Mistoqsijiet frekwenti - Volontarjat - minn fejn tibda
-
Għandi bżonn kapaċitajiet speċifiċi biex inkun voluntier mal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà?
LE - Il-programm hu miftuħ għal kulħadd. Se tingħata wkoll taħriġ speċifiku qabel ma tmur.
-
Nixtieq nagħmel xogħol ta’ volontarjat barra. Fejn nista’ nsib informazzjoni u appoġġ?
Tista’ tibda billi tiċċekkja s-sit web tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għal aktar informazzjoni u opportunitajiet biex tagħmel volontarjat f’pajjiż barrani.
-
Nixtieq nagħmel xogħol ta’ volontarjat fi Spanja. Għandi bżonn inkun naf nitkellem l-Ispanjol?
LE - sakemm għarfien bażiku tal-lingwa mhux meħtieġ speċifikament għax-xogħol li se tkun qed tagħmel. L-appoġġ fil-lingwa jkun disponibbli waqt il-proġett, allura żgur li se titgħallem xi ftit Spanjol waqt li tkun hemm.
-
Għandi bżonn assigurazzjoni?
IVA - iżda l-volontarjat mal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jintitolak għal assigurazzjoni speċjali bla ħlas jekk tmur f’pajjiż barrani. Staqsi lill-organizzazzjoni li qed tibagħtek għad-dettalji.
-
X’jiġri jekk nirrealizza li l-proġett ta’ volontarjat ma jgħoddx għalija - nista’ nitlaq?
Jekk issib ruħek f'sitwazzjoni diffiċli ferm u l-problemi tiegħek ma jistgħux jiġi solvuti, jeżistu modi kif tittermina l-ftehim tal-volontarjat tiegħek - bħala l-aħħar soluzzjoni.
-
Ikolli nħallas xi ħaġa biex nipparteċipa fi proġett ta' volontarjat?
LE - ma trid tħallas xejn biex tipparteċipa fi proġett ta’ volontarjat mal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.
-
Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jirrestrinġu l-aċċess tagħhom għall-iskema ta' volontarjat għaċ-ċittadini?
IVA – skemi nazzjonali tal-volontarjat ma jkunux dejjem miftuħa għal min mhux ċittadin. Ikkuntattja l-awtorità inkarigata biex issir taf.
-
Jien irrid immur xi mkien fl-Ażja. Għandi bżonn viża?
POSSIBBILMENT - is-sehem tiegħek fi proġett ta’ volontarjat ma jeżentakx milli tosserva r-regolamenti dwar il-viża nazzjonali. Kun ċert li titkixxef sew!
-
Dan l-aħħar bdejt volontarjat f’pajjiż ieħor tal-UE. Liema awtoritajiet se jkunu responsabbli mid-drittijiet tas-sigurtà soċjali tiegħi, u xi status legali għandi f’pajjiż ieħor?
L-istatus tal-voluntieri mhux regolat bil-liġi tal-UE. Dawk li jaħdmu f’pajjiż barrani qed jieħdu ħsiebhom kemm l-organizzazzjoni li tibgħathom kif ukoll l-organizzazzjoni ospitanti tagħhom. Bħala voluntier, għandek id-dritt li tgħix fi kwalunkwe pajjiż tal-UE, bil-kundizzjoni li għandek mezzi suffiċjenti biex tfendi għal rasek u assigurazzjoni tas-saħħa komprensiva. Dment li jiġu ssodisfati dawk il-kundizzjonijiet tkun kopert mis-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ dak il-pajjiż. Jekk iż-żjara tiegħek f’pajjiż ieħor tal-UE hi temporanja, tkun tista’ tibbaża ruħek fuq il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tiegħek minn pajjiżek biex tiżgura li tikseb il-kura tas-saħħa li jkollok bżonn kemm iddum toqgħod hemm. -
Se nirċievi ċertifikat rikonoxxut fl-UE kollha wara volontarjat f’pajjiż ieħor tal-UE?
Jekk ħadt sehem fi proġett ta’ volontarjat tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, tirċievi Ċertifikat Youthpass en . -
X'inhu Ċertifikat "Youthpass", u fejn nista' napplika għalih?
Biċ-Ċertifikat Youthpass, tiżgura ruħek li l-esperjenza akkwistata permezz tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà tiġi rikonoxxuta bħala esperjenza edukattiva u bħala perjodu ta’ tagħlim informali. Jekk qed tieħu sehem fi proġett ta’ solidarjetà, l-organizzazzjoni tiegħek għandha tirreġistrak fis-sit web tal-Youthpass en u ddaħħal id-dettalji tiegħek. Iċ-ċertifikat tiegħek jista’ mbagħad jiġi vvalidat u ġġenerat.
