Ammissjoni u dħul f’università
Bħala ċittadin tal-UE, għandek id-dritt li tistudja fi kwalunkwe università tal-UE bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-pajjiż. Madankollu, il-kundizzjonijiet biex tidħol ivarjaw b’mod sinifikanti fost il-pajjiżi u l-universitajiet individwali.
Jistgħu japplikaw regoli differenti dwar il-miżati u l-għotjiet tal-università, skont il-pajjiż.
Qabel tirreġistra ruħek f’università, jista’ jkun hemm bżonn turi li taf il-lingwa tal-pajjiż li qed jospitak, u għalhekk f’xi pajjiżi tal-UE jaf tintalab tagħmel test tal-lingwa. Jistgħu jsiru eċċezzjonijiet skont iċ-ċirkostanzi individwali, pereżempju, jekk tkun diġà għext jew ħdimt f’pajjiż fejn tintuża l-lingwa rilevanti.
Applika għall-università bħala gradwat fit-tieni ċiklu tal-edukazzjoni sekondarja
Jekk għadek kif temmejt it-tieni ċiklu tal-edukazzjoni sekondarja f’pajjiżek, xorta tista’ tmur l-università f’pajjiż ieħor tal-UE minkejja li jaf qatt ma kellek esperjenza edukattiva hemmhekk. Kull pajjiż hu ħieles li jiffissa l-livell ta’ edukazzjoni sekondarja li l-istudenti futuri jkollhom bżonn biex jidħlu l-università.
Il-gvernijiet nazzjonali biss għandhom ir-responsabbiltà li jirrikonoxxu l-kwalifiki universitarji miksubin xi mkien ieħor. Għalhekk nirrakkomandaw dejjem li tiċċekkja r-rekwiżiti speċifiċi tal-università fejn qed tapplika. Ara s-sistemi universitarji differenti skont il-pajjiż ħalli tkun infurmat dwar il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti differenti biex tirreġistra ruħek.
Twissija
Xi pajjiżi tal-UE jikklassifikaw il-programmi tal-edukazzjoni għolja ta’ ċiklu qasir bħala edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali għoljin, filwaqt li oħrajn iqisuhom bħala parti mis-sistema tal-edukazzjoni għolja. Importanti li tiċċekkja mal-awtoritajiet rilevanti peress li r-rikonoxximent jaf ivarja skont il-pajjiż.Jekk tixtieq aktar pariri jew informazzjoni dwar is-suġġett tar-rikonoxximent u l-valutazzjoni tal-kwalifiki, tista’:
- taqra dwar ir-rikonoxximent tad-diplomi universitarji
- tikkonsulta s-sistemi universitarji differenti skont il-pajjiż hawn taħt.
Sistemi universitarji skont il-pajjiż
Qabel ma tħalli pajjiżek qis li tinforma ruħek dwar is-sistema tal-edukazzjoni għolja fil-pajjiż fejn tixtieq tistudja.