Menu

Ħaddiema stazzjonati

L-impjegatur jista’ jibagħtek taħdem temporanjament f'pajjiż ieħor tal-UE. Matul dan il-perjodu, se takkwista l-istatus ta’ ħaddiem stazzjonat u se tibbenefika mill-istess kundizzjonijiet u drittijiet tax-xogħol bħall-ħaddiema fil-pajjiż ospitanti tiegħek.

Stazzjonar jista’ jdum sakemm ikun meħtieġ biex jitwettaq kompitu speċifiku. Meta l-istazzjonar tiegħek jintemm, għandek tirritorna lejn il-post tax-xogħol tiegħek fil-pajjiż tal-UE li minnu kont stazzjonat.

Kundizzjonijiet tax-xogħol

Se taqa’ taħt it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-pajjiż li qed jospitak jekk ikunu aktar vantaġġużi minn dawk tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħek. F’dan il-każ, l-impjegatur tiegħek hu obbligat jikkonforma mar-regoli bażiċi ta’ dak il-pajjiż dwar il-protezzjoni tal-impjegati u t-termini tal-impjieg relatati ma’:

  • L-elementi bażiċi kollha tar-remunerazzjoni kif definiti fil-liġi nazzjonali jew fi ftehimiet kollettivi applikabbli b’mod universali
  • Il-kumpens għas-sahra
  • L-allowances jew ir-rimborż tal-ispejjeż biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-ikel u l-akkomodazzjoni fil-pajjiż ospitanti matul l-istazzjonar (jekk tkun meħtieġ tivvjaġġa matul l-istazzjonar)
  • Il-perjodi massimi ta’ xogħol
  • Il-perjodi minimi ta’ serħan
  • Il-leave annwali minimu mħallas
  • Is-saħħa, is-sigurtà u l-iġjene fuq il-post tax-xogħol
  • Kwalunkwe kundizzjoni speċifika għar-reklutaġġ permezz ta’ aġenziji li jipprovdu staff temporanju
  • Il-miżuri protettivi għan-nisa tqal, in-nisa li reċentement welldu u ż-żgħażagħ (taħt it-18-il sena)
  • It-trattament ugwali għall-irġiel u għan-nisa u regoli oħrajn biex tiġi evitata d-diskriminazzjoni
  • L-akkomodazzjoni, jekk ipprovduta mill-impjegatur

Twissija

Jekk, minflok, it-termini u l-kundizzjonijiet f’pajjiżek ikunu aktar favorevoli minn dawk tal-pajjiż ospitanti, l-impjegatur tiegħek irid iżomm il-kundizzjonijiet tal-pajjiż ta’ oriġini matul l-istazzjonar.

Id-drittijiet u l-obbligi tiegħek bħala ħaddiem stazzjonat

Waqt li tkun stazzjonat f'pajjiż ieħor tal-UE:

  • ma jkunx jeħtieġlek permess tax-xogħol
  • m’intix se tkun meħtieġ tikseb rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tiegħek; madankollu, għandu mnejn ikollok bżonn dikjarazzjoni bil-miktub għal ċerti professjonijiet: skopri aktar dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali
  • m’għandekx bżonn tirreġistra mal-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż fejn ġejt stazzjonat, minħabba li inti tibqa’ assigurat fil-pajjiż fejn int normalment impjegat. Għalhekk, matul l-istazzjonar tiegħek, inti ma takkumula ebda dritt addizzjonali ta’ sigurtà soċjali bħal drittijiet tal-pensjoni jew id-dritt għal benefiċċji tal-qgħad fil-pajjiż fejn tkun ġejt stazzjonat.
  • għandek tirreġistra r-residenza tiegħek mal-awtoritajiet jekk l-istazzjonar tiegħek hu itwal minn 3 xhur
  • m’intix se takkumula d-dritt għar-residenza permanenti fil-pajjiż ospitanti

Stazzjonar fit-tul

Jekk tintbagħat għal aktar minn 12-il xahar (jew 18-il xahar jekk l-impjegatur jissottometti notifika motivata lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ pajjiżek) it-termini u l-kundizzjonijiet kollha rilevanti tal-impjieg tal-pajjiż ospitanti japplikaw, bl-eċċezzjoni ta’ dawk relatati mat-terminazzjoni ta’ kuntratti u l-pensjonijiet tax-xogħol supplimentari.

Jekk int stazzjonat f’pajjiż ieħor tal-UE għal perjodu twil ta' żmien għandu mnejn tixtieq li l-familja tiegħek tingħaqad miegħek bis-saħħa tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE tagħhom, iżda mhux bħala d-dipendenti tiegħek.

Taxxa fuq l-introjtu

Jekk taħdem fil-pajjiż ospitanti għal anqas minn sitt xhur, m’għandekx tkun suġġett għat-taxxa fuq id-dħul fih. Madankollu, ma teżisti ebda regola applikabbli għall-Ewropa kollha li tistabbilixxi liema pajjiż jista' jintaxxak fuq l-introjtu meta tkun stazzjonat. Dan jeħtieġlu jkun stabbilit fil-liġijiet nazzjonali jew fil-ftehimiet dwar it-taxxa bejn il-pajjiżi tal-UE.

