L-għan tagħna hu li nipprovduk b'informazzjoni fil-lingwa tiegħek - jew f'lingwa li tifhem - skont x'tip ta' informazzjoni tkun qed tfittex.
L-UE għandha 24 lingwa uffiċjali.
Tipi ta' informazzjoni u politika dwar il-lingwa
- Leġiżlazzjoni u dokumenti politiċi ewlenin
Ippubblikati fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.
- Dokumenti uffiċjali
Disponibbli f'tal-inqas dawk il-lingwi li kienu uffiċjali fid-data tal-pubblikazzjoni. Id-dokumenti li mhumiex vinkolanti huma ġeneralment ippubblikati bl-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż.
- Informazzjoni ġenerali
Ippubblikata fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.
- Informazzjoni urġenti jew b’validità qasira
Tidher f’lingwa waħda inizjalment, minħabba l-udjenza fil-mira speċifika. Lingwi oħra jistgħu jiġu miżjuda aktar tard, skont il-bżonnijiet tal-utenti.
- Informazzjoni speċjalizzata (informazzjoni teknika, kampanji, sejħiet għal offerti) u aħbarijiet / avvenimenti
Disponibbli f’numru ristrett ta’ lingwi jew anki biss f'lingwa waħda – l-għażla tiddependi fuq l-udjenza mmirata.
Għaliex paġna tal-web partikolari mhix disponibbli fil-lingwa tiegħek?
L-utenti ta’ EUROPA xi kultant ikunu sorpriżi li ma jistgħux isibu paġna partikolari fuq EUROPA f’lingwa partikolari.
Dan jista’ jkun sempliċiment għax għadna ma sibniex il-ħin nittraduċu kollox – speċjalment fejn il-lingwi tal-pajjiżi li ssieħbu fl-2004, l-2007 u l-2013 huma konċernati.
Iżda xi siti huma disponibbli biss f'żewġ jew tliet lingwi - jew saħansitra f'lingwa waħda biss (normalment bl-Ingliż).
Ġeneralment, il-lingwi disponibbli fuq EUROPA jiddependu fuq dawn il-limiti:
- It-traduzzjoni – għandna biss aċċess għal numru limitat ta' tradutturi u baġit limitat għat-traduzzjoni (il-flus ta' dawk li jħallsu t-taxxa).
- L-importanza – liġijiet u dokumenti ta’ interess pubbliku maġġuri għandhom ikunu disponibbli pubblikament, għalhekk jidhru fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.
Dokumenti oħra jidhru biss fil-lingwi meħtieġa (eż. għall-komunikazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, organizzazzjonijiet jew individwi).
- Il-kosteffettività – biex niffrankaw il-flus ta’ dawk li jħallsu t-taxxa, is-siti speċjalizzati ħafna b’numru ristrett ta’ utenti ma jiġux ippubblikati fil-lingwi kollha. Il-prijorità hija li nipprovdu informazzjoni mmirata b’mod rapidu u effiċjenti - anke jekk xi utenti se jkollhom jaqrawha f’lingwa barranija.
- L-urġenza – xi informazzjoni hi għall-konsum immedjat. Aħna nippubblikaw it-test l-ewwel f’lingwa waħda jew fi ftit lingwi biss (filwaqt li nqisu l-udjenza fil-mira) u nżidu lingwi oħrajn aktar tard, f’pass wieħed jew aktar.
- Il-limiti tekniċi – il-ġestjoni ta’ sit f’aktar minn 20 lingwa tinvolvi aktar nies u flus.
Fid-dawl ta' dan, is-sit EUROPA se japplika dejjem iżjed dan il-metodu:
- L-ewwel u t-tieni livelli ta' kull sit se jkun fihom informazzjoni ġenerali valida fit-tul għall-pubbliku inġenerali, fil-lingwi uffiċjali kollha.
- Il-paġni b’informazzjoni valida għal żmien qasir ħafna jew speċjalizzata ġeneralment se jidhru fi ftit lingwi - jew anke waħda biss - skont il-qarrejja.