Menu

Mistoqsijiet frekwenti - Twaqqif ta' Kumpanija Ewropea (SE)

Jekk kumpanija għandha l-uffiċċju ewlieni tagħha f’pajjiż li mhux fl-UE, tista’ tipparteċipa fil-formazzjoni ta’ Kumpanija Ewropea? Open Agħlaq

Dan jiddependi minn kull pajjiż individwali tal-UE – iżda biss jekk il-kumpanija inkwistjoni:

  • hi fformata skont il-liġi ta’ pajjiż tal-UE
  • għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha f’dak il-pajjiż, u
  • għandha rabta reali u kontinwa mal-ekonomija ta’ pajjiż tal-UE.

Dan japplika għall-pajjiżi tal-UE li ġejjin: il-Belġju, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Greċja, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Norveġja, il-Polonja, Spanja, is-Slovenja u s-Slovakkja.

L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jopponu l-formazzjoni ta’ Kumpanija Ewropea? Open Agħlaq

IVA. F’każijiet ta’ merger. Dan jiddependi minn kull pajjiż individwali tal-UE u tista’ tkun ibbażata biss għal raġunijiet ta’ interess pubbliku.

Dan japplika għall-pajjiżi tal-UE li ġejjin: il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, Franza, il-Greċja, il-Latvja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, Spanja u l-Iżvezja.

L-uffiċċji reġistrati u prinċipali ta’ Kumpanija Ewropea għandhom ikunu fl-istess pajjiż? Open Agħlaq

IVA. Jekk kumpanija Ewropea ma għadhiex tissodisfa dan ir-rekwiżit, se tintalab biex jew terġa’ tistabbilixxi uffiċċju prinċipali jew inkella biex tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat, sabiex jiġi żgurat li huma jkunu qegħdin fl-istess pajjiż. Jekk hi tonqos milli tikkonforma, għandha tkun likwidata.

Barra minn hekk, pajjiż jista’ jitlob li l-uffiċċji reġistrati u prinċipali jiġu rreġistrati fl-istess indirizz. Dan japplika għall-pajjiżi tal-UE li ġejjin: l-Awstrija, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, Franza, il-Greċja u l-Latvja.

Hemm xi rekwiżiti relatati ma’ strutturi organizzattivi? Open Agħlaq

Kumpanija Ewropea tista’ topera taħt waħda minn dawn l-istrutturi li ġejjin:

  • sistema b'livell wieħed – il-management tal-kumpanja jikkonsisti minn korp amministrattiv
  • sistema b’żewġ livelli – il-management tal-kumpanija jikkonsisti minn korp maniġerjali u minn korp superviżorju

Kif taħdem sistema b’livell wieħed? Open Agħlaq

  • Il-korp amministrattiv għandu jiltaqa’ mill-anqas darba kull 3 xhur
  • Jaħtar chairman minn fost il-membri tiegħu.
  • Il-membri tiegħu jinħatru mil-laqgħa ġenerali (il-membri tal-ewwel korp amministrattiv jistgħu jinħatru mill-istatuti tal-Kumpanija Ewropea)

Kif taħdem sistema b’żewġ livelli? Open Agħlaq

  • Ebda persuna ma tista’ tkun kemm membru tal-bord maniġerjali u tal-korp ta’ sorveljanza fl-istess ħin
  • Il-korp superviżorju jaħtar iċ-chairman tiegħu minn fost il-membri tiegħu
  • Il-membri tiegħu jinħatru mil-laqgħa ġenerali (il-membri tal-ewwel korp superviżorju jistgħu jinħatru mill-istatuti tal-Kumpanija Ewropea)
  • Il-membri tal-korp maniġerjali jinħatru, u jitneħħew, mill-korp superviżorju. Pajjiżi tal-UE jistgħu jeħtieġu jew jippermettu l-istatuti tal-Kumpanija Ewropea sabiex tispeċifika li dan isir matul il-laqgħa ġenerali
  • Il-korp maniġerjali jrid jirrapporta lill-korp superviżorju tal-anqas darba kull 3 xhur u wkoll jgħaddilu kwalunkwe informazzjoni importanti.

