Menu

Kontijiet bankarji fl-UE

Dritt għal kont bankarju bażiku

Forsi tixtieq tiftaħ jew teħtieġ tiftaħ kont bankarju f’pajjiżek jew f’pajjiż ieħor tal-UE.

Jekk int legalment residenti f’pajjiż tal-UE int intitolat li tiftaħ “kont ta’ pagament bażiku”. Il-banek ma jistgħux jirrifjutaw l-applikazzjoni tiegħek għal kont ta’ pagament bażiku sempliċement għax int ma tgħixx fil-pajjiż li fih hu stabbilit il-bank.

Twissija

Dan id-dritt ma japplikax għal tipi oħrajn ta’ kont bankarju, bħall-kontijiet tat-tfaddil.

Meta tista’ tkun rifjutat kont ta’ pagament bażiku mill-banek

Tista’ tkun rifjutat kont jekk int ma tikkonformax mar-regoli tal-UE dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu Iftaħ bħala link estern .

F’xi pajjiżi tal-UE, tista’ tkun rifjutat kont bankarju bażiku jekk diġà jkollok kont simili ma’ bank ieħor fl-istess pajjiż.

Jekk qed tapplika għal kont ta’ pagament bażiku barra l-pajjiż li tgħix fih, il-banek f’xi pajjiżi tal-UE jistgħu wkoll jitolbuk turi prova tal-interess ġenwin tiegħek għala tixtieq tagħmel dan — pereżempju jekk tgħix f’pajjiż iżda taħdem f’ieħor.

Karatteristiċi ta’ kont bażiku

“Kont ta’ pagament bażiku” hu kont li jkopri t-tranżazzjonijiet standard li tuża fil-ħajja ta’ kuljum bħal:

  • depożiti
  • ġbid ta’ flus kontanti
  • riċeviment u twettiq ta’ pagamenti (pereżempju debiti diretti jew xiri bil-kards)

Għandu jinkludi wkoll kard ta’ pagament li tista’ tuża biex tiġbed flus kontanti u tagħmel ix-xiri — kemm online kif ukoll fil-ħwienet.

Meta jkun disponibbli, il-bank għandu jinkludi l-aċċess għas-servizzi bankarji online bil-kont tiegħek. Madankollu, mhux dejjem għandhom jinkludu faċilità ta’ overdraft jew ta’ kreditu.

F’xi pajjiżi tal-UE, il-bank tiegħek xorta jista’ jimponi tariffa annwali għal dan il-kont ta’ pagament bażiku. Din it-tariffa għandha tkun raġonevoli.

Storja bħala eżempju

Ma għandekx bżonn tgħix f’pajjiż tal-UE biex ikollok kont hemm

Sándor qabad jaħdem għal kumpanija bbażata fis-Slovenja filwaqt li kompla jgħix fl-Ungerija. Iddeċieda li jixtieq li jkollu kont bankarju fis-Slovenja biex jużah għall-ispejjeż ta’ kuljum, minbarra l-kont bankarju Ungeriż tiegħu.

Sab bank Sloven ħdejn l-impjieg tiegħu u talab biex jinfetaħlu kont bażiku. Il-bank ħallih jiftaħ kont minkejja li ma kienx qed jgħix fis-Slovenja.

Il-banek ma jistgħux sempliċement jirrifjutawlek kont bażiku għax int ma tgħixx fil-pajjiż.

Informazzjoni dwar it-tariffi

Qabel ma tiftaħ il-kont tiegħek, il-bank għandu jagħtik dokument li juri l-iktar servizzi importanti offruti fuq il-kont u kwalunkwe tariffa relatata li hemm mnejn ikollok tħallas. Dan huwa magħruf bħala “dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi”. Tista’ tużah biex tqabbel kemm jiswew il-kontijiet f’banek differenti.

Mill-inqas darba fis-sena, il-bank tiegħek irid jagħtik ukoll dikjarazzjoni li tispjega t-tariffi mġarrba fil-kont bankarju tiegħek. Dan id-dokument dwar id-“dikjarazzjoni tat-tariffi” għandu jagħti wkoll informazzjoni dwar ir-rati tal-imgħax applikati għall-kont tiegħek.

Twissija

Skont ir-regoli tal-UE, il-banek ma jistgħux jimponulek tariffa ogħla għall-ġbid ta’ flus kontanti f’pajjiż ieħor tal-UE mit-tariffa li kieku jimponulek f’pajjiżek. Dan japplika wkoll għall-fornituri indipendenti tal-ATM (spiss ikunu jinsabu f’postijiet konvenjenti bħal bars, ristoranti, ħwienet jew ajruporti). Jekk tara tariffi ogħla, dan jista’ jkun dovut għal tariffi tal-kambju tal-munita, li mhumiex koperti mir-regoli tal-UE. L-operaturi kollha tal-ATM, kemm jekk huma proprjetà privata kif ukoll jekk operati mill-banek, iridu jinfurmawk b’mod ċar dwar kwalunkwe tariffa li jimponulek kif ukoll dwar kwalunkwe kost tal-kambju tal-munita qabel ma tiffinalizza l-ġbid ta’ flus kontanti.

Meta taqleb il-kontijiet bankarji

Tista’ taqleb il-kont bankarju tiegħek għal kont bankarju ieħor fl-istess pajjiż tal-UE. Il-bank il-ġdid tiegħek għandu jgħinek tagħmel dan.

Jekk tixtieq taqleb għal kont ġdid fl-istess pajjiż, għid lill-bank il-ġdid tiegħek li tixtieq taqleb u tittrasferixxi l-pagamenti rikorrenti tiegħek għall-kont il-ġdid.

Imbagħad il-bank il-ġdid jiżgura li l-bank il-qadim tiegħek jittrasferixxi d-data u jikkanċella kwalunkwe standing order. Il-bank il-ġdid irid ukoll:

  • jinforma lill-partijiet terzi — bħal min iħaddmek, il-fornitur tas-sigurtà soċjali u l-fornituri tal-utilitajiet — li int qed tibdel il-kont tiegħek
  • jistabbilixxi l-istanding orders il-ġodda tiegħek
  • jaċċetta debiti diretti rilevanti fil-kont il-ġdid

Għandu mnejn tiġi imposta xi tariffa jekk tiddeċiedi li tagħlaq il-kont il-qadim tiegħek.

Jekk iġġarrab xi kostijiet waqt il-proċedura biex taqleb minn kont bankarju għal ieħor minħabba li l-bank ma jirrispettax xi skadenza (pereżempju biex tikkanċella pagament) jew jagħmel xi żball, dawn il-kostijiet għandhom jiġu rrimborżati. Jekk ikollok xi diffikultà, tista’ ttella’ l-kwistjoni fl-iskema tas-soluzzjoni għat-tilwim barra l-qorti.

Storja bħala eżempju

Meta taqleb il-kontijiet bankarji mhux dejjem kollox jimxi ħarir

Meta Suzanne marret tgħix Pariġi minflok Toulouse, iddeċidiet li tmexxi l-kont bankarju tagħha għall-bank lokali tagħha f’Pariġi. Hi talbet lill-bank il-ġdid tagħha f’Pariġi biex jittrasferixxi l-pagamenti kollha tagħha għall-kont il-ġdid u biex jagħlaq il-kont il-qadim tagħha f’Toulouse.

Il-bank f’Pariġi qal lill-bank f’Toulouse biex jikkanċella l-istanding orders tagħha u biex jagħlaq il-kont ta’ Suzanne. Imbagħad stabbilew standing orders mill-kont il-ġdid tagħha. Madankollu, nesew javżaw lill-fornitur tas-servizz tal-mowbajl tagħha, u Suzanne weħlet multa meta l-istanding order għall-kuntratt tas-servizz tal-mowbajl tagħha ma saritx fil-ħin.

Suzanne lmentat mal-bank f’Pariġi. Il-bank qabel li jirrimborżalha l-kost tal-multa u li jikkoreġi l-pagament tal-istanding order għall-kuntratt tas-servizz tal-mowbajl.

Flusek protetti fl-UE

Ir-regoli tal-UE jiżguraw li l-flus fil-kont bankarju tiegħek (kontijiet tat-tfaddil u/jew kurrenti) ikunu protetti jekk il-bank tal-kont tiegħek ifalli. Flusek huma protetti sa limitu ta’ EUR 100 000 jew l-ekwivalenti f’munita lokali. Dan il-limitu japplika għal kull persuna u għal kull bank, jiġifieri jekk ikollok diversi kontijiet fl-istess bank, il-limitu ta’ EUR 100 000 japplika għall-kontijiet aggregati tiegħek.

Hemm xi eċċezzjonijiet għal din ir-regola. Jekk ikollok kont konġunt mal-partner tiegħek, pereżempju, il-limitu ta’ EUR 100 000 japplika għal kull wieħed/waħda minnkom, jiġifieri sa massimu ta’ EUR 200 000 għall-kont konġunt tagħkom. Barra minn hekk, flusek se jkunu wkoll protetti ’l fuq minn EUR 100 000 f’ċerti każijiet oħra għal żmien limitat, bħal:

  • flus li tirċievi minn bejgħ ta’ proprjetà residenzjali privata
  • flus li tirċievi marbutin ma’ avveniment partikolari f’ħajtek bħal żwieġ, divorzju, irtirar, tkeċċija, senjsar, invalidità jew mewt ta’ membru tal-familja
  • flus li tirċievi mill-pagament ta’ benefiċċji ta’ assigurazzjoni jew kumpens għal korrimenti kriminali jew kundanna inġusta

F’dawn il-każijiet, l-ammonti huma protetti ’l fuq minn EUR 100 000 għal mill-inqas 3 xhur u mhux iktar minn 12-il xahar wara li l-flus ikunu ġew ikkreditati, jew mill-mument meta l-flus saru legalment trasferibbli, skont il-kundizzjonijiet u l-livelli limitu stabbiliti minn kull pajjiż tal-UE.

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 09/09/2025
Ikkondividi din il-paġna