Taħdem waqt li tistudja
Jekk qed tippjana li tmur tistudja f’pajjiż ieħor tal-UE, irid ikollok introjtu suffiċjenti biex tgħix hemm mingħajr ma tkun teħtieġ appoġġ finanzjarju bħala introjtu. L-introjtu jista’ jiġi minn sorsi differenti, pereżempju mingħand il-ġenituri, il-konjuġi, jew mix-xogħol tiegħek.
Bħala ċittadin tal-UE, ikollok l-istess dritt li taħdem waqt li tkun qed tistudja bħaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż. Ma jkollokx bżonn permess tax-xogħol, anke biex taħdem full-time.
Twissija
Għalkemm diversi pajjiżi jħalluk taħdem għadd bla limitu ta’ sigħat fil-ġimgħa, oħrajn japplikaw limiti għal kull terminu jew għal kull sena. Sib iktar informazzjoni speċifika dwar li taħdem f’pajjiż ieħor tal-UE.Taxxi u sigurtà soċjali
Jekk b’kollox tgħix f’pajjiż ieħor tal-UE għal iktar minn 6 xhur fis-sena, titqies bħala resident fih għall-fini tat-taxxa. Konsegwentement, jekk taħdem waqt li tkun qed tistudja, ikollok tħallas it-taxxi fuq l-introjtu u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż fejn tkun qed tistudja.
Il-pajjiż fejn qed tistudja jista’ wkoll jintaxxa l-introjtu li taqla’ f’pajjiż differenti, pereżempju minn kwalunkwe impjieg tas-sajf li tista’ tingħata fil-pajjiż tal-oriġini tiegħek. Jaf ikollok tirrapporta tali introjtu, u f’xi każijiet, tħallas it-taxxa fuqu fil-pajjiż fejn tkun qed tistudja.
Kun af li bosta — iżda mhux ilkoll — mill-pajjiżi tal-UE għandhom ftehimiet biex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja. F’xi każijiet, dawn il-ftehimiet jistgħu jiddeterminaw f’liema pajjiż għandek tħallas it-taxxa.
Storja bħala eżempju
Joost hu student Olandiż li mar il-Belġju biex jistudja. Hu jaħdem part-time f’ristorant b’kuntratt skont il-liġi Belġjana. L-impjegatur tiegħu jaqtagħlu t-taxxi u s-sigurtà soċjali mill-paga ta’ kull xahar u jħallaslu l-kontribuzzjonijiet lill-awtoritajiet Belġjani.
Matul il-vaganzi tas-sajf, Joost jaħdem full-time fir-raħal fejn twieled fin-Netherlands. Hemmhekk l-impjegatur tiegħu jħallaslu l-kontribuzzjonijiet lill-awtoritajiet tat-taxxa Olandiżi. Joost, li huwa resident Belġjan għall-fini tat-taxxa, għandu żewġ opzjonijiet. Waħda, li jitlob rifużjoni mill-awtoritajiet Olandiżi u mbagħad iħallas it-taxxi fuq l-introjtu applikabbli fil-Belġju. L-oħra, li jiddikjara l-introjtu li qala’ u t-taxxi diġà mħallsa fin-Netherlands u minflok ikollu skont tat-taxxa mill-awtoritajiet Belġjani. Fi kwalunkwe każ, Joost jevita t-tassazzjoni doppja.