Mistoqsijiet frekwenti - Kif tirreġistra r-residenza tiegħek wara li jaqbżu l-ewwel 3 xhur
L-awtoritajiet lokali se jipprovduni b'ċertifikat ta' reġistrazzjoni wara li jkunu vverifikaw li nissodisfa l-kundizzjonijiet tad-dritt ta' residenza. Dan jista' jsir skont ir-regoli tal-UE?
IVA - L-awtoritajiet lokali huma permessi li jivverifikaw li tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-dritt ta' residenza għal perjodi ta' aktar minn 3 xhur. Huwa normali li tiġi mistoqsi biex tippreżenta d-dokumenti li jippruvaw li int tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet.
Jiena Slovakka, u rreġistrajt f'università fil-Belġju. Meta ppruvajt nirreġistra r-residenza tiegħi fil-kunsill lokali, ġejt mitluba nagħti prova li għandi assigurazzjoni fuq is-saħħa u li għandi biżżejjed flus biex infendi għal rasi. L-awtoritajiet Belġjani jistgħu jitolbuni nipprovdi prova bħal din?
IVA - bħala studenta, inti meħtieġa li jkollok assigurazzjoni tas-saħħa li tipprovdi kopertura komprensiva fil-Belġju. Int rikjesta wkoll li tiddikjara li għandek "riżorsi suffiċjenti" biex ma tkunx piż fuq is-sistema ta' għajnuna soċjali Belġjana.
Xi tfisser eżatt "riżorsi suffiċjenti" u kif nista' nipprova dan?
Jekk int student jew ċittadin ekonomikament mhux attiv, meta tirreġistra r-residenza tiegħek jew tapplika għal karti ta' residenza għall-membri tal-familja tiegħek, ikollok turi (jew sempliċiment tiddikjara, jekk int student) li għandek "riżorsi suffiċjenti" għalik u għall-membri tal-familja tiegħek; ma għandekx tkun piż fuq is-sistema soċjali tal-pajjiż il-ġdid ta' residenza tiegħek.
M'hemm l-ebda ammont fiss li jista' jitqies bħala "suffiċjenti". L-awtoritajiet għandhom jikkunsidraw is-sitwazzjoni personali tiegħek. Fi kwalunkwe każ, inti tissodisfa l-kundizzjoni jekk ir-riżorsi tiegħek jammontaw għal aktar mil-limitu li taħtu ċ-ċittadini tal-pajjiż ospitanti jistgħu jiksbu għajnuna soċjali, jew il-pensjoni minima mogħtija minn dak il-pajjiż.
Tista' tagħti prova tar-riżorsi tiegħek bi kwalunkwe mezz disponibbli, inkluż rendikonti bankarji jew il-karti tal-pensjoni. Ma tistax tiġi obbligat li turi estratti tal-kont tal-bank jekk ma tixtieqx li jużaw dan il-mezz ta' prova.
Meta għandi bżonn nuri li għandi kopertura ta' assigurazzjoni komprensiva fuq is-saħħa, u x'għandi bżonn nuri biex nipprova tali kopertura?
Jekk int student jew persuna li tista' tmantni lilha nnifisha, meta tirreġistra r-residenza tiegħek jew tapplika għal karti ta' residenza għall-membri tal-familja tiegħek, jeħtieġlek turi li inti (u l-membri tal-familja tiegħek) għandek assigurazzjoni komprensiva tas-saħħa fil-pajjiż li qed jospitak.
Id-dokumenti li jistgħu jiġu aċċettati bħala prova ta' dan jinkludu:
- Il-Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (EHIC), jew
- iċ-ċertifikati tas-sigurtà soċjali li juru li int intitolat għall-kura tas-saħħa f'pajjiż ieħor tal-UE (bħal pereżempju l-formoli S1, S2 u S3), jew
- id-dokument oriġinali tal-polza tal-assigurazzjoni privata tas-saħħa.
Inħarġitli l-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC) fil-Finlandja. Dan ifisser li għandi kopertura ta' assigurazzjoni fuq is-saħħa komprensiva fil-Belġju?
IVA - Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa valida tipprova li għandek kopertura ta' assigurazzjoni fuq is-saħħa komprensiva għal kwalunkwe kura tas-saħħa li jista' jkollok bżonn waqt żjarat temporanji f'pajjiż ieħor tal-UE.
Jien Kroat u ilni kważi sena resident is-Slovenja. Għadni kif indunajt li insejt nirreġistra mal-awtoritajiet lokali u nixtieq nirranġa s-sitwazzjoni tiegħi. Hemm riskju li nitkeċċa?
LE - Madankollu, skont il-pajjiż, tista' tingħata multa talli ma rreġistrajtx. Il-multa trid tkun proporzjonata għall-multi mħallsa miċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż għan-nuqqas ta' konformità ma' obbligi amministrattivi simili.