Menu

Stazzjonar ta’ staff f’pajjiż barrani

L-istazzjonar tal-ħaddiema fl-UE għandu sett definit ta’ regoli. Bħala impjegatur għandek tirrispetta r-regoli tal-istazzjonar jekk:

  • in-negozju tiegħek għandu kuntratt ma’ sħab kummerċjali bbażati f’pajjiżi oħrajn tal-UE u l-istaff tiegħek jeħtieġlu jmur f’dak il-pajjiż tal-UE għal perjodu speċifiku għall-finijiet ta’ għoti ta’ servizzi
  • tibgħat membru tal-istaff f’negozju tiegħek stess f’pajjiż ieħor tal-UE

Fiż-żewġ każijiet għandu jkun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejnek u bejn il-persuna stazzjonata.

Ir-regoli dwar l-istazzjonar japplikaw ukoll meta persuna tiġi taħdem għalik minn pajjiż differenti tal-UE minn dak fejn in-negozju tiegħek ikun irreġistrat jew jopera u tiġi impjegata permezz ta’ aġenzija li tipprovdi staff temporanju. F’dan il-każ trid tkun teżisti relazzjoni ta’ impjieg bejn il-ħaddiem u l-aġenzija ta’ xogħol temporanju jew l-aġenzija ta’ stazzjonar li tuża. Tista’ wkoll tistazzjona ħaddiema li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi (mhux tal-UE), sakemm ikunu residenti legalment f’wieħed mill-Istati Membri tal-UE. Ir-regoli tal-UE dwar l-istazzjonar japplikaw għalihom ukoll.

Twissija

Bħala regola ġenerali, il-ħaddiema stazzjonati jridu jkunu rreġistrati fis-sistema tal-assigurazzjoni soċjali ta’ pajjiżhom għal mill-inqas xahar qabel ma jiġu stazzjonati. Jistgħu jkunu permessi perjodi iqsar wara evalwazzjoni każ b’każ.

Kundizzjonijiet tal-impjieg fil-pajjiż ospitanti

Għandek tiggarantixxi lill-istaff tiegħek l-istess kundizzjonijiet u termini ta’ impjieg bħal dawk fis-seħħ matul l-istazzjonar tagħhom – jew bil-liġi jew bi ftehimiet kollettivi universalment applikabbli – fil-pajjiż ospitanti rigward:

  • il-perjodi minimi ta’ mistrieħ
  • il-ħin massimu ta’ xogħol
  • it-tul minimu ta’ vaganzi annwali mħallsin
  • ir-remunerazzjoni (inklużi l-elementi obbligatorji kollha tagħha) kif definit fil-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi applikabbli b’mod universali
  • is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali
  • il-miżuri protettivi għan-nisa tqal, in-nisa li reċentement welldu u ż-żgħażagħ (taħt it-18-il sena)
  • it-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa
  • il-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni tal-ħaddiema fil-pajjiż ospitanti, jekk din għandha tkun ipprovduta minn impjegatur
  • l-allowances jew ir-rimborż tal-infiq biex jiġu koperti l-spejjeż tal-ivjaġġar, tal-akkomodazzjoni jew tal-ikel, meta meħtieġ matul l-istazzjonar

Jekk dawn it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg f’pajjiżek stess huma aktar favorevoli għall-istaff tiegħek milli fil-pajjiż ospitanti, għandek iżżomm dawn il-kundizzjonijiet matul l-istazzjonar.

Għas-setturi barra dawk tas-settur tal-bini, ir-remunerazzjoni u r-rekwiżiti tal-vaganzi ta’ matul is-sena mhumiex obbligatorji meta:

  • l-installazzjoni inizjali u/jew l-immuntar inizjali ta’ ċerti prodotti minn membri speċjalizzati tal-istaff tiegħek huwa parti integrali tal-kuntratt tiegħek mas-sieħeb f’pajjiż ieħor; u
  • l-istaff tiegħek hu stazzjonat fil-pajjiż l-ieħor għal perjodu ta’ inqas minn 8 ijiem kull sena

Twissija

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeċiedu - wara li jikkonsultaw mar-rappreżentanti tal-impjegaturi u tal-ħaddiema - li r-remunerazzjoni minima tal-pajjiż ospitanti u r-rekwiżiti tal-vaganzi annwali m’hemmx bżonn japplikaw jekk l-istazzjonar idum inqas minn xahar. Din l-eżenzjoni ma tapplikax għall-ħaddiema stazzjonati permezz ta’ aġenziji li jipprovdu staff temporanju.

