Menu

Il-ħruġ tal-permessi għal proġetti b’emissjonijiet żero netti

Jekk in-negozju tiegħek qed jippjana li jibni jew jespandi faċilità li timmanifattura teknoloġiji nodfa, bħal batteriji, pannelli solari, jew turbini eoliċi fl-UE, jista’ jkollok bżonn ta’ xi permessi. Xi wħud minn dawn il-proġetti jistgħu jikkwalifikaw għall-istatus ta’ proġett strateġiku, li jfisser proċeduri aktar rapidi għall-ħruġ tal-permessi, aċċess għal servizzi ta’ appoġġ, u għajnuna fl-identifikazzjoni tal-opportunitajiet tal-finanzjament.

X’inhu proġett b’emissjonijiet żero netti?

Proġett b’emissjonijiet żero netti huwa proġett industrijali jew ta’ manifattura li:

  • jipproduċi teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (eż. batteriji, pannelli solari, turbini eoliċi, pompi tas-sħana), jew
  • jgħin biex jiżdiedu l-produzzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji fl-Ewropa

Eżempji jinkludu:

  • il-bini jew l-espansjoni ta’ faċilitajiet ta’ teknoloġija nadifa
  • tagħmir tal-manifattura għall-enerġija rinnovabbli, il-ħżin tal-enerġija, il-qbid tal-karbonju, jew il-grilji tal-elettriku
  • l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista għal teknoloġiji ewlenin b’emissjonijiet żero netti

Twissija

Din il-paġna tiffoka fuq proġetti ta’ manifattura. Il-proġetti li jiġġeneraw l-enerġija rinnovabbli jew li joperaw l-infrastruttura tal-enerġija jistgħu jkunu soġġetti għal regoli oħrajn għall-ħruġ tal-permessi.

X’tipi ta’ permessi huma meħtieġa?

Il-biċċa l-kbira tal-proġetti jeħtieġu l-permessi minħabba li jinvolvu l-bini, l-espansjoni, jew it-tħaddim ta’ faċilitajiet u infrastruttura industrijali meħtieġa għall-produzzjoni ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti.

Skont x’inhu l-proġett tiegħek, jista’ jkollok bżonn:

  • approvazzjonijiet tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni
  • permessi ambjentali (eż. emissjonijiet, storbju, valutazzjonijiet tal-impatt)
  • approvazzjonijiet relatati mal-enerġija (eż. permess biex taqbad mal-grilja tal-elettriku jew biex tiġġenera l-elettriku)
  • permessi biex timmodifika jew tħaddem installazzjonijiet industrijali

Kif jaħdem il-proċess tal-ħruġ tal-permessi

Il-permessi jinħarġu fil-livell nazzjonali (u xi drabi fil-livell reġjonali jew lokali). Biex tmexxi l-proġett tiegħek ’il quddiem, trid tikkuntattja lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt għall-ħruġ tal-permessi fil-pajjiż tal-UE tiegħek. Il-Punt Uniku ta’ Kuntatt nazzjonali tiegħek qiegħed hemm biex jiggwidak fil-proċess tal-ħruġ tal-permessi.

Il-Punt Uniku ta’ Kuntatt:

  • iservi bħala l-interfaċċa amministrattiv ewlenija
  • jindikalek liema permessi japplikaw għall-proġett tiegħek
  • jispjegalek il-proċeduri u l-iskedi ta’ żmien għall-approvazzjonijiet ambjentali, tal-kostruzzjoni, u tal-enerġija
  • jgħin fil-koordinazzjoni tal-awtoritajiet involuti fil-ħruġ tal-permessi u l-approvazzjonijiet differenti

Sib il-Punt Uniku ta’ Kuntatt nazzjonali tiegħek għall-proġetti b’emissjonijiet żero netti.

Storja bħala eżempju

Il-bini ta’ faċilità tal-manifattura tal-pannelli solari

Kumpanija żgħira fil-Portugall qed tippjana li tibni faċilità għall-manifattura tal-pannelli solari. Qabel ma tkun tista’ tibda l-kostruzzjoni, il-kumpanija se jkollha bżonn diversi permessi. Dawn jistgħu jinkludu permess għall-ippjanar, approvazzjonijiet ambjentali, u permess biex il-faċilità titqabbad mal-grilja tal-elettriku. Il-kumpanija tikkuntattja lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt nazzjonali tagħha, li jispjegalha liema permessi jkunu meħtieġa, jidentifika l-awtoritajiet involuti, u jiggwida lill-kumpanija tul il-proċess tal-permessi.

X’inhu proġett strateġiku b’emissjonijiet żero netti?

Ċerti proġetti b’emissjonijiet żero netti jistgħu jitqiesu vitali għall-industrija tat-teknoloġija nadifa tal-UE. Dawn il-proġetti jistgħu jiġu indikati minn awtorità nazzjonali bħala “proġetti strateġiċi b’emissjonijiet żero netti” u jibbenefikaw minn status ta’ prijorità.

