Menu

Mistoqsijiet frekwenti - Garanziji u ritorni

Meta tibda l-garanzija legali ta' sentejn? Open Agħlaq

Il-perjodu ta’ sentjen jibda mill-jum li tirċievi l-prodott, kemm jekk tieħdu minn ħanut kif ukoll jekk jasallek bħala konsenja. Għandek dejjem iżżomm l-irċevuti u kwalunkwe dikjarazzjoni tal-konsenja. L-irċevuti tal-cash register xi kultant ma jibqgħux ċari u jsiru illeġibbli maż-żmien, għalhekk huwa rrakkomandat li ssir fotokopja għal aktar sigurtà.

Xtrajt prodott online u l-kurrier tilfu. Nista' nieħu l-flus lura? Open Agħlaq

Sakemm ma organizzajtx il-konsenja tiegħek stess, il-bejjiegħ huwa responsabbli għall-oġġetti sakemm jaslu fil-bieb tiegħek. Jekk l-oġġett ma jasalx, il-bejjiegħ irid jorganizza sostituzzjoni jew jipprovdi rifużjoni.

L-ismart TV tiegħi waqaf jaħdem iżda l-bejjiegħ jgħid li l-problemi tas-software mhumiex koperti mill-garanzija legali. Dan huwa minnu? Open Agħlaq

Le. Jekk prodott jinbiegħ flimkien mas-software, allura s-software jaqa’ taħt il-garanzija. Jekk il-problema tinsab f’applikazzjoni li stabbilejt wara li xtrajt it-TV, hija r-responsabbiltà tal-fornitur tal-applikazzjoni.

Jien intitolat għal aġġornamenti tas-software meta nixtri prodott b’element diġitali? Open Agħlaq

Iva. L-aġġornamenti għandhom iżommu l-prodott adattat għall-iskop tiegħu u ċibersigur. Dawn jistgħu jiġu pprovduti minn partijiet terzi, iżda l-bejjiegħ jibqa’ responsabbli jekk l-aġġornamenti jfallu. L-aġġornamenti mhumiex koperti.

L-ismartphone il-ġdid mhux qed jaħdimli. Lil min għandi nikkuntattja, lill-bejjiegħ jew lill-manifattur? Open Agħlaq

Il-garanzija legali ta’ sentejn tapplika għall-kuntratt mal-bejjiegħ. Dan ikopri prodotti mixtrija kullimkien fl-UE. Jista’ jkollok garanzija kummerċjali addizzjonali, li d-dettalji tagħha se jiġu spjegati fid-dikjarazzjoni tal-garanzija tiegħek. Il-garanzija kummerċjali tista’ tkun aktar vantaġġuża mill-garanzija legali, iżda ma tissostitwixxix il-garanzija legali.

Xtrajt smart watch, iżda ma ħadmitx. Il-bejjiegħ bagħatli sostituzzjoni, iżda kienet ukoll difettuża. Għandi d-dritt li nerġa’ nieħu sostituzzjoni oħra? Open Agħlaq

Inti intitolat li jkollok il-prodott sostitwit jew imsewwi mill-bejjiegħ jekk id-difett isir evidenti fi żmien sentejn mill-konsenja tal-prodott oriġinali. Il-bejjiegħ jista’ joffri li jsewwi l-prodott minflok jissostitwixxih jekk is-sostituzzjoni tkun għalja b’mod sproporzjonat meta mqabbla mat-tiswija u ma tikkawżalek inkonvenjenza sinifikanti.

Ftit aktar minn sena ilu xtrajt smartphone u issa waqaf jaħdem. In-negozjant qed jirrifjuta li jsewwih b'xejn. Għandi garanzija legali ta' sentejn? Open Agħlaq

Il-garanzija legali hija valida għal perjodu ta’ sentejn fl-UE kollha u tkopri kwalunkwe difett li kien jeżisti fiż-żmien tal-konsenja u li jsir apparenti f’perjodu ta’ sentejn.

Jekk difett isir evidenti fi żmien sena mill-konsenja, ma għandekx għalfejn turi li kien jeżisti fil-ħin tal-konsenja. Il-bejjiegħ irid isewwi jew jissostitwixxi l-prodott jew jagħtik tnaqqis fil-prezz jew flusek lura. Huwa preżunt li d-difett kien diġà jeżisti sakemm il-kummerċjant ma jkunx jista’ jipprova mod ieħor. F’xi pajjiżi tal-UE, dan il-perjodu jista’ jkun ta’ sentejn.

Nota: jekk l-element diġitali jiġi fornut kontinwament għal aktar minn sentejn, eż. software tan-navigazzjoni f’apparat tal-GPS, il-perjodu ta’ responsabbiltà jiġi estiż; dan jintemm meta d-data ma tibqax tiġi fornuta skont il-kuntratt. Dan ma jaffettwax ir-responsabbiltà ta’ sentejn għall-prodott tanġibbli nnifsu.