Min jista’ jkun membru ta’ korpi ta’ Kumpanija Ewropea? Open Agħlaq

  • Il-membri jistgħu jkunu persuni fiżiċi sakemm dawn ma ġewx skwalifikati milli jservu fuq bord ta’ kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata fil-livell nazzjonali.

L-istatuti tal-Kumpanija Ewropea jistgħu wkoll jippermettu kumpanija jew entità legali oħra li tkun membru (sakemm il-liġi rilevanti nazzjonali dwar kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata ma tiddettax mod ieħor). F’każ bħal dan, persuna fiżika għandha tintgħażel sabiex teżerċita din il-funzjoni.

F’kemm membri jistgħu jikkonsistu l-korpi ta’ Kumpanija Ewropea? Open Agħlaq

  • L-Istatut tal-Kumpanija Ewropea ma jistabbilixxix numru speċifiku
  • In-numru ta’ membri – jew ir-regoli li jiddeterminaw dan għandhom ikunu stipulati fl-istatuti tal-Kumpanija Ewropea
  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jistabbilixxu r-regoli tagħhom dwar in-numri minimi/massimi ta’ membri għal korpi ta’ Kumpanija Ewropea. Barra minn hekk, fis-sistema b’żewġ livelli, huma jistgħu jispeċifikaw in-numru ta’ membri għall-korp superviżorju
  • Madankollu, fejn il-parteċipazzjoni ta’ impjegat hi regolata mid-Direttiva 2001/86/KE, il-korp amministrattiv għandu jkollu tal-anqas 3 membri.

Għal kemm żmien jistgħu jinħatru l-korpi ta’ Kumpanija Ewropea? Open Agħlaq

  • Il-perjodu massimu tat-terminu tal-mandat – hu ta’ 6 snin
  • Il-perjodu magħżul għandu jkun stabbilit fl-istatuti tal-Kumpanija Ewropea
  • Il-membri jistgħu jerġgħu jinħatru mill-ġdid darba biss, xi kultant dan jista’ jsir bosta drabi (suġġett għal kull restrizzjoni fl-istatuti tal-Kumpanija Ewropea).

X’inhuma r-regoli dwar l-istatuti tal-Kumpanija Ewropea? Open Agħlaq

Ir-Regolament ma jipprovdix format standard jew jippreskrivi l-kontenut kollu. Minflok, hu jistabbilixxi numru ta’ regoli, bħal:

  • l-istatuti jistgħu jiġu emendati biss b’deċiżjoni b’maġġoranza ta’ 2/3 tal-voti mill-azzjonisti f’laqgħa ġenerali, sakemm:
    • ir-regoli nazzjonali dwar kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata fil-pajjiż tal-UE fejn il-Kumpanija Ewropea hi rreġistrata jippermettu jew jesiġu maġġoranza ogħla, jew
    • ir-regoli nazzjonali jqisu maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħin bħala suffiċjenti, fejn l-azzjonisti preżenti jirrappreżentaw mill-anqas nofs il-kapital sottoskritt.
  • l-istatuti ma għandhomx ikunu f’kunflitt mal-arranġamenti li sar qbil dwarhom għall-involviment tal-impjegat. Jekk jagħmlu dan, dawn għandhom jiġu emendati. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeċiedu li dan isir mingħajr ebda deċiżjoni ulterjuri mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti. L-istatuti għandhom ikopru wkoll aspetti bħal:
    • l-istruttura organizzattiva (sistemi b’livell wieħed jew b’żewġ livelli)
    • in-numru ta’ membri fuq kull korp maniġerjali, jew regoli biex jiġi ddeterminat dan
    • il-mandat għall-membri tal-korpi maniġerjali (u restrizzjonijiet potenzjali dwar il-ħatra mill-ġdid)
    • il-lista ta’ kategoriji ta’ transazzjonijiet li jeħtieġu deċiżjoni espressa mill-korp amministrattiv fis-sistema b’livell wieħed, jew awtorizzazzjoni minn korp superviżorju f’sistema b’żewġ livelli.

