Fost il-ħafna avvenimenti li kkommemoraw Jum l-Ewropa din is-sena, żgur li Segni d'Europa
kien wieħed mill-aktar oriġinali. L-avveniment, organizzat bejn is-7 u d-9 ta' Mejju mill-belt ta' Turin
u ċ-Cerchio e le Gocce
, assoċjazzjoni li tippromwovi l-kitba bil-graffiti u l-arti tat-triq, b'kollaborazzjoni ma' poeti mill-Opiemme, tat il-ħajja mill-ġdid lil tliet ħitan imġarrfa f'din il-belt Taljana. Il-ħitan inksew bil-kuluri u siltiet ispirati minn missirijietna, il-fundaturi ta' l-UE u minn irġiel u nisa oħra li raw 'il quddiem.
Kif jgħid il-Professur Keating fil-film Dead Poets Society, "Tagħtux każ x'jgħidilkom ħadd ieħor, il-kliem u l-ideat jistgħu jibdlu d-dinja", u dan kien eżattament l-għan tal-graffiti tal-50 anniversarju ta' l-UE. L-avveniment joħroġ id-dibattitu dwar l-Ewropa fit-toroq minn ġot-torrijiet ta' l-ivorju ta' l-UE.
Is-siltiet ġew magħżula waqt laqgħa ta' ħidma li involviet studenti ta' l-iskola u poeta żagħżugħ, u inkludiet kliem minn Jean Monnet, Albert Einstein, Saint Augustine, William Faulkner, kif ukoll bosta oħrajn magħżula biex jagħtu leħen għall-ħsibijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ dwar l-Ewropa.
"L-organizzazzjoni ta' l-avveniment ma kinitx faċli" qal Danzio Bonavia taċ-Cerchio e Le Gocce’s. "Kien hemm entużjażmu mill-missirijet tal-belt, minn dawk li kienu għaddejjin u min-negozju lokali. Issa nisperaw li l-graffiti jsir attrazzjoni turistika għall-belt." Meta għarfet il-valur ta' l-arti tat-triq, il-belt ta' Turin uriet li l-famuż kliem ta' Einstein li "huwa aktar diffiċli tfarrak preġudizzju milli atomu", mhux dejjem huwa minnu.