Avviż legali | Dwar EUROPA | Fