Ħaddiema - drittijiet ta’ residenza
Għandek dritt tgħix f’kull pajjiż tal-UE fejn int impjegat, fejn taħdem għal rasek jew fejn bagħtuk taħdem.
Jekk tingħata s-sensja
Jekk tingħata s-sensja meta tkun qed tgħix f'pajjiż ieħor, xorta tista' tibqa’ hemm jekk:
- ma tistax taħdem għal xi żmien minħabba mard jew aċċident
- irreġistrat mal-awtorità rilevanti bħala persuna bla xogħol mhux għax trid inti. Jekk tkun ħdimt inqas minn sena qabel dan, għandek id-dritt li tiġi trattat l-istess bħaċ-ċittadini għal perjodu limitat ta’ mill-inqas 6 xhur.
- wara taħriġ vokazzjonali. Jekk tkun bla xogħol iżda mhux għax trid int, it-taħriġ irid ikun relatat mal-impjieg li kellek qabel.
Kif tirrapporta l-preżenza tiegħek u tirreġistra r-residenza tiegħek
Ċerti pajjiżi tal-UE jitolbuk tirrapporta l-preżenza tiegħek lill-awtoritajiet rilevanti fi żmien raġonevoli wara li tasal. Jekk ma tagħmilx dan, jistgħu jimponu penali, bħal multa.
Jekk il-pajjiż tal-UE li tmur tgħix fih ikun jeħtieġ, trid tirreġistra r-residenza tiegħek mal-awtorità rilevanti, ħafna drabi l-kunsill lokali jew l-għassa tal-pulizija lokali. Trid tingħata mill-inqas 3 xhur ċans biex tirreġistra ruħek wara li tasal. Meta tirreġistra, tingħata ċertifikat ta’ reġistrazzjoni. Dan iċ-ċertifikat jikkonferma d-dritt tiegħek li tgħix fil-pajjiż ospitanti tiegħek.
Ikollok bżonn:
- karta tal-identità valida jew passaport validu
- ċertifikat ta’ impjieg jew konferma ta’ reklutaġġ mingħand min iħaddmek
- jekk taħdem għal rasek, prova tal-istatus tal-impjieg tiegħek.
Twissija
M’għandekx għalfejn tipprovdi dokumenti oħrajn.Residenza permanenti
Jekk tkun għext b’mod legali, u ssodisfajt il-kundizzjonijiet biex toqgħod f’pajjiż ieħor tal-UE għal perjodu bla waqfien ta’ 5 snin, awtomatikament takkwista d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan ifisser li tista’ ddum tgħix fil-pajjiż kemm trid. M’għandekx iġġedded iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tiegħek. Minflok trid tapplika għal dokument ta’ residenza permanenti. Dan id-dokument jikkonferma li għandek dritt tibqa’ hemm kemm trid anki jekk ma taħdimx jew jekk ikollok bżonn appoġġ finanzjarju.
Twissija
M’għandekx bżonn turi li taħdem meta tapplika għal residenza permanenti.Il-kontinwità ta’ residenza tiegħek mhix affettwata minn:
- assenzi temporanji (inqas minn 6 xhur fis-sena)
- assenzi itwal minħabba servizz militari obbligatorju
- assenza waħda ta’ 12-il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti bħal tqala jew twelid ta’ tarbija, mard serju, xogħol, taħriġ vokazzjonali jew jekk tintbagħat taħdem f’pajjiż ieħor
Tista’ titlef id-dritt tiegħek għal residenza permanenti jekk tgħix barra l-pajjiż għal aktar minn sentejn fuq xulxin.
Residenza permanenti qabel 5 snin
Għandek imnejn tikkwalifika għal residenza permanenti f’inqas minn 5 snin f’dawn is-sitwazzjonijiet:
- jekk tirtira jew jekk tirtira qabel l-età statutorja normali tal-irtirar, wara li tkun ħdimt f’dak il-pajjiż għall-aħħar 12-il xahar u tkun għext hemm mingħajr waqfien għal aktar minn 3 snin
- jekk tieqaf taħdem għaliex ma tkunx tista’ tkompli taħdem u tkun għext fil-pajjiż bla waqfien għal sentejn
- jekk tieqaf taħdem għaliex ma tkunx tista’ tkompli taħdem minħabba aċċident fuq ix-xogħol jew mard marbut max-xogħol. Għandek dritt tibqa’ tgħix hemm ikun xi jkun it-tul ta’ żmien li tkun għext fil-pajjiż qabel l-aċċident jew il-marda
- jekk taqbad taħdem f’pajjiż ieħor tal-UE bħala ħaddiem li jivvjaġġa minn pajjiż għall-ieħor - trid tmur lura fil-pajjiż ta’ residenza għall-inqas darba fil-ġimgħa - iżda qabel tkun ħdimt fil-pajjiż fejn tixtieq tikseb ir-residenza permanenti għal 3 snin mingħajr waqfien.
Twissija
Informazzjoni dwar id-drittijiet ta’ residenza għal ċittadini mhux tal-UE mingħajr qraba mill-UE.Tista’ tiġi deportat jew tintalab titlaq?
Tista’ tgħix fil-pajjiż l-ieħor tal-UE sakemm tkompli tissodisfa l-kundizzjonijiet għal residenza. Jekk ma tibqax tissodisfa dawn ir-rekwiżiti, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jobbligawk titlaq.
F’każijiet eċċezzjonali, il-pajjiż li jospitak jista’ jiddeportak għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew sigurtà pubblika - iżda biss jekk ikun jista’ juri li l-kondotta personali tiegħek hi theddida ġenwina, preżenti u biżżejjed serja kontra l-interessi fundamentali tas-soċjetà tal-pajjiż tal-UE li qed jospitak.
Id-deċiżjoni ta’ deportazzjoni jew it-talba biex titlaq trid tingħatalek bil-miktub. Trid tiddikjara r-raġunijiet kollha għad-deportazzjoni tiegħek u tispeċifika kif tista’ tappella u sa meta.