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż. Dan jista' jfisser li jkollok tħallas perċentwal tal-ispejjeż bil-quddiem. 

Il-formola S3 tintitola lil dawk li kienu ħaddiema bejn il-fruntieri (jew “ħaddiema tal-fruntiera”) għal kura medika fil-pajjiż fejn kienu jaħdmu. Il-kura tista' tkun waħda ġdida jew segwitu ta' proċedura medika li bdiet qabel ma d-detentur waqaf jaħdem hemm. Għal aktar informazzjoni, fittex u kkuntattja l-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali tiegħek.

Il-formola U1 (dik li qabel kienet E301) tiċċertifika l-perjodi tiegħek ta' assigurazzjoni f'pajjiż ieħor tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Iżvizzera jew ir-Renju Unit biex jitqiesu fil-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad. Tista' tiksibha mis-servizz nazzjonali tal-qgħad tal-aħħar pajjiż/pajjiżi fejn ħdimt u trid tissottomettiha lis-servizz nazzjonali tal-qgħad tal-pajjiż fejn tixtieq tapplika għall-benefiċċji. Għal aktar informazzjoni, fittex u kkuntattja l-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali tiegħek.

Il-formola U2 (dik li qabel kienet E303) hija l-awtorizzazzjoni biex tesporta l-benefiċċji tal-qgħad tiegħek. Tista' tiksibha mis-servizz nazzjonali tal-qgħad tal-pajjiż fejn spiċċajt bla xogħol u trid tissottomettiha lis-servizz nazzjonali tal-qgħad tal-pajjiż fejn tixtieq issib xogħol. Għal aktar informazzjoni, fittex u kkuntattja l-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali tiegħek.

Il-formola U3 hija twissija mill-istituzzjoni ospitanti fil-pajjiż fejn qed tfittex impjieg lill-istituzzjoni fil-pajjiż li qed iħallas il-benefiċċji tal-qgħad tiegħek. Minħabba li s-sitwazzjoni tiegħek tbiddlet, il-benefiċċji tiegħek jistgħu jitnaqqsu jew jitwaqqfu wara dan l-iskambju bejn l-istituzzjonijiet. Jekk tirċievi formola U3, x'aktarx ikollok tikkuntattja lill-istituzzjoni tal-pajjiż li qed iħallas il-benefiċċji tiegħek biex tivverifika jekk is-sitwazzjoni tiegħek hix se tinbidel. Għal aktar informazzjoni, fittex u kkuntattja l-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali tiegħek.

Skont ir-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, kull pajjiż għandu jagħżel korp ta' kollegament biex iwieġeb għat-talbiet ta' informazzjoni u għajnuna kemm minn istituzzjonijiet oħra u kemm miċ-ċittadini. Uża d-direttorju tagħna biex issib korp ta' kollegament .

Kull pajjiż għandu l-iskadenzi u l-proċeduri tiegħu biex tagħmel appell għal deċiżjoni amministrattiva. Hu importanti ħafna li taġixxi mill-ewwel u tiżgura li tirrispetta dawn l-iskadenzi. Itlob parir mill-istituzzjonijiet nazzjonali tiegħek.

Id-dokumenti kollha relatati mal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali (jiġifieri formoli elttroniċi, Kard Ewropea tal-Assigurazzjoni fuq is-Saħħa u Ċertifikati Proviżorji ta' Sostituzzjoni) maħruġa qabel l-1 ta’ Mejju 2010 mill-awtoritajiet kompetenti skont ir-regoli ta' koordinazzjoni l-qodma jibqgħu validi sakemm jiskadu jew jiġu rtirati jew mibdula mill-istituzzjoni kompetenti.

Ara l-informazzjoni prinċipali dwar dan is-suġġett

L-aħħar verifika: 05/05/2023
Ikkondividi din il-paġna