Kif huma protetti l-kredituri, l-impjegati u l-azzjonisti minoritarji? Open Agħlaq

  • Fil-mergers u l-holdings, ir-regoli dwar l-involviment tal-impjegati huma deċiżi skont id-Direttiva 2001/86/KE . Barra minn hekk, il-laqgħat ġenerali tal-kumpaniji involuti għandhom id-dritt li jimblokkaw ir-reġistrazzjoni ta’ Kumpanija Ewropea sakemm ma jkunux kapaċi espressament jirratifikaw ir-regoli miftiehma.
  • F’konverżjonijiet, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jagħmlu l-konverżjoni dipendenti fuq maġġoranza kwalifikata jew vot unanimu fil-korp maniġerjali tal-kumpanija li tkun qed tiġi konvertita, jekk hi diġà jkollha fis-seħħ regoli għall-parteċipazzjoni tal-impjegati. Ebda pajjiż tal-UE attwalment ma għażel din l-opzjoni.
  • Fil-mergers, il-kredituri u detenturi ta’ bonds jew ta’ titoli, għajr l-ishma se jkunu protetti skont il-liġi nazzjonali rilevanti (filwaqt li titqies in-natura transfruntiera tal-merger).
  • Fil-mergers u l-holdings, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jadottaw miżuri sabiex jipproteġu l-azzjonisti minoritarji li opponew il-merger jew il-ħolqien tal-holding.
    • Il-pajjiżi li għażlu din l-opzjoni għal mergers: l-Awstrija, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja u Spanja.
    • Il-pajjiżi li għażlu din l-opzjoni għal holdings: l-Awstrija, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja u Spanja.
  • Fil-holdings, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jadottaw miżuri sabiex jipproteġu l-kredituri u l-impjegati; dawn li ġejjin għamlu dan:
    • Kredituri: Ċipru, iċ-Ċekja, Franza, l-Ungerija, il-Portugall u Spanja.
    • Impjegati: il-Bulgarija, Ċipru, iċ-Ċekja, is-Slovenja, is-Slovakkja.
  • F’holdings u konverżjonijiet, abbozzi ta’ termini jeħtieġ li jinkludu rapport li jispjega l-implikazzjonijiet għall-azzjonisti u għall-impjegati.

Il-kapital azzjonarju tal-Kumpanija Ewropea jista’ jinbidel? Open Agħlaq

Dan hu suġġett għar-regoli għal kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata fil-pajjiż fejn hi rreġistrata l-kumpanija.

Kif inhuma involuti l-azzjonisti fit-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan Kumpanija Ewropea? Open Agħlaq

L-azzjonisti jieħdu sehem fit-teħid ta’ deċiżjonijiet matul il-laqgħat ġenerali:

  • Kemm-il darba?
    • Il-laqgħat ġenerali jistgħu jissejħu fi kwalunkwe ħin – għalkemm tal-anqas darba fis-sena kalendarja, fi żmien 6 xhur minn tmiem is-sena finanzjarja tal-kumpanija (sakemm il-liġi nazzjonali ma teħtieġx laqgħat aktar frekwenti)
    • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu wkoll jitolbu li l-ewwel tinżamm laqgħa ġenerali fi żmien 18-il xahar tal-inkorporazzjoni tal-kumpanija.
  • Min jista’ jsejjaħ laqgħa?
    • wieħed mill-korpi maniġerjali tal-Kumpanija Ewropea
    • awtoritajiet rilevanti

Azzjonisti li għandhom mill-anqas 10% tal-kapital sottoskritt tal-kumpanija (jew anqas, jekk ikun stipulat mil-liġi nazzjonali jew l-istatuti tal-kumpannija) jistgħu wkoll jitolbu laqgħa. Jekk il-kumpanija ma tiltaqax, tista’ tkun ordnata biex tagħmel dan mill-awtorità nazzjonali rilevanti fil-pajjiż tal-UE fejn hi rreġistrata.

  • Votazzjoni waqt il-laqgħat ġenerali:
    • Id-deċiżjonijiet jittieħdu b’maġġoranza sempliċi.
    • Eċċezzjonijiet:
      • fejn il-liġi nazzjonali tistipula maġġoranza akbar
      • fejn l-Istatut tal-Kumpanija Ewropea jistipula maġġoranza akbar (eż. biex jiġu emendati l-istatuti tal-kumpanija).

Tista’ Kumpanija Ewropea tkun konvertita f’kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata? Open Agħlaq

IVA. Dan jista’ jsir fil-pajjiż tal-UE fejn hi rreġistrata, sakemm:

  • din tkun ilha rreġistrata mill-anqas għal sentejn, jew
  • l-ewwel 2 settijiet ta’ kontijiet annwali jkunu ġew approvati.

Dan mhux se jinneċessita li tkun likwidata l-Kumpanija Ewropea, jew li tinħoloq persuna ġuridika ġdida.

Xi jfisser l-involviment tal-impjegati f’kumpanija Ewropea? Open Agħlaq

Involviment tal-impjegati jfisser kull mekkaniżmu li permezz tiegħu impjegati jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fi ħdan kumpanija. Tali mekkaniżmi jintitolaw lir-rappreżentanti tal-impjegati biex:

  • jiġu informati u kkonsultati
  • jipparteċipaw fit-tmexxija tal-kumpanija
    • bi dritt li jeleġġu jew jaħtru wħud mill-membri tal-korp superviżorju jew amministrattiv tal-kumpanija, jew
    • bi dritt li jirrakkomandaw u/jew jopponu l-ħatra ta' wħud mill-membri jew il-membri kollha tal-korp superviżorju jew amministrattiv tal-kumpanija.

X’jiġri mid-drittijiet tal-impjegati f’kumpaniji li jipparteċipaw fil-formazzjoni ta’ Kumpanija Ewropea? Open Agħlaq

Il-prattiki eżistenti ta’ involviment tal-impjegati f’dawn il-kumpaniji ma għandhomx jitnaqqsu wara l-istabbiliment ta’ Kumpanija Ewropea, sakemm il-management u r-rappreżentanti tal-impjegati ma jiddeċidux mod ieħor. Minflok, id-drittijiet fis-seħħ qabel il-formazzjoni ta’ Kumpanija Ewropea għandhom jipprovdu l-bażi għar-regoli dwar l-involviment tal-impjegati fil-kumpanija Ewropea nnifisha.

Kif jiġi deċiż fil-prattika l-involviment tal-impjegati f’Kumpanija Ewropea? Open Agħlaq

  • Il-management u r-rappreżentanti tal-impjegati għandhom jiddeċiedu dwar l-involviment tal-impjegati qabel ir-reġistrazzjoni tal-Kumpanija Ewropea.
  • Ir-regoli dwar l-involviment tal-ħaddiema huma stipulati fi ftehim innegozjat bejn il-management tal-kumpaniji li jistabbilixxu kumpanija Ewropea u r-rappreżentanti ta’ dawn l-impjegati tal-kumpaniji.
  • Jeħtieġ li jinħoloq “korp speċjali għan-negozjar”, li jirrappreżenta l-impjegati tal-kumpaniji kkonċernati, għall-fini ta’ dawn in-negozjati. Il-membri tiegħu huma eletti jew maħtura fi proporzjon man-numru ta’ impjegati mħaddmin minn dawn il-kumpaniji f’kull Stat Membru.
  • Jekk ma jkun intlaħaq ebda ftehim fi żmien perjodu ta’ sitt xhur (li jista’ jiġi estiż sa 12-il xahar), se japplika sett ta’ regoli standard rigward l-involviment tal-impjegati. Ir-regoli standard ma japplikawx jekk ir-rappreżentanti tal-impjegati jiddeċiedu:
    • li ma jinfetħux negozjati jew li jitterminaw dawk li jkunu għaddejjin; kif ukoll
    • li sempliċement jiddependu fuq ir-regoli dwar informazzjoni u konsultazzjoni tal-impjegati fis-seħħ fl-Istati Membri fejn il-Kumpanija Ewropea għandha l-impjegati.

Ara l-informazzjoni prinċipali dwar dan is-suġġett

Twaqqif ta' Kumpanija Ewropea (SE)

Leġiżlazzjoni tal-UE

L-aħħar verifika: 25/08/2023
Ikkondividi din il-paġna