Pariri tal-Ewropa Tiegħek
Pariri tal-Ewropa Tiegħek hu parti minn sett ta’ għodda ta’ informazzjoni u ta’ parir għaċ-ċittadini u n-negozji dwar id-drittijiet tagħhom fl-UE. Il-punt ta' tluq hu s-sit web L-Ewropa Tiegħek iddisinjat biex jagħtik informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek fl-Ewropa kollha. Hu joffri parir prattiku u ħjiliet siewja dwar kwistjonijiet bħall-għajxien, l-istudju, ix-xogħol, ix-xiri , l-ivvjaġġar – jew, bħala kumpanija, it-twettiq ta' negozju – fl-UE. Hu s-sors ewlieni ta’ informazzjoni dwar dawn is-suġġetti
Jekk ma ssibx tweġiba għall-mistoqsija tiegħek, tista’ tikkuntattja lil “Pariri tal-Ewropa tiegħek” bl-użu ta' “Sib għajnuna u pariri” fil-qiegħ ta’ kull paġna ta' L-Ewropa Tiegħek.
X'inhu Pariri tal-Ewropa Tiegħek / Min jinsab warajh?
Pariri tal-Ewropa Tiegħek hu s-servizz ta' pariri għall-pubbliku tal-UE, attwalment ipprovdut mill-esperti legali mis-Servizz ta’ Azzjoni taċ-Ċittadini Ewropej (ECAS) li jopera b'kuntratt mal-Kummissjoni Ewropea. Dan jikkonsisti f'tim ta' 65 avukat indipendenti li jkopru l-lingwi uffiċjali tal-UE kollha u huma familjari kemm mal-liġi tal-UE kif ukoll mal-liġijiet nazzjonali fil-pajjiżi kollha tal-UE. Huma
- jipprovdu parir b'xejn u personalizzat fil-lingwa tal-għażla tiegħek, fi żmien ġimgħa
- jiċċaraw il-liġi Ewropea li tapplika għall-każ tiegħek
- jispjegawlek kif teżerċita drittijietek fl-UE
Pariri tal-Ewropa Tiegħek ilu jeżisti għal aktar minn 25 sena u pprovda parir imfassal apposta f’aktar minn 360.000 każijiet mill-1996 'l hawn.
Pariri tal-Ewropa Tiegħek jaħdem mill-qrib ma' SOLVIT, netwerk li jsolvi u jittratta problemi bejn individwi jew kumpaniji u l-awtoritajiet f'pajjiż ieħor, f'każijiet fejn teżisti applikazzjoni skorretta possibbli tal-liġi tal-UE.
Jekk, wara li neżaminaw it-talba tiegħek għal parir, naħsbu li għandek bżonn aktar għajnuna biex issolvi problema mal-amministrazzjoni nazzjonali kkonċernata, se nittrasferixxu l-każ tiegħek minn Pariri tal-Ewropa Tiegħek għal SOLVIT u se ninfurmawk b'dan.
Pariri tal-Ewropa Tiegħek jwieġeb mistoqsijiet minn ...
- individwi li huma ċittadini tal-Unjoni Ewropea, in-Norveġja, l-Iżlanda jew Liechtenstein
- non Ewropej – jekk huma membri tal-familja ta' ċittadin jew resident tal-UE fi kwalunkwe pajjiż tal-UE
- negozji li għandhom is-sede tagħhom fl-UE
- servizzi ta' informazzjoni u ta' pariri Ewropej/nazzjonali, f'isem individwi
Mistoqsijiet dwar...
- sitwazzjoni (mhux teoretika) reali – anke jekk hi sempliċement intenzjoni biex tiċċaqlaq lejn pajjiż ieħor tal-UE
- id-drittijiet tiegħek f'pajjiż wieħed jew aktar tal-UE u skont il-liġi tal-UE
Oqsma komuni għall-mistoqsijiet
- id-drittijiet tiegħek meta tivvjaġġa, tgħix, taħdem, tirtira jew tistudja f'pajjiż ieħor tal-UE
- id-drittijiet tal-konsumaturi fl-UE
Dak li ma nistgħux nagħmlu
- nagħtu parir dwar kwistjonijiet immexxija esklużivament mil-liġi nazzjonali (nittrattaw biss kwistjonijiet relatati mal-liġi tal-UE)
- nipprovdu parir legali dettaljat, analiżi ta' dokumenti jew intervisti wiċċ imb'wiċċ miegħek
- nissostitwixxu l-parir legali minn avukati jew nipprovdu rappreżentazzjoni legali
- nieħdu l-każ f'ismek jew nieħdu azzjoni ta' infurzar kontra kumpaniji jew awtoritajiet.
Inwieġbu l-biċċa l-kbira tal-mistoqsijiet
– iżda xi tipi ta' mistoqsijiet jaqgħu lil hinn mill-ambitu ta' Pariri tal-Ewropa Tiegħek u għalhekk huma ineliġibbli, bħal pereżempju:
- talbiet sempliċi għall-informazzjoni li jistgħu jinstabu faċilment fuq l-internet jew mistoqsijiet dwar il-politiki tal-UE
- mistoqsijiet li huma responsabbiltà sħiħa tal-liġi nazzjonali (mhux il-liġi tal-UE)
- mistoqsijiet dwar għotjiet jew finanzjament taħt il-programmi Ewropej
- mistoqsijiet minn organizzazzjonijiet kummerċjali orjentati lejn profitt, p.e. ditti legali, li jaġixxu f'isem il-klijenti
Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà
Parir u informazzjoni li jingħataw bi tweġiba għal mistoqsijiet individwali indirizzati lil Pariri tal-Ewropa Tiegħek huma pprovduti minn esperti legali b'kuntratt mal-ECAS.
Dawn jagħmlu ħilithom biex jassiguraw li t-tagħrif u l-pariri mogħtija huma preċiżi, iżda ma jaċċettaw l-ebda responsabbiltà għall-iżbalji, nuqqas ta' preċiżjoni jew ommissjonijiet.
Il-Kummissjoni Ewropea taġixxi bħala faċilitatur għal dan is-servizz u ma taċċetta ebda responsabbilità fir-rigward ta’ informazzjoni jew parir provdut minn dan is-servizz.
Il-pariri mgħotija mis-servizz mhux neċessarjament jirriflettu l-opinjoni tas-servizzi varji tal-Kummissjoni Ewropea u ma jorbtux lill-Kummissjoni Ewropea.
Dikjarazzjoni ta’ privatezza
Meta tibgħat il-mistoqsija tiegħek, inti mitlub li tipprovdi informazzjoni personali. Din l-informazzjoni tintuża skont il-politika tagħna deskritta fid-dikjarazzjoni ta. privatezza (PDF).