Menu

Mistoqsijiet frekwenti - Miżati tal-università u għajnuna finanzjarja

Jiena Daniża u nixtieq nistudja fil-Ġermanja - imma l-università hemmhekk qaluli li se jkolli nħallas il-miżati għat-tagħlim. Mela ċ-ċittadini tal-UE li jistudjaw f'pajjiż ieħor tal-UE mhux eżentati mill-miżati? Iftaħ Agħlaq

LE - il-liġi tal-UE ma teżentakx mill-miżati għat-tagħlim! Dak li tgħid hu li għandek dritt titqies bħaċ-ċittadini tal-pajjiż fejn tixtieq tmur tistudja. F'dan il-każ, jekk l-istudenti Ġermanżi jħallsu l-miżati għat-tagħlim, inti trid tħallashom ukoll.

Jiena Franċiż u nixtieq nistudja fl-Irlanda. Peress li l-universitajiet Irlandiżi ma jitolbux miżati għat-tagħlim miċ-ċittadini Irlandiżi, jien ukoll eżenti? Iftaħ Agħlaq

IVA - skont il-liġi tal-UE, iċ-ċittadini tal-UE huma intitolati jużaw is-sistema tal-edukazzjoni tal-pajjiż li jmorru fih bl-istess kundizzjonijiet taċ-ċittadini tal-post. Dan ifisser li ċ-ċittadini Franċiżi għandhom jiġu trattati l-istess bħall-istudenti Irlandiżi fejn jidħlu l-miżati għat-tagħlim.

Jiena Ċek u ilni ngħix fi Spanja minn meta kelli 12-il sena. Nixtieq immur l-università hawnhekk imma ma nistax jekk ma jkollix xi għotja. Lil min għandi nitlob - lill-awtoritajiet Ċeki jew Spanjoli? Iftaħ Agħlaq

Primarjament lill-awtoritajiet Spanjoli - il-gvernijiet tal-UE għandhom jagħtu l-istess appoġġ liċ-ċittadini ta' pajjiżi oħra tal-UE li huma residenti permanenti bħal ma jagħtu liċ-ċittadini tagħhom stess. Residenza permanenti tfisser 5 snin ta' residenza kontinwa. Għaldaqstant, jekk sa meta jkun se jibda l-kors tkun ilek tgħix fi Spanja għal 5 snin jew aktar, tkun eleġibbli għall-istess għotja ta' manteniment bħall-istudenti Spanjoli.

Jiena Pollakka u għadni kif lestejt l-ewwel lawrja universitarja fil-Polonja. Issa nixtieq nagħmel il-Master's fi Franza. Intitolata nieħu għotja mill-Polonja jew minn Franza? Iftaħ Agħlaq

JISTA' JKUN - il-gvernijiet tal-UE mhumiex obbligati jipprovdu għotjiet jew self lill-istudenti minn pajjiżi oħra tal-UE. Lanqas m'huma obbligati jappoġġaw liċ-ċittadini tagħhom stess jekk dawn jagħżlu li jistudjaw barra l-pajjiż.

Dawn id-deċiżjonijiet huma totalment fid-diskrezzjoni tal-gvernijiet ikkonċernati: l-għotjiet ta' manteniment ta' ċerti pajjiżi jirristrinġu l-possibilità tal-istudju barra għaċ-ċittadini tagħhom.

Ikkuntattja l-awtoritajiet fiż-żewġ pajjiżi biex tinforma ruħek dwar x'tip ta' għajnuna huma lesti jagħtuk.

Nitlef l-għotja ta' manteniment mingħand il-gvern tiegħi jekk immur nistudja barra? Iftaħ Agħlaq

JISTA' JKUN - il-gvern tiegħek jista' jagħżel jekk jagħtikx għotja ta' manteniment jekk tmur tistudja barra: staqsihom x'inhuma r-regoli dwar dan.

Madankollu, jekk il-gvern tiegħek jagħti l-appoġġ, irid jiżgura li r-regoli ta' eliġibbiltà ma joħolqux restrizzjoni mhux ġustifikata fuq il-libertà ta' moviment tiegħek.

Jien ċittadin Awstrijak u qed nistudja l-liġi fil-Belġju fuq bażi full-time. Applikajt għal għotja ta' manteniment u self għal miżati għat-tagħlim li ġew irrifjutati. Għandi dritt għall-għajnuna finanzjarja fil-Belġju fuq l-istess bażi bħall-istudenti Belġjani? Iftaħ Agħlaq

LE - int għandek dritt għall- istess għotjiet biex ikopru l-miżati bħaċ-ċittadini Belġjani iżda m'għandikx id-dritt awtomatiku għal għotja ta' manteniment fuq l-istess bażi bħall-istudenti Belġjani. Il-pajjiżi tal-UE mhumiex obbligati li jagħtu għotja ta' manteniment lil persuni li m'humiex ikkunsidrati bħala residenti abitwali, sakemm ma jkunux ikklassifikati bħala ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom (jew persuni li għandhom tali status), u l-membri tal-familji tagħhom.

Jiena Franċiża u nixtieq nistudja fir-Repubblika Ċeka. Ikolli nsir residenta tar-Repubblika Ċeka qabel inkun nista' nikkwalifika għall-istess miżati bħall-istudenti Ċeki? Iftaħ Agħlaq

LE - bħala ċittadin Franċiż li jkun qed jistudja fir-Repubblika Ċeka, ir-regoli tal-UE jfissru li ma tistax tintalab tħallas miżati għat-tagħlim ogħla miċ-ċittadini Ċeki. Madankollu, jista' jkun li ma tkunx intitolata għal għotja ta' manteniment mill-awtoritajiet Ċeki sakemm ma tkunx resident permanenti.

Skola bbażata fl-UE għandha dritt titlob miżati għat-tagħlim ogħla lil persuna mhux ċittadina tal-post milli titlob lil ċittadin tal-pajjiż tagħha? Pereżempju, tista' skola fil-Polonja titlob miżata għat-tagħlim ogħla mingħand ċittadin Olandiż milli titlob lil ċittadin Pollakk? Iftaħ Agħlaq

LE - l-iskejjel fl-UE ma jistgħux jiddiskriminaw fuq il-bażi tan-nazzjonalità. B'hekk, f'dan il-każ, l-iskola Pollakka ma tistax titlob miżati ogħla lil ċittadin Olandiż minn dawk li titlob mingħand l-istudenti Pollakki.

Jien Ċek u ilni ngħix u naħdem fi Franza għal sena u nofs. Applikajt għal borża ta' studju iżda offrewli ammont imnaqqas ta' flus minħabba li kont ħaddiem migrant. M'għandix dritt għal għotja sħiħa? Iftaħ Agħlaq

JISTA' JKUN - għandek mnejn tikkwalifika għal borża ta' studju jekk it-taħriġ ikun relatat max-xogħol preċedenti tiegħek. F'dak il-każ se jkollok l-istess dritt għal għotja bħall-istudenti Franċiżi. L-ammont tal-għotja mogħti jiddependi fuq l-introjtu tal-unità domestika: iktar ma jkun għoli l-introjtu, anqas tkun għolja l-għotja.

Ara l-informazzjoni prinċipali dwar dan is-suġġett

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 05/05/2025
Ikkondividi din il-paġna