Obbligi li l-ħaddiema stazzjonati jiġu infurmati

Jekk tibgħat lill-istaff tiegħek għal perjodu konsekuttiv ta’ aktar minn erba’ ġimgħat, trid tipprovdilhom bil-miktub, qabel it-tluq tagħhom, l-informazzjoni li ġejja:

  • il-pajjiż jew il-pajjiżi fejn se jaħdem l-istaff tiegħek (il-pajjiż ospitanti)
  • it-tul ta’ żmien mistenni tax-xogħol barra mill-pajjiż
  • il-munita li għandha tintuża għall-ħlas tar-remunerazzjoni
  • kwalunkwe benefiċċju (fi flus jew ieħor) relatat mal-assenjament tax-xogħol
  • informazzjoni dwar ir-ripatrijazzjoni: jekk hijiex ipprovduta u, jekk iva, b’liema kundizzjonijiet
  • ir-remunerazzjoni skont il-liġi applikabbli tal-pajjiż ospitanti
  • kwalunkwe allowance speċifika relatata mal-istazzjonar
  • arranġamenti għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-ikel u tal-akkomodazzjoni
  • link għas-sit web uffiċjali nazzjonali tal-pajjiż ospitanti dwar il-ħaddiema stazzjonati

Stazzjonar fit-tul

Jekk il-perjodu ta’ stazzjonar ikun itwal minn 12-il xahar (jew 18-il xahar jekk tibgħat notifika motivata lill-pajjiż ospitanti) għandek tiggarantixxi lill-istaff tiegħek it-termini u l-kundizzjonijiet obbligatorji kollha tal-impjieg tal-pajjiż ospitanti tagħhom, ħlief dawk li jirrigwardaw it-terminazzjoni tal-kuntratt jew tal-pensjonijiet tax-xogħol supplimentari tagħhom.

Għal aktar informazzjoni dwar il-proċedura tan-notifika motivata, iċċekkja s-sit web nazzjonali tal-pajjiż ospitanti.

Obbligi ta’ dikjarazzjoni

Bħala impjegatur, jista’ jkollok bżonn ukoll tibgħat notifika lill-awtoritajiet fil-pajjiż ospitanti qabel (jew mhux aktar tard minn meta) jibda l-istazzjonar, bid-dettalji li ġejjin:

  • l-identità tal-impjegatur
  • in-numru ta’ ħaddiema stazzjonati
  • il-persuna ta’ kuntatt għall-impjegatur
  • l-indirizz tal-post tax-xogħol tal-istazzjonar
  • it-tul ta’ żmien mistenni tal-istazzjonar, inklużi d-dati tal-bidu u tat-tmiem
  • it-tip ta’ servizz ipprovdut matul l-istazzjonar
  • il-persuna ta’ kuntatt li tikkoopera mal-awtoritajiet fil-pajjiż ospitanti

Barra minn hekk, għandek tinforma lill-istituzzjoni kompetenti tal-pajjiż ospitanti jekk hux se jsir xi tibdil, bħal jekk l-istazzjonar ma jseħħx jew jiġi interrott.

Aqra aktar dwar l-obbligi ta’ dikjarazzjoni fis-sit web en tal-pajjiż ospitanti.

Regoli tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema stazzjonati

Waqt li jaħdmu b’mod temporanju f’pajjiż ieħor tal-UE, l-impjegati stazzjonati tiegħek, jew int stess bħala persuna li taħdem għal rasha, tistgħu tkomplu tkunu koperti mis-sistema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż li fih ħdimtu qabel l-istazzjonar.

Bħala impjegatur, għandek tinforma minn qabel lill-amministrazzjoni tal-pajjiż ospitanti, u titlob formola msejħa Dokument Portabbli A1 (PD A1) en maħruġa mill-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali li int reġistrat fiha fil-pajjiż ta’ oriġini. Il-PD A1 tikkonferma li l-impjegat stazzjonat hu reġistrat skont is-sistema tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħek u ma għandux għalfejn iħallas il-kontribuzzjonijiet fil-pajjiż tal-istazzjonar.

Meta titlob il-PD A1, trid tispeċifika d-data tal-bidu u tat-tmiem tal-istazzjonar fil-pajjiż l-ieħor tal-UE. Il-perjodu massimu li tista’ tindika fuq il-formola hu ta’ 24 xahar.

Jekk l-istazzjonar idum aktar minn 24 xahar u għandu bżonn li jittawwal, int bħala impjegatur tista’

  • titlob lil min joħroġ il-PD A1 biex jagħti estensjoni – din ma tingħatax awtomatikament u hija suġġett għal ftehim reċiproku bejn il-pajjiżi ta’ oriġini u ospitanti
  • tħalli l-impjegat tiegħek jirreġistra fis-sistema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż ospitanti

Vjaġġi ta’ negozju u ħaddiema stazzjonati

Jekk tibgħat ħaddiema f’pajjiż ieħor tal-UE fuq vjaġġ ta’ negozju biex jattendu konferenzi, laqgħat, fieri, taħriġ, eċċ., dawk il-ħaddiema mhumiex ħaddiema stazzjonati. Tali vjaġġi ta’ negozju ma jaqgħux taħt ir-regoli għall-ħaddiema stazzjonati, peress li f’dan il-kuntest il-ħaddiema ma jipprovdux servizz fil-pajjiż ospitanti.

F’termini ta’ sigurtà soċjali, madankollu, jekk tibgħat lill-ħaddiema tiegħek għal vjaġġ ta’ negozju xorta trid tinforma lill-amministrazzjoni tal-pajjiż ospitanti kull meta jkun possibbli minn qabel, u titlob il-formola Dokument Portabbli A1 (PD A1) en

Siti web nazzjonali u dettalji ta’ kuntatt

Kull pajjiż tal-UE għandu sit web b’informazzjoni dettaljata dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema barra mill-pajjiż. Fis-siti web nazzjonali tista’ ssib ukoll il-punti ta’ kuntatt li jikkooperaw u jaqsmu l-informazzjoni, jimmonitorjaw it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg matul l-istazzjonar, u jsegwu l-ksur allegat tar-regoli.

Għal aktar informazzjoni dwar pajjiż ospitanti speċifiku tal-UE, żur is-sit web nazzjonali rilevanti hawn taħt.

Agħżel il-pajjiż Open Agħlaq

Uffiċċji Nazzjonali ta’ Kollegament

Kull pajjiż għandu awtorità kompetenti li tista’ twieġeb mistoqsijiet dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema. Id-dettalji ta’ kuntatt ta’ dawn l-Uffiċċji Nazzjonali ta’ Kollegament huma taħt il-buttuna Staqsi lill-amministrazzjonijiet nazzjonali hawn taħt.

Inti taħdem għal rasek u biħsiebek tmur taħdem f’pajjiż barrani għal ftit xhur. Aqra l-FAQ biex tkun taf liema formalitajiet huma meħtieġa.

Aktar informazzjoni

Aqra l-gwida qasira dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema biex titgħallem aktar dwar il-ħaddiema stazzjonati fl-UE

Ara wkoll il-gwida prattika dwar il-leġiżlazzjoni dwar l-istazzjonar

Ara wkoll

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Il-Konsulent EURES tiegħek

Il-Konsulent EURES tiegħek jista’ jinfurmak kemm dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll jgħinek fil-proċeduri ta’ reklutaġġ f’pajjiżek jew fir-reġjun bejn il-fruntieri tiegħek.

Għandek xi mistoqsijiet dwar kif topera negozju transfruntier, pereżempju l-esportazzjoni jew l-espansjoni lejn pajjiż ieħor tal-UE? Jekk hu l-każ, Enterprise Europe Network jista’ jagħtik pariri b’xejn.

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 25/04/2024
Ikkondividi din il-paġna