Trasport u konsenja

Jekk ma tiġborx dak li tixtri mill-ewwel jew jekk tkun ordnajtu biex jitwassallek id-dar, il-kummerċjant għandu jwassalulek sa 30 jum – sakemm ma taqbilx speċifikament dwar ħin ta’ konsenja differenti.

Kostijiet tal-konsenja

Trid dejjem tkun informat b’mod ċar dwar il-prezz totali għax-xiri tiegħek, inkluż il-konsenja u kostijiet relatati oħra.

Il-kummerċjant jista’ jimponilek prezz differenti biex iwassal oġġetti lejn pajjiż ieħor tal-UE. Dan jista’ jkun ġustifikat, peress li l-imposti postali mhumiex l-istess fil-pajjiżi kollha tal-UE. Qabel tixtri l-oġġetti tiegħek, il-kummerċjant irid jinfurmak dwar liema opzjonijiet ta’ konsenja transfruntiera huma disponibbli għalik u kemm jiswew.

Trid tagħti l-kunsens espliċitu tiegħek għal kwalunkwe kost addizzjonali, pereżempju jekk il-kummeċjant jixtieq joffrilek konsenja express, jew bit-tqartis f’karta tar-rigali. L-użu ta’ kaxxa mmarkata minn qabel fis-sit web tal-kummerċjant ma tikkostitwix kunsens ta’ din ix-xorta u tkun intitolat għal rimborż ta’ kwalunkwe pagament li jkun inġabar b’dan il-mod.

Dazju doganali għal ordnijiet sa EUR 150

Dazju doganali ta’ EUR 3 għal kull oġġett japplika għal ordnijiet sa EUR 150 importati fl-UE u mibgħuta lill-konsumaturi. Id-dazju japplika meta tixtri online minn barra l-UE u jiżdied ma’ kwalunkwe VAT u imposti tal-konsenja.

Hija r-responsabbiltà tal-bejjiegħ jew tat-trasportatur li jiġbor dan id-dazju, u kif dan jaffettwa l-kost tal-prodotti tiegħek jiddependi fuq kif il-bejjiegħ jiddeċiedi li jimplimenta din l-imposta. Pereżempju, tista’ tiġi inkluża fi kwalunkwe tariffa doganali u tat-trasport meta tħallas online.

Id-dazju doganali jammonta għal EUR 3 għal kull oġġett u mhux għal kull pakkett u huwa bbażat fuq raggruppament ta’ prodotti simili u mhux fuq l-ordni sħiħa. Dawn jissejħu “oġġett tal-merkanzija”, li fih prodott ikollu l-istess kodiċi tal-komodità u pajjiż tal-oriġini. Pereżempju, jekk il-pakkett tiegħek ikun fih żewġ flokkijiet, allura tħallas EUR 3. Madankollu, jekk il-pakkett tiegħek ikun fih flokk u qalziet, dawn jiġu kklassifikati bħala żewġ oġġetti tal-merkanzija differenti fuq id-dikjarazzjoni doganali, u jkollok tħallas EUR 3 għal kull oġġett, għal total ta’ EUR 6.

Sir af iktar dwar id-dazju doganali ta’ EUR 3.

Oġġetti li saritilhom il-ħsara

Il-kummerċjant hu responsabbli għal kwalunkwe ħsara lill-oġġetti tiegħek minn meta jsir id-dispaċċ tagħhom sakemm tirċevihom.

Għalhekk, jekk meta tirċievi xi ħaġa li ordnajt, tiskopri li l-oġġetti tiegħek huma difettużi jew li ma jaħdmux kif suppost, int intitolat li titlob biex dawn jissewwew, jinbidlu, jew, meta la waħda u lanqas l-oħra ma jkunu possibbli, tista’ titlob għal tnaqqis fil-prezz jew għal rimborż.

Ftakar li dejjem għandek minimu ta’ sentejn garanzija bla ħlas, irrispettivament jekk xtrajtx l-oġġetti tiegħek minn ħanut fiżiku jew minn xi mkien ieħor, pereżempju online, permezz ta’ katalgu jew bit-telefown. Sir af iktar dwar il-garanziji u r-ritorni.

Nuqqas ta’ konsenja

Jekk ma tirċevix l-oġġetti tiegħek fi żmien 30 jum, jew fiż-żmien miftiehem, għandek tfakkar lill-kummerċjant u tagħtih limitu ta’ żmien addizzjonali raġonevoli għall-konsenja. Pereżempju, jekk il-kummerċjant infurmak li l-konsenja tiegħek se tittardja b’ġimgħa minħabba problemi mal-fornituri tiegħu għandek tikkunsidra li tagħtih dik il-ġimgħa żejda.

Jekk il-konsenja mill-kummerċjant tibqa’ ma ssirx fil-limitu ta’ żmien estiż, imbagħad int intitolat li ttemm il-kuntratt tiegħek u li tkun rimborżat malajr kemm jista’ jkun. M’għandekx għalfejn tagħti żmien addizzjonali lill-kummerċjant jekk jirrifjuta li jikkonsenja jew meta perjodu ta’ konsenja miftiehem hu essenzjali, pereżempju, jekk ikollok bżonn l-oġġetti għal avveniment speċifiku, bħal libsa għal tieġ, u tkun infurmajt lill-kummerċjant dwar dan minn qabel.

Storja bħala eżempju

Tista’ tikkanċella ordni jekk l-oġġetti ma jaslulekx fil-ħin miftiehem

F’nofs Novembru Andrej mis-Slovakkja ordna kaxxa nbid online mill-Italja għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied tal-familja tiegħu. Il-Milied wasal u għadda, u l-inbid ma ġiex ikkonsenjat.

Billi l-prodott ma wasalx fi żmien 30 jum, minkejja li fakkar il-kummerċjant u tah ftit żmien addizzjonali għall-konsenja, Andrej intitolat għal rimborż mingħand il-kummerċjant.

Imposti tal-konsenja tal-pakketti

Il-kumpaniji fl-UE li jikkonsenjaw il-pakketti b’mod transfruntier għandhom jippreżentaw il-lista pubblika tal-prezzijiet tagħhom kull sena għall-pubblikazzjoni f’għodda tal-UE. Tista’ tuża din l-għodda biex tivverifika s-servizzi tal-konsenja tal-pakketti li tista’ tuża meta tibgħat pakkett fl-UE. L-għodda tkopri biss ittri u pakketti li jiżnu mill-inqas 500 g u mhux iktar minn 5 kg.

Biex tara l-kumpaniji disponibbli u l-prezzijiet tagħhom sempliċement agħżel pajjiżek, il-pajjiż fejn trid tibgħat il-pakkett tiegħek, u t-tip ta’ pakkett mill-opzjonijiet hawn taħt.

Isem ilkumpanija Prezz
* Qasam mandatarju

Twissija

Dejjem għandek tivverifika l-offerta tal-prezz finali mal-kumpanija tal-konsenja tal-pakketti, peress li l-prezz eżatt tagħhom jista’ jirrikjedi informazzjoni preċiża, bħad-dimensjonijiet jew it-toqol tal-pakkett tiegħek u l-kodiċi postali fil-pajjiż fejn se tibagħtu. Il-prezzijiet kollha jintwerew fil-munita lokali u jeskludu l-VAT. L-informazzjoni dwar il-prezzijiet tiġi aġġornata kull sena fil-31 ta’ Marzu.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 17/08/2026
Ikkondividi din il-paġna