Kopertura tas-sigurtà soċjali meta tkun f'pajjiż barrani

Bħala ħaddiem stazzjonat, biex tkompli tkun kopert mis-sistema tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż ta’ oriġini, l-impjegatur tiegħek għandu jitlob id-Dokument Portabbli A1(formola PD A1 PDF en ) mill-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħek u jinforma l-awtoritajiet tal-pajjiż ospitanti. Jekk l-istazzjonar idum aktar minn sentejn, tista’ jew:

  • taqleb għas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż fejn tinsab stazzjonat jew
  • titlob lill-impjegatur biex tapplika biex tiġi estiża l-validità tal-perjodu ta’ stazzjonar tal-formola ta’ sigurtà soċjali tiegħek biex tibqa’ kopert fil-pajjiż ta’ oriġini. L-estensjoni tingħata jekk jintlaħaq ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet fiż-żewġ pajjiżi u jkun fl-interess tiegħek.

Skopri aktar dwar il-kopertura tas-sigurtà soċjali tiegħek waqt stazzjonar f'pajjiż ieħor tal-UE.

Informazzjoni li l-impjegatur għandu jipprovdi lill-pajjiż ospitanti

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-impjegatur tiegħek irid jibgħat notifika (“dikjarazzjoni ta’ stazzjonar”) lill-awtoritajiet fil-pajjiż ospitanti qabel (jew mhux aktar tard minn meta) jibda l-istazzjonar, bid-dettalji li ġejjin:

  • l-identità tal-impjegatur
  • in-numru ta’ ħaddiema stazzjonati
  • l-indirizz tal-post tax-xogħol tal-istazzjonar
  • it-tul ta’ żmien mistenni tal-istazzjonar, inklużi d-dati tal-bidu u tat-tmiem
  • it-tip ta’ servizz ipprovdut matul l-istazzjonar
  • il-persuna ta’ kuntatt li tikkoopera mal-awtoritajiet fil-pajjiż ospitanti

L-impjegatur tiegħek għandu jinforma wkoll lill-istituzzjoni kompetenti tal-pajjiż ospitanti jekk iseħħu xi bidliet, bħal jekk l-istazzjonar ma jseħħx jew jiġi interrott. Aqra aktar dwar l-obbligi ta’ dikjarazzjoni fis-sit web tal-pajjiż ospitanti.

Informazzjoni li l-impjegatur tiegħek għandu jipprovdilek

Jekk l-istazzjonar tiegħek idum għal perjodu konsekuttiv ta’ aktar minn erba’ ġimgħat, l-impjegatur tiegħek irid jipprovdilek bil-miktub, qabel it-tluq tiegħek, l-informazzjoni li ġejja:

  • il-pajjiż jew il-pajjiżi fejn se taħdem (il-pajjiż ospitanti)
  • it-tul ta’ żmien mistenni tax-xogħol barra mill-pajjiż
  • il-munita li għandha tintuża għall-ħlas tar-remunerazzjoni
  • kwalunkwe benefiċċju (fi flus cash jew ieħor) relatat mal-assenjament tax-xogħol
  • informazzjoni dwar ir-ripatrijazzjoni: jekk hix ipprovduta u, jekk iva, b’liema kundizzjonijiet
  • ir-remunerazzjoni skont il-liġi applikabbli tal-pajjiż ospitanti
  • kwalunkwe allowance speċifika relatata mal-istazzjonar
  • l-arranġamenti għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-ikel u tal-akkomodazzjoni
  • il-link għas-sit web uffiċjali nazzjonali tal-pajjiż ospitanti dwar il-ħaddiema stazzjonati

Siti web dwar l-istazzjonar

Iċċekkja s-sit web nazzjonali tal-pajjiż ospitanti biex issib kemm it-termini u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema stazzjonati, kif ukoll l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-awtoritajiet lokali.

Siti web dwar l-istazzjonar

Uffiċċji Nazzjonali ta’ Kollegament

Kull pajjiż għandu awtorità kompetenti li tista’ twieġeb mistoqsijiet dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema. Id-dettalji ta’ kuntatt ta’ dawn l-Uffiċċji Nazzjonali ta’ Kollegament huma taħt il-buttuna Staqsi l-amministrazzjonijiet nazzjonali hawn taħt.

Aktar informazzjoni

Għal aktar informazzjoni ċċekkja l-gwida qasira tal-UE dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema bg en

Ara wkoll il-gwida prattika tal-UE dwar l-istazzjonar.

Taħdem għal rasek u qed tippjana tmur taħdem f’pajjiż barrani għal ftit xhur? Aqra din il-FAQ biex tiskopri liema formalitajiet huma meħtieġa.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 21/10/2025
Ikkondividi din il-paġna