Menu

Ħaddiema - drittijiet ta’ residenza

Għandek dritt tgħix f’kull pajjiż tal-UE fejn int impjegat, fejn taħdem għal rasek jew fejn bagħtuk taħdem.

Jekk tingħata s-sensja

Jekk tingħata s-sensja meta tkun qed tgħix f'pajjiż ieħor, xorta tista' tibqa’ hemm jekk:

  • ma tistax taħdem għal xi żmien minħabba mard jew aċċident
  • irreġistrat mal-awtorità rilevanti bħala persuna bla xogħol mhux għax trid inti. Jekk tkun ħdimt inqas minn sena qabel dan, għandek id-dritt li tiġi trattat l-istess bħaċ-ċittadini għal perjodu limitat ta’ mill-inqas 6 xhur.
  • wara taħriġ vokazzjonali. Jekk tkun bla xogħol iżda mhux għax trid int, it-taħriġ irid ikun relatat mal-impjieg li kellek qabel.

Kif tirrapporta l-preżenza tiegħek u tirreġistra r-residenza tiegħek

Ċerti pajjiżi tal-UE jitolbuk tirrapporta l-preżenza tiegħek lill-awtoritajiet rilevanti fi żmien raġonevoli wara li tasal. Jekk ma tagħmilx dan, jistgħu jimponu penali, bħal multa.

Jekk il-pajjiż tal-UE li tmur tgħix fih ikun jeħtieġ, trid tirreġistra r-residenza tiegħek mal-awtorità rilevanti, ħafna drabi l-kunsill lokali jew l-għassa tal-pulizija lokali. Trid tingħata mill-inqas 3 xhur ċans biex tirreġistra ruħek wara li tasal. Meta tirreġistra, tingħata ċertifikat ta’ reġistrazzjoni. Dan iċ-ċertifikat jikkonferma d-dritt tiegħek li tgħix fil-pajjiż ospitanti tiegħek.

Ikollok bżonn:

  • karta tal-identità valida jew passaport validu
  • ċertifikat ta’ impjieg jew konferma ta’ reklutaġġ mingħand min iħaddmek
  • jekk taħdem għal rasek, prova tal-istatus tal-impjieg tiegħek.

Twissija

M’għandekx għalfejn tipprovdi dokumenti oħrajn.

Residenza permanenti

Jekk tkun għext b’mod legali, u ssodisfajt il-kundizzjonijiet biex toqgħod f’pajjiż ieħor tal-UE għal perjodu bla waqfien ta’ 5 snin, awtomatikament takkwista d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan ifisser li tista’ ddum tgħix fil-pajjiż kemm trid. M’għandekx iġġedded iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tiegħek. Minflok trid tapplika għal dokument ta’ residenza permanenti. Dan id-dokument jikkonferma li għandek dritt tibqa’ hemm kemm trid anki jekk ma taħdimx jew jekk ikollok bżonn appoġġ finanzjarju.

Twissija

M’għandekx bżonn turi li taħdem meta tapplika għal residenza permanenti.

Il-kontinwità ta’ residenza tiegħek mhix affettwata minn:

  • assenzi temporanji (inqas minn 6 xhur fis-sena)
  • assenzi itwal minħabba servizz militari obbligatorju
  • assenza waħda ta’ 12-il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti bħal tqala jew twelid ta’ tarbija, mard serju, xogħol, taħriġ vokazzjonali jew jekk tintbagħat taħdem f’pajjiż ieħor

Tista’ titlef id-dritt tiegħek għal residenza permanenti jekk tgħix barra l-pajjiż għal aktar minn sentejn fuq xulxin.

Residenza permanenti qabel 5 snin

Għandek imnejn tikkwalifika għal residenza permanenti f’inqas minn 5 snin f’dawn is-sitwazzjonijiet:

  • jekk tirtira jew jekk tirtira qabel l-età statutorja normali tal-irtirar, wara li tkun ħdimt f’dak il-pajjiż għall-aħħar 12-il xahar u tkun għext hemm mingħajr waqfien għal aktar minn 3 snin
  • jekk tieqaf taħdem għaliex ma tkunx tista’ tkompli taħdem u tkun għext fil-pajjiż bla waqfien għal sentejn
  • jekk tieqaf taħdem għaliex ma tkunx tista’ tkompli taħdem minħabba aċċident fuq ix-xogħol jew mard marbut max-xogħol. Għandek dritt tibqa’ tgħix hemm ikun xi jkun it-tul ta’ żmien li tkun għext fil-pajjiż qabel l-aċċident jew il-marda
  • jekk taqbad taħdem f’pajjiż ieħor tal-UE bħala ħaddiem li jivvjaġġa minn pajjiż għall-ieħor - trid tmur lura fil-pajjiż ta’ residenza għall-inqas darba fil-ġimgħa - iżda qabel tkun ħdimt fil-pajjiż fejn tixtieq tikseb ir-residenza permanenti għal 3 snin mingħajr waqfien.

Tista’ tiġi deportat jew tintalab titlaq?

Tista’ tgħix fil-pajjiż l-ieħor tal-UE sakemm tkompli tissodisfa l-kundizzjonijiet għal residenza. Jekk ma tibqax tissodisfa dawn ir-rekwiżiti, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jobbligawk titlaq.

F’każijiet eċċezzjonali, il-pajjiż li jospitak jista’ jiddeportak għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew sigurtà pubblika - iżda biss jekk ikun jista’ juri li l-kondotta personali tiegħek hi theddida ġenwina, preżenti u biżżejjed serja kontra l-interessi fundamentali tas-soċjetà tal-pajjiż tal-UE li qed jospitak.

Id-deċiżjoni ta’ deportazzjoni jew it-talba biex titlaq trid tingħatalek bil-miktub. Trid tiddikjara r-raġunijiet kollha għad-deportazzjoni tiegħek u tispeċifika kif tista’ tappella u sa meta.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 03/11/2026
Ikkondividi din il-paġna