Menu

Fluss liberu tad-data mhux personali

Bħala individwu, negozju, jew organizzazzjoni għandek id-dritt li tuża, tiġbor, taħżen, tittrasferixxi, jew timmaniġġja data mhux personali u li tuża ċentri tad-data jew servizzi tal-cloud kullimkien fl-UE.

Dan jista’ jgħinek tevita kull duplikazzjoni potenzjali tal-ispejjeż; pereżempju, tista’ tiċċentralizza l-infrastruttura tal-IT tiegħek f’pajjiż tal-UE wieħed, anki jekk taħdem f’diversi pajjiżi.

Data personali, data mhux personali u settijiet ta’ data mħallta

Data personali hija kwalunkwe informazzjoni dwar persuna identifikata jew identifikabbli u tikkonforma mar-regoli tal-GDPR.

Settijiet ta’ data mhux personali jirreferu għal data li:

  • ma tirrigwardax persuna fiżika identifikata jew identifikabbli, bħal data dwar il-kundizzjonijiet tat-temp
  • inizjalment kienet data personali, iżda li aktar tard saret anonima u ma tista’ tiġi attribwita bl-ebda mod lil persuna speċifika

Settijiet ta’ data mħallta huma ġabriet ta’ data personali u mhux personali bħal rekord tat-taxxa ta’ kumpanija li jsemmi l-isem u n-numru tat-telefown tad-direttur maniġerjali tal-kumpanija. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, id-data personali u dik mhux personali f’settijiet ta’ data mħallta hija marbuta b’mod inseparabbli. Jekk timmaniġġja settijiet ta’ data mħallta bħal dawn, trid issegwi r-regoli tal-GDPR.

Tista’ taħżen id-data tan-negozju tiegħek kullimkien fl-UE fuq is-servers tal-cloud

Minbarra l-każijiet eċċezzjonali spjegati hawn taħt, tista’ tagħżel il-post fejn tinħażen jew tiġi pproċessata d-data.

Jekk tuża servizz tal-cloud biex taħżen id-data tiegħek, ir-regoli tal-UE dwar id-data jiżguraw li:

  • Tista’ taqleb faċilment għal fornitur ieħor tal-cloud jew tirrestawra d-data tiegħek fis-sistemi tal-IT tiegħek.
  • Il-fornituri jridu jagħtuk id-data tiegħek f’format komuni li jinqara mill-magni u ma jistgħux joħolqulek ostakli biex taqleb.
  • Jekk tuża s-servizzi tal-infrastruttura (IaaS), il-fornitur il-ġdid irid jagħtik riżultati paragunabbli għall-karatteristiċi komuni, sabiex l-applikazzjonijiet tiegħek ikomplu jaħdmu.
  • Il-fornituri jistgħu jitolbu ħlas limitat għall-qlib u għat-trasferiment tad-data minn servizz tal-cloud (ħruġ). Il-ħlas li jistgħu jitolbu huwa limitat għall-ammont li huma stess jonfqu biex jagħmlu possibbli l-bdil/il-ħruġ ta’ klijent.

Twissija

Minn Jannar 2027 ’l hawn, il-qlib u t-trasferiment tad-data minn servizz tal-cloud se jkunu kompletament bla ħlas għall-klijenti tal-cloud.

Restrizzjonijiet fuq il-lokalizzazzjoni tad-data fl-UE

F’każijiet eċċezzjonali, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jkunu kapaċi jirrestrinġu l-moviment ta’ ċerta data, iżda biss jekk dan ikun iġġustifikat għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika. Ġustifikazzjoni bħal din tista’ tkun, pereżempju, meta d-data tkun relatata ma’ investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu li jkunu għaddejjin, jew meta t-telf tad-data jista’ jkun ta’ riskju għal inċident tat-traffiku kbir (bħal għad-data dwar il-kontroll tat-traffiku tal-ajru). Dawn l-eċċezzjonijiet jiddependu fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Ir-Regolament tal-UE dwar il-fluss liberu tad-data mhux personali jagħti aċċess għal informazzjoni dwar tali restrizzjonijiet fuq il-lokalizzazzjoni tad-data.

Il-kondiviżjoni tad-data mal-awtoritajiet kompetenti

Għandek tagħmel id-data disponibbli jekk awtorità kompetenti tagħmel talba leġittima biex taċċessa d-data tiegħek, anki jekk id-data tkun immaniġġjata jew maħżuna f’pajjiż ieħor tal-UE. Jistgħu jinħarġu penali għal nuqqas ta’ konformità skont il-liġi nazzjonali.

Informazzjoni nazzjonali u punti ta’ kuntatt

Ir-Regolament tal-UE dwar il-fluss liberu tad-data mhux personali jiddeskrivi żewġ punti ta’ informazzjoni li l-pajjiżi tal-UE jridu jipprovdu:

  • Punt uniku ta’ informazzjoni” jirreferi għal website uffiċjali b’informazzjoni nazzjonali dwar ir-restrizzjonijiet u r-rekwiżiti b’rabta mal-lokalizzazzjoni tad-data.
  • Punt uniku ta’ kuntatt” jirreferi għal indirizz fiżiku u/jew elettroniku li tista’ tikkuntattja għal aktar informazzjoni.

Tista’ ssib din l-informazzjoni fit-taqsima “Staqsi lill-amministrazzjonijiet nazzjonali” hawn taħt.

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Għandek xi mistoqsijiet dwar kif topera negozju transfruntier, pereżempju l-esportazzjoni jew l-espansjoni lejn pajjiż ieħor tal-UE? Jekk hu l-każ, Enterprise Europe Network jista’ jagħtik pariri b’xejn.

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 11/11/2025
Ikkondividi din il-paġna