Ngħix il-Portugall u xtrajt kamera tar-ritratti fi Spanja. Ma taħdimx. X’għandi nagħmel? Open Agħlaq

Jekk għad għandek l-irċevuta, tista’ titlob li l-kamera tissewwa jew tinbidel. Jekk dan mhux possibbli, għandek tingħata l-flus lura. Jekk ma tirċevix tweġiba sodisfaċenti mingħand il-bejjiegħ, tista’ tikkuntattja liċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur lokali tiegħek.

Il-bejjiegħ fi Spanja lest li jsewwiha, imma min irid iħallas għall-posta 'l hemm u lura? Open Agħlaq

Fi żmien sentejn mix-xiri, il-prodotti difettużi jridu jissewwew jew jinbidlu mingħajr ebda spiża għall-konsumatur. Dawn jinkludu l-ispejjeż tal-konsenja.

Il-kompjuter li xtrajt ftit aktar minn sena ilu, ma jridx jaħdem aktar. Il-bejjiegħ qabel miegħi li huwa difettuż imma ma jridx isewwieh b'xejn għax il-garanzija tal-manifattur hija valida għal sena biss. X’nista’ nagħmel? Open Agħlaq

Il-garanzija li qed isemmi il-bejjiegħ hi l-garanzija kummerċjali tal-manifattur. Din m'għandhiex x'taqsam mal-garanzija legali, li torbot lill-bejjiegħ u ddum tgħodd sentejn. Jekk il-bejjiegħ jaqbel li l-kompjuter huwa difettuż, obbligat jibdlu jew isewwih bla ħlas. Jekk is-sostituzzjoni jew it-tiswija mhix possibbli, tista’ tingħata l-flus lura. Jekk ma tirċevix tweġiba sodisfaċenti mingħand il-bejjiegħ, tista’ tikkuntattja lill-awtorità nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumatur fil-pajjiż fejn tgħix.

Xtrajt gwardarobba u waħda mill-bibien mhix tingħalaq sew. Nixtieq li n-negozjant jissostitwixxi l-gwardarobba. Però n-negozjant qed jirrifjuta u minflok qed joffri li jirranġa ċ-ċappetta difettuża. Għaliex ma jħallinix nagħżel sostituzzjoni? Open Agħlaq

Tista’ tagħżel jekk prodott difettuż għandux jissewwa jew jinbidel, sakemm l-għażla tiegħek ma tkunx impossibbli jew għalja wisq għall-bejjiegħ. F’dan il-każ is-sostituzzjoni tal-gwardarobba sħiħa tista’ tkun għalja b’mod sproporzjonat meta mqabbla mat-tiswija taċ-ċappetta. Barra minn hekk, jekk id-difett ikun żgħir, bħal f'dan il-każ, allura l-għażla favur it-tiswija x'aktarx tkun l-aktar soluzzjoni veloċi.

Wara ftit xhur li xtrajtu, is-sufan tal-ġilda l-ġdid qed jiċċara. In-negozjant qed isostni li dan hu minħabba l-għaraq tiegħi, imma jien ma naqbilx. X’nista’ nagħmel? Open Agħlaq

Matul il-perjodu ta’ garanzija ta’ sentejn, il-kummerċjant huwa responsabbli għal kwalunkwe ħsara fil-prodott. Għandek tkun tista’ tuża s-sufan tiegħek normalment mingħajr ma jitfaċċaw xi difetti.

Madankollu, il-ġilda hi materjal delikat li jista’ jitħassar malajr bl-għaraq jew jekk tuża prodotti tat-tindif li ma jaqblux magħha. F'dan it-tip ta' każi, il-bejjiegħ għandu jinfurmak jekk oġġett li tixtri għandux jiġi ttrattat b'mod partikolari.

X’inhu l-“perjodu ta’ cooling-off”? Open Agħlaq

Il-perjodu ta’ cooling-off jissejjaħ uffiċjalment id-“dritt ta’ rtirar”. Dan ifisser bil-liġi li għandek 14-il jum biex tibdel fehmtek wara li tordna xi ħaġa online, bit-telefown, jew b’xi mod ieħor barra ħanut. Il-perjodu ta’ cooling-off jiskadi 14-il jum wara l-jum li fih irċevejt l-oġġetti tiegħek jew, għal kuntratti ta’ servizz, 14-il jum wara l-jum li fih ikkonkludejt il-kuntratt. Jekk il-perjodu ta’ cooling off jiskadi f'jum li ma jkunx tax-xogħol, id-data ta’ għeluq tiġi estiża sal-jum tax-xogħol li jkun imiss.

