Mistoqsijiet frekwenti - Id-drittijiet tal-vjaġġaturi b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa
Nista' nieħu miegħi s-siġġu tar-roti jew il-krozzi fuq l-ajruplan?
IVA - Tista' tieħu miegħek sa żewġ apparati ta' assistenza personali abbord miegħek, mingħajr ħlas, (eż. siġġu tar-roti u par krozzi) bil-kundizzjoni li jkun hemm biżżejjed spazju abbord l-inġenju tal-ajru u li t-trasport tagħhom ma jkunx ipprojbit mir-regoli dwar it-trasport ta' oġġetti perikolużi. Dan jista' jkun il-każ għal xi siġġijiet tar-roti elettriċi minħabba t-tip ta' batterija li jużaw.
Jiena għandi diżabbiltà u se jkolli bżonn l-għajnuna meta ntir minn Dublin sa Frankfurt. Għandi nippreżenta ċertifikat mediku biex nikseb assistenza mingħajr ħlas fl-ajruport u abbord?
LE - Ma tistax tintalab tippreżenta ċertifikat mediku biex tikseb assistenza mingħajr ħlas fl-ajruport u abbord. Madankollu, f'xi każijiet limitati l-linja tal-ajru tista' titlob informazzjoni addizzjonali biex issostni t-talba tiegħek.
Jien persuna anzjana u qed nantiċipa li se jkolli bżonn assistenza fl-ajruport meta nivvjaġġa lejn Pariġi minn Ruma. Għandi nikkuntattja lil-linja tal-ajru minn qabel biex nitlob dan?
IVA - Għandek tinforma lit-trasportatur tal-ajru mill-inqas 48 siegħa qabel it-tluq tiegħek biex tiżgura li għajnuna xierqa tkun disponibbli għalik.
Jien persuna fuq siġġu tar-roti. Il-kumpaniji tat-trasport ferrovjarju huma obbligati jipprovdu informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà tas-servizzi tagħhom?
IVA - Il-kumpaniji ferrovjarji, il-bejjiegħa tal-biljetti u l-operaturi turistiċi għandhom jagħmlu l-informazzjoni dwar l-aċċess għal servizzi ta' trasport ferrovjarju, aċċess għal vaguni tal-passiġġieri u faċilitajiet abbord faċilment disponibbli.