Il-proġetti strateġiċi b’emissjonijiet żero netti jistgħu jibbenefikaw minn:

  • trattament amministrattiv mgħaġġel u ħruġ aktar malajr tal-permessi (ġeneralment bejn 9 xhur u 18-il xahar)
  • appoġġ fil-livell tal-UE permezz tal-Pjattaforma għal Ewropa b’Emissjonijiet Żero Netti, inklużi pariri dwar il-finanzjament
  • trattament urġenti fi proċeduri ġudizzjarji u ta’ soluzzjoni tat-tilwim
  • proċeduri ta’ valutazzjoni ambjentali ssimplifikati

Biex jikkwalifika, il-proġett tiegħek irid ikun jinvolvi

  • il-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti
  • il-qbid u l-ħżin tad-dijossidu tal-karbonju, jew
  • infrastruttura għat-trasport tad-dijossidu tal-karbonju maqbud

Għandu wkoll jissodisfa, b’mod ċar, għall-inqas wieħed mill-kriterji li ġejjin:

  • ikun isaħħaħ il-kapaċità tal-manifattura tal-UE għal teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti
  • ikun inaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet għal teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti
  • ikun itejjeb is-sostenibbiltà ambjentali jew inaqqas l-emissjonijiet

Kif tapplika

Jekk trid li l-proġett tiegħek jiġi rikonoxxut bħala proġett strateġiku, hemm proċeduri ta’ applikazzjoni differenti skont it-tip ta’ proġett u l-appoġġ li diġà jirċievi.

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, se jkollok bżonn timla u tissottometti l-formola tal-applikazzjoni standard ipprovduta mill-Kummissjoni Ewropea. F’ċerti sitwazzjonijiet, tista’ tapplika proċedura simplifikata.

Il-proċedura ta’ applikazzjoni standard Iftaħ Agħlaq

Ħejji l-applikazzjoni tiegħek

Se tintalab:

  • tiddeskrivi l-proġett tiegħek (il-post, it-teknoloġija, l-istadju tal-iżvilupp)
  • tispjega kif dan jikkontribwixxi għall-objettivi ta’ emissjonijiet żero netti tal-UE
  • tispjega l-impatt industrijali u klimatiku li mistenni jkollu l-proġett
  • tipprovdi evidenza li tissodisfa l-kriterji għal proġetti strateġiċi

Għall-biċċa l-kbira tal-applikazzjonijiet, trid tipprovdi wkoll:

  • pjan ta’ direzzjoni tan-negozju li juri l-vijabbiltà finanzjarja
  • skeda ta’ żmien indikattiva tal-proġett
  • dokumenti ta’ sostenn

Issottometti l-applikazzjoni tiegħek

Biex tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, l-ewwel trid toħloq kont tal-EU Login u timla l-formola tal-applikazzjoni online li tinsab fil-webpage tal-Kummissjoni ddedikata għall-proġetti strateġiċi b’emissjonijiet żero netti.

Ladarba l-applikazzjoni tkun lesta, tista’ tissottomettiha permezz tal-pjattaforma sigura tal-Kummissjoni lill-pajjiż rilevanti tal-UE biex jivvalutaha.


Stenna sakemm issir il-valutazzjoni

  • L-ewwel jiġi ċċekkjat jekk l-applikazzjoni tiegħek tkunx kompluta
  • Il-pajjiż tal-UE fejn ikun jinsab il-proġett jivvaluta l-applikazzjoni
  • Għandek tirċievi deċiżjoni fi żmien xahar wara li l-applikazzjoni tiegħek titqies kompluta

Jekk l-applikazzjoni tiegħek tiġi rrifjutata

Jekk l-applikazzjoni tiegħek tiġi rrifjutata, tista’ titlob lill-Kummissjoni Ewropea tivvaluta l-proġett. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ma tiħux post id-deċiżjoni tal-pajjiż tal-UE iżda tista’ tipprovdi gwida jew appoġġ addizzjonali.

Issib aktar informazzjoni, formoli tal-applikazzjoni, u gwida fil-webpage tal-Kummissjoni ddedikata għall-proġetti strateġiċi b’emissjonijiet żero netti.

Il-proċedura simplifikata Iftaħ Agħlaq

Xi proġetti jistgħu jikkwalifikaw għal proċedura simplifikata. Dan jista’ japplika meta proġett ikun diġà ġie vvalutat fl-ambitu ta’ ċerti programmi ta’ finanzjament jew inizjattivi strateġiċi tal-UE. Jista’ japplika wkoll għal ċerti proġetti ta’ manifattura tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti li jkunu jinsabu f’reġjuni inqas żviluppati jew li qegħdin fi tranżizzjoni.

Minflok ma tissottometti l-pakkett sħiħ tal-applikazzjoni, tista’ tissottometti formola ta’ talba bil-miktub permezz tal-istess sistema ta’ applikazzjoni tal-UE.

Eżempji jistgħu jinkludu proġetti appoġġati permezz:

Issib aktar informazzjoni, formoli tal-applikazzjoni, u gwida fil-webpage tal-Kummissjoni ddedikata għall-proġetti strateġiċi b’emissjonijiet żero netti.

Il-finanzjament u l-appoġġ

Il-proġetti b’emissjonijiet żero netti jibbenefikaw minn firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ finanzjament u appoġġ li huma disponibbli permezz tan-Navigatur għat-Teknoloġiji b’Emissjonijiet Żero Netti.

Din l-għodda tgħinek tidentifika:

  • is-sorsi ta’ finanzjament rilevanti fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali
  • is-servizzi ta’ konsulenza
  • l-appoġġ għall-iżvilupp tal-proġetti

Ara wkoll

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Għandek xi mistoqsijiet dwar kif topera negozju transfruntier, pereżempju l-esportazzjoni jew l-espansjoni lejn pajjiż ieħor tal-UE? Jekk hu l-każ, Enterprise Europe Network jista’ jagħtik pariri b’xejn.

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 23/06/2026
Ikkondividi din il-paġna