Nista' nirritorna xi ħaġa jew nikkanċella servizz li xtrajt online jekk ma jogħġobnix? Open Agħlaq

Iva. Tista’ teżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħek mill-kuntratt online fi żmien 14-il jum mill-konsenja tal-oġġetti jew mill-konklużjoni tal-kuntratt ta’ servizz. Madankollu, dan ma japplikax għal affarijiet bħal oġġetti li jitħassru jew oġġetti ssiġillati wara l-ftuħ tagħhom, biljetti tal-ajru u tal-ferrovija, biljetti tal-kunċerti, bookings tal-lukandi, prenotazzjonijiet tal-kiri tal-karozzi u servizzi ta’ catering għal dati speċifiċi.

Avviż! Jekk tixtri kontenut diġitali - bħal mużika jew video online, ma tistax tirtira ladarba d-downloading jew l-istreaming ikun beda jekk: (1) inti tajt il-kunsens tiegħek biex tibda l-eżekuzzjoni immedjatament, qabel l-iskadenza tal-perjodu tal-irtirar ta’ 14-il jum; (2) inti rrikonoxxejt li titlef id-dritt ta’ rtirar tiegħek bħala riżultat tal-eżekuzzjoni immedjata; u (3) il-fornitur ipprovdilek il-konferma tal-kunsens u r-rikonoxximent tiegħek.

Għandi l-istess drittijiet jekk nixtri xi ħaġa online minn sit web mhux tal-UE bħal minn negozju bbażat fl-UE? Open Agħlaq

Jekk tixtri l-oġġetti minn sit web mhux tal-UE, id-drittijiet tal-konsumatur tal-UE tiegħek ma japplikawx awtomatikament. Jekk xi ħaġa tmur ħażin b’oġġett jew tixtieq tirritornah, jista’ jkun aktar diffiċli li ssib soluzzjoni għall-problema. Iċċekkja s-sit web tal-bejjiegħ għat-termini u l-kundizzjonijiet.

Reġa’ bdieli dwar sufan li xtrajt mill-internet u issa nixtieq nirtira mill-kuntratt ta’ bejgħ tiegħi. Min għandu jħallas biex jirritorna s-sufan lill-bejjiegħ? Open Agħlaq

Il-bejjiegħa jridu jinfurmaw lill-konsumaturi minn qabel jekk qed jistennewk tħallas biex tirritorna l-oġġetti qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ 14-il jum li għandek biex taħsibha. Jekk ma jkunx informa lix-xerrej minn qabel, in-negozjant hu obbligat li jħallas l-ispiża tar-ritorn. Meta tixtri oġġetti goffi, in-negozjant irid jagħtik stima tal-ispiża tar-ritorn tal-oġġetti qabel ma tikkonkludi l-bejgħ.

Biex nikseb aċċess għal kont tal-media soċjali, tajt il-kunsens tiegħi biex nuża r-ritratti tiegħi għal skopijiet ta’ marketing. Iżda 9 xhur wara, feġġ bug fis-software tal-media soċjali li għamel il-login diffiċli. X'inhuma drittijieti f'dan il-każ?" Open Agħlaq

F’ħafna każijiet, il-konsumaturi ma jħallsux flus biex jaċċessaw kontenut diġitali jew servizzi diġitali, iżda minflok jipprovdu data personali lin-negozjant. Il-konsumaturi għandhom id-dritt għal rimedju meta l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jkun difettuż, irrispettivament minn jekk ħallsux bi flus jew jekk ipprovdewx biss data personali.

F’każ li jidher difett fil-kontenut diġitali jew fis-servizz diġitali li għalih tkun ipprovdejt id-data, għandek id-dritt li tittermina l-kuntratt anki meta d-difett ikun minuri. Taħt ċerti kundizzjonijiet, il-fornitur għandu jieqaf juża d-data tiegħek wara t-terminazzjoni tal-kuntratt u jippermettilek tirkupraha.

Ħallast biex nikkonsulta avukat iżda kellna laqgħa online biss għal żmien limitat u tħallejt b’ħafna mistoqsijiet. Nista' nitlob il-flus lura? Open Agħlaq

Le. Ir-regoli dwar il-kontenut u s-servizzi diġitali ma jkoprux servizzi online relatati ma’ setturi tradizzjonali bħal konsultazzjonijiet legali, servizzi finanzjarji, jew servizzi tal-kura tas-saħħa (eż. preskrizzjonijiet online).

X'inhuma drittijieti meta nixtri minn sit tal-irkant online? Open Agħlaq

Meta tixtri xi ħaġa minn irkant fuq l-internet mingħand negozjant professjonali, għandek l-istess drittijiet tal-konsumatur bħal kwalunkwe xiri minn siti web normali. Jekk tixtri oġġetti mingħand individwu privat minflok mingħand kumpanija, kif ġeneralment jiġri fi rkanti online, it-tranżazzjoni mhix koperta mil-leġiżlazzjoni tal-konsumatur tal-UE.

Ara l-informazzjoni prinċipali dwar dan is-suġġett

Leġiżlazzjoni tal-UE

L-aħħar verifika: 12/06/2024
Ikkondividi din il-paġna