Menu

Mistoqsijiet frekwenti - Dokumenti u formalitajiet għar-reġistrazzjoni tal-karozza

Il-karozza nista' nħalliha rreġistrata fi Franza issa li qed ngħix fil-Belġju? Open Agħlaq

LE — ma tistax, sakemm m'intix tippjana li ma ddumx iktar minn 6 xhur fil-Belġju. Ġeneralment int obbligat tirreġistra fil-pajjiż fejn tgħix.

Inqatta' tmiem il-ġimgħa fil-Ġermanja fejn ngħix mal-familja, u matul il-ġimgħa fil-Lussemburgu. Nivvjaġġa bil-karozza. Fejn għandi nirreġistra l-karozza? Open Agħlaq

Jekk qed tivvjaġġa regolarment b'dan il-mod bħala "ħaddiem bejn il-fruntieri", tista' żżomm il-karozza rreġistrata fil-Ġermanja (fejn tgħix).

Nuża karozza tal-kumpanija rreġistrata fil-Lussemburgu u ngħix fil-Belġju, fejn inwettaq ukoll parti minn xogħli. Nista' nuża l-karozza fil-Belġju? Open Agħlaq

IVA — Jekk ix-xogħol jieħdok il-Belġju, tista tuża l-karozza tal-kumpanija għal raġunijiet privati wkoll fil-Belġju. L-istess jekk taħdem għal rasek (i.e. jekk tipprovdi karozza tal-kumpanija għalik innifsek). L-aqwa li inti legalement stabbilit fil-Lussemburgu.

Jiena Taljan u kull sena nqatta' 3 xhur fil-villeġġatura fl-Alpi Franċiżi fejn immur bil-karozza. Nista' nirreġistra l-karozza fi Franza? Open Agħlaq

LE — Tista' tirreġistra l-karozza biss fil-pajjiż fejn inti resident permanenti.

Inżomm karozza l-Greċja, fil-villaġġatura, imma ngħix fl-Irlanda. L-awtoritajiet Griegi jistgħu jġegħluni nirreġistraha fil-Greċja? Open Agħlaq

LE — Ma jistgħux, ladarba m'intix resident permanenti fil-Greċja. Imma jistgħu jwaqqfuk milli tikriha jew saħansitra tislifha lil ħaddieħor fil-Greċja. Il-karozza tiegħek tista' tintuża minnek u mill-ħbieb u l-qraba li jkunu qed iżuruk — iżda residenti fil-Greċja jistgħu jużawha biss jekk int tkun fiha. Għandek imnejn issibha iebsa biex tassikura fil-Greċja karozza li hija rreġistrata fl-Irlanda, imma għandek tispjega ċ-ċirkostanzi speċjali.

Jiena student Pollakk li nattendi kors Masters ta' sentejn fl-Irlanda. Irrid nirreġistra l-karozza tiegħi hemm? Open Agħlaq

LE — M'għandekx għalfejn, jekk l-unika raġjuni għaż-żjara tiegħek hu l-istudju. Imma jekk taqbad taħdem ukoll waqt li tkun hemm, jew jekk tibqa' fl-Irlanda wara l-istudji tiegħek, mela jkollok tirreġistra l-karozza fl-Irlanda.

Qed naħdem fl-Isvezja fuq kuntratt temporanju ta' 10 xhur. Wara se nerġa' lura fis-Slovakja. Irrid nirreġistra l-karozza fl-Isvezja? Open Agħlaq

IVA — Għax se ddum iktar minn 6 xhur u — wieħed jassumi — m'intix se tkun qed tivvjaġġa regolarment bejn iż-żewġ pajjiżi.

Qed nippjana li nixtri karozza fil-Ġermanja u mmur biha lura Franza, fejn ngħix. Kif għandi nirreġistraha? Open Agħlaq

Għalkemm il-karozza se tkun eventwalment irreġistrata fi Franza, xorta għandek bżonn pjanċi Ġermaniżi biex issuqha lejn Franza. Jekk il-karozza hija ġdida, għandek tagħmillha pjanċi ta' tranżitu — b'hekk tevita li tħallas il-VAT fil-Ġermanja. Jekk hija karozza użata, probabbilment ikollok tagħmillha reġistrazzjoni Ġermaniża normali, anki għal perjodu qasir. Ikkonsidra li tibgħat il-karozza lilek innifsek fi Franza, biex ma jkollokx għalfejn tirreġistraha fil-Ġermanja, u qabbel l-ispejjeż.

Biex nirreġistra t-trejler fi Spanja mid-dehra rrid ngħaddi minn proċedura dwar l-approvazzjoni tat-tip, anki jekk għandu ċertifikat ta' konformità tal-UE. Għaliex? Open Agħlaq

il-proċedura tal-UE dwar l-approvazzjoni tat-tip għandha l-għan li tiżgura li t-trejlers u l-karavans jilħqu r-rekwiżiti tas-sikurezza teknika tal-UE. Jekk it-trejler jew karavan tiegħek għandu ċertifikat validu ta' konformità tal-UE, dan ifisser li l-prototip tat-trejler (jew karavan) tiegħek diġà ġie eżaminat mill-awtorità relevanti fil-pajjiż fejn ġie mogħti l-apporavazzjoni tat-tip. Għaldaqstant l-awtoritajiet Spanjoli ma jistgħux jimponu approvazzjoni addizjonali tat-tip jew jitolbu kwalunkwe dokumentazzjoni teknika oħra għar-raġunijiet ta' reġistrazzjoni jew li tidħol fis-servizz. Jistgħu, madankollu, jirrikjedu spezzjoni teknika biex jiżguraw li t-trejler (jew karavan) ma ġiex modifikat wara li wasal għandek.

Skont l-awtoritajiet Taljani għandi nipproduċi ċertifikat ta' konformità tal-UE għall-vettura tiegħi li bħalissa hija rreġistrata fi Franza, minħabba li nixtieq nirreġistraha fl-Italja. Fejn nista' nsibu dan? Open Agħlaq

Il-manifatturi suppost jipprovdu ċertifikat ta' konformità tal-UE meta tinxtara karozza. Peress li m'għandekx iċ-ċertifikat se jkollok tikseb l-oriġinali jew kopja mill-manifattur tal-vettura (possibbilment minn fejn xtrajtha - u probabbilment ikollok tħallas għall-ħruġ u t-twassil). Fil-biċċa l-kbira tal-każi, l-importatur uffiċċjali tad-ditta fl-Italja għandu jkun jista' jgħinek.

Iċ-ċertifikat ta' konformità tal-UE ikun rikonoxxut avolja l-karozza ġiet modifikata? Open Agħlaq

LE — iċ-ċertifikat ta' konformità tal-UE huwa d-dikjarazzjoni tal-manifattur li l-vettura deskritta ġiet immuntata fuq il-linja tal-produzzjoni fir-responsabbiltà tagħhom u tilħaq ir-rekwiżiti tal-liġi tal-UE. Vettura modifikata jkollha tiġi sottomessa għal approvazzjoni individwali skont il-liġi nazzjonali fil-pajjiż ta' reġistrazzjoni fl-UE. Meta vettura modifikata tiġi esportata, l-awtoritajiet rilevanti fil-pajjiż li jilqa' jirrikjeduk tipprovdi testijiet jew ċertifikati tekniċi speċifiċi, jew jistgħu saħansitra jagħmlu xi testijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom stess qabel ma jaċċettaw li jirreġistrawha.

Se nġib karozza antika fil-Portugall (fejn se mmur nirtira) mill-Irlanda. Se jkolli l-problemi biex nirreġistraha fil-Portugall? Open Agħlaq

Ir-reġistrazzjoni tista' tkun iktar ikkomplikata jekk il-karozza saret qabel l-1996, minħabba li probabbilment m'għandhiex ċertifikat ta' konformità tal-UE. Id-dokumenti Irlandiżi huma validi biss fl-Irlanda u l-awtoritajiet Portugiżi jistgħu jitolbu xi modifikazzjonijiet tekniċi tal-karozza. Il-modifikazzjonijiet ikollhom ikunu strettament proporzjonati lejn l-istandards ambjentali u sigurtà li huma jridu jiggarantixxu. Bosta pajjiżi tal-UE daħħlu fis-seħħ liġijiet nazzjonali speċifiċi inklużi proċeduri simplifikati għall-vetturi qodma li jkollhom użu tat-triq ristrett.

Il-karozza tiegħi għaddiet mit-test tal-VRT fil-Portugall inqas minn sena ilu. Se jkolli nerġa' nagħmel l-istess test fi Spanja issa li se nirreġistraha hemm? Open Agħlaq

Jista' jkun — L-awtoritajiet Spanjoli jistgħu jirrikjedu test tal-VRT qabel ma tirreġistra l-karozza tiegħek hemm. Imma jistgħu jagħmlu dan biss jekk:

  • it-test huwa obbligatorju wkoll għar-residenti Spanjoli meta jinbidel id-dententur taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni
  • it-test ma jiddupplikax kwalunkwe testijiet oħra li diġà saru fuq il-karozza fil-Portugall
  • wasal iż-żmien biex isir it-test perjodiku obbligatorju fil-Portugall

It-tul ta' żmien bejn test tal-VRT u ieħor ivarja minn pajjiż għal ieħor. Madankollu, anki jekk l-aħħar test fil-Portugall għadu validu skont il-leġiżlazzjoni Portugiża, ikollok tikkonforma mal-frekwenza tat-testijiet meħtieġa fi Spanja.

Ara l-informazzjoni prinċipali dwar dan is-suġġett

Leġiżlazzjoni tal-UE

L-aħħar verifika: 02/01/2023
Ikkondividi din il-paġna