Mistoqsijiet frekwenti - Id-divorzju u s-separazzjoni legali
Jien u żewġi żżewwiġna r-Repubblika Ċeka u l-aħħar li għexna flimkien kien il-Ġermanja. Żewġi, li hu ta' nazzjonalità Belġjana, issa mar lura l-Belġju, iżda jien għadni l-Ġermanja. Nista' nagħmel talba għad-divorzju fir-Repubblika Ċeka?
LE - Tista' tagħmel talba għad-divorzju fir-Repubblika Ċeka biss jekk terġa' tmur toqgħod hemm għall mill-inqas sitt xhur (jekk inti Ċeka) jew sena (jekk m'intix). Dment li tibqa' l-Ġermanja, tista' tagħmel talba għad-divorzju hemmhekk, bħala l-pajjiż fejn l-aħħar li għextu flimkien.
Jeżistu regoli li japplikaw fl-UE kollha u li jiddeterminaw liema liġi tgħodd għad-divorzju jew separazzjoni legali tagħna jekk xi ħadd minna jkun joqgħod f'pajjiż ieħor?
LE - Mhux bilfors tkun il-liġi tal-pajjiż fejn tkun qiegħda l-qorti li tisma' l-każ.
Xi pajjiżi tal-UE qablu dwar regoli biex jiġi ddeterminat il-liġijiet ta' liema pajjiż ikunu japplikaw. Dawn huma l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u Spanja.
Iżda jekk ikunu involuti pajjiżi oħrajn, jista' jkun diffiċli ħafna biex wieħed ibassar liema liġijiet ikunu japplikaw. Minħabba l-inċertezza li din is-sitwazzjoni tista' toħloq u minħabba d-differenzi kbar li spiss ikun hemm bejn il-liġijiet nazzjonali, l-aħjar tkellem avukat speċjalizzat dwar fejn għandek tagħmel it-talba.
Is-sentenza tad-divorzju tiegħi ngħatat l-Isvezja. Biex din tiġi rrikonoxxuta l-Polonja, irrid ngħaddi mill-qrati Pollakki?
LE - Divorzju (jew separazzjoni jew annullament legali) mogħti fi kwalunkwe pajjiż tal-UE (f'dan il-każ l-Isvezja) jiġi rrikonoxxut awtomatikament fil-pajjiżi l-oħrajn (f'dan il-każ fil-Polonja), mingħajr ebda proċedura speċjali.
Tista', madanakollu, tara li d-dokumenti Pollakki tiegħek li jiċċertifikaw l-istat ċivili tiegħek jiġu aġġornati fuq il-bażi tas-sentenza Svediża malli din tkun finali ("finali" tfisser li ma jkunx għadu possibbli li wieħed jappella minnha)