Menu

Mistoqsijiet u Tweġibiet - Ir-roaming: meta tuża l-mowbajl fl-UE

Se niġi ċċarġjat aktar jekk nuża l-mowbajl tiegħi f’pajjiż ieħor tal-UE? Iftaħ Agħlaq

LE. It-telefonati li tagħmel, il-messaġġi SMS li tibgħat u tirċievi, u d-data li tuża meta tkun f’xi pajjiż taż-Żona Ekonomika Ewropea, inkluż l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, kif ukoll fil-Moldova u l-Ukrajna, huma koperti mill-kuntratt tiegħek. Inti tiġi ċċarġjat skont ir-rati stabbiliti fil-pjan tat-tariffi tiegħek, u l-użu tiegħek jitnaqqas mill-volumi fil-kuntratt tiegħek, eżattament daqslikieku kont f’pajjiżek. Madankollu, il-fornitur tiegħek jista’ jillimita l-ammont tad-data li tista’ tuża bit-tariffa domestika tiegħek (ara hawn taħt).

Jien nista’ awtomatikament nuża r-roaming fl-UE bi prezzijiet domestiċi, jew għandi nagħmel xi ħaġa biex niattivaha? Iftaħ Agħlaq

Le. M’hemm għalfejn tagħmel xejn. L-operatur tiegħek għandu awtomatikament jagħtik aċċess għar-roaming fl-UE bil-prezzijiet ta’ pajjiżek.

Sejjer naħdem l-Ungerija għal 6 xhur. Nista’ nuża s-SIMcard Ġermaniża tiegħi meta nkun hemm? Dan jibqa’ jitqies bħala roaming, jew ikolli nħallas iżjed għat-telefonati, il-messaġġi u d-data tiegħi? Iftaħ Agħlaq

Peress li se tgħix l-Ungerija għal 6 xhur, jixraq tikkunsidra li tixtri SIMcard Ungeriża għall-mowbajl tiegħek. Ir-regola ġenerali hija li sakemm inti tqatta’ aktar ħin f’pajjiżek milli barra mill-pajjiż, jew sakemm tuża l-mowbajl tiegħek aktar f’pajjiżek milli f’pajjiż ieħor, meta tivvjaġġa fl-UE xorta tibqa’ tħallas il-prezzijiet domestiċi standard għas-servizzi tat-telefonati, tal-SMS u tad-data tiegħek. Dan hu kkunsidrat bħala użu ġust tas-servizzi tar-roaming.
Biex tiċċekkja jekk dan hux il-każ, l-operatur tiegħek jista’ jivverifika l-ħin u l-konsum tar-roaming tiegħek fl-aħħar 4 xhur. Jekk tul dak il-perjodu qattajt iżjed żmien f’pajjiż ieħor tal-UE milli f’pajjiżek u użajt aktar servizzi bil-mowbajl f’pajjiż ieħor tal-UE milli f’pajjiżek, l-operatur tiegħek jista’ jikkuntattjak biex jinformak li inti se tintalab tħallas xi tariffi jekk tibqa’ tuża s-servizzi barra mill-pajjiż.
Jekk, fi żmien ġimagħtejn minn meta tirċievi l-avviż, tibda tuża l-mowbajl tiegħek aktar f’pajjiżek, ma tiġix iċċarġajt. Inkella, l-operatur tiegħek jista’ jibda japplika dawn it-tariffi tar-roaming li ġejjin skont il-konsum tar-roaming tiegħek mid-data tal-avviż ’il quddiem.
  • €0.019 kull minuta ta’ telefonati (+VAT)
  • €0.003 kull SMS (+VAT)
  • €1.30 għal kull GB ta’ data (+VAT)

Ngħix il-Belġju u t-tifla tiegħi sejra tistudja l-Ġermanja għal 4 xhur. It-telefonati tiegħi meta nċemplilha huma koperti wkoll bir-regoli tar-roaming? Iftaħ Agħlaq

Le. Meta ċċempel lejn pajjiż ieħor tal-UE minn darek mhuwiex roaming, għalhekk m’intix kopert mill-istess regoli. Madankollu, it-tariffi għat-telefonati (lejn mowbajls jew telefowns b’linja fissa) u l-messaġġi (SMS) fi ħdan l-UE huma wkoll limitati skont ir-regoli tal-UE. Dan ifisser li meta ċċempel lil bintek fil-Ġermanja, inti se tiġi ċċarġjat sa €0.019 kull minuta ta’ telefonati (+VAT), u meta tibgħat messaġġ, dan se jiswiek sa €0.06 (+VAT) għal kull SMS.

Il-kuntratt tiegħi jinkludi 3GB ta’ data. Nista’ nuża dan l-ammont meta mmur fuq btala fl-UE? Iftaħ Agħlaq

Iva. Sakemm l-operatur tiegħek ma jkunx infurmak b’mod espliċitu li hemm limitu għad-data tar-roaming tiegħek, meta tmur f’pajjiż ieħor tal-UE xorta tista’ tuża l-ammont kollu tad-data skont il-kuntratt domestiku tiegħek. L-operatur tiegħek jista’ japplika biss limitu għar-roaming tad-data jekk tkun qed tħallas inqas minn €1.30 għal kull GB.

Fil-kuntratt tiegħi m’għandix limitu għat-telefonati, il-messaġġi u d-data f’pajjiżi. Dawn huma wkoll bla limitu meta nivvjaġġa fl-UE? Iftaħ Agħlaq

Iva. Anki t-telefonati u l-messaġġi tiegħek mhux se jkollhom limitu meta tivvjaġġa fl-UEu, billi l-kuntratt tiegħek jinkludi data bla limitu, l-operatur tiegħek għandu jipprovdilek data ta’ volum kbir meta tuża r-roaming. L-operatur tiegħek għandu dejjem jinfurmak il-massimu ta’ kemm għandek data tar-roaming, iżda l-ammont eżatt li għandek jiddependi fuq kemm tħallas għall-kuntratt tiegħek. Irid ikun imqar id-doppju tal-volum miksub meta tiddividi l-prezz tal-kuntratt tal-mowbajl tiegħek (bla VAT) b’€1.30 (il-prezz massimu li l-operatur tiegħek irid iħallas lill-operatur barrani għal 1GB ta’ data meta tuża l-mowbajl tiegħek f’pajjiż ieħor tal-UE).
Ejja ngħidu li tħallas €13 (bla VAT) għall-bundle tal-mowbajl tiegħek b’telefonati, SMS u data mingħajr limitu. Meta tuża r-roaming fl-UE, inti jkollok roaming bla limitu għat-telefonati u l-SMS, u mqar 20GB ta’ data (2 x (€13 / €1.30) = 20).
Jekk taqbeż il-massimu tad-data waqt ir-roaming, jaf ikollok tħallas €1.30 iżjed għal kull GB ta’ data (+VAT).

Għall-mowbajl tiegħi nuża kard imħallsa minn qabel. Xorta nista’ nuża l-mowbajl meta nkun f’pajjiż ieħor tal-UE fuq btala? Iftaħ Agħlaq

Iva. Meta tivvjaġġa fl-UE, inti se tħallas eżattament l-istess rati għat-telefonati u l-messaġġi daqslikieku għadek f’pajjiżek. Għad-data, jekk qed tħallas għal kull GB, u l-prezz li tħallas ikun inqas minn €1.30 għal kull GB, l-operatur tiegħek jista’ japplika limitu fuq il-volum tad-data tar-roaming. Dak il-limitu għandu jkun imqar il-volum miksub meta tiddividi l-kreditu li jifdal tal-kard imħallsa minn qabel b’€1.30 meta tibda tuża s-servizzi tar-roaming tad-data. Ngħidu aħna, jekk meta tibda r-roaming ikun baqagħlek €13 fuq il-kard tiegħek, inti jkollok imqar 10GB ta’ data tar-roaming (€13 / €1.30 = 10).

Sejrin cruise ta’ ġimgħa madwar il-Mediterran. Se nkun nista’ nuża l-mowbajl abbord il-valur bl-istess prezzijiet ta’ pajjiżi? Iftaħ Agħlaq

Iva, imma oqogħdu attenti. Sakemm il-mowbajl tiegħek jibqa’ konness ma’ network mobbli terrestri (eż. fuq xmajjar, lagi jew mal-kosta) ta’ xi pajjiż tal-UE, int tkun qed tuża r-“roaming” u għalhekk tista’ ċċempel, tibgħat SMS u tuża s-servizzi tad-data bl-istess prezzijiet daqslikieku f’pajjiżek. Iżda r-regoli tal-UE dwar ir-roaming japplikaw biss għan-networks mobbli terrestri. Għalhekk, jekk waqt il-cruise, is-servizzi tal-mowbajl tiegħek jingħataw minn tipi ta’ networks tar-radju oħrajn, bħal pereżempju mis-sistemi satellitari tal-vapur, it-telefonati, il-messaġġi u d-data tiegħek mhumiex soġġetti għal-limiti massimi vinkolanti tal-prezzijiet tal-UE u tista’ tiġi ċċarġjat (ħafna) aktar. Jekk trid tevita tariffi żejda, ikun aktar sikur li meta tkun abbord tiddiżattiva r-roaming fuq il-mowbajl tiegħek jew tattiva l-modalità tat-titjir (flight mode).

Ngħix Spanja mal-fruntiera Franċiża u l-mowbajl tiegħi sikwit jaqbad ma’ network Franċiż minflok ma’ dak Spanjol. Dan ifisser li qed naħli mil-limiti tar-roaming tiegħi? Iftaħ Agħlaq

Le. Sakemm il-mowbajl tiegħek jaqbad man-network domestiku tiegħek darba kuljum, f’dak il-jum inti titqies li għadek f’pajjiżek u mhuwiex roaming. Il-fornitur tiegħek għandu jispjegalek kif tista’ tevita r-roaming bi żball.

Ara l-informazzjoni prinċipali dwar dan is-suġġett

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 29/01/2026
Ikkondividi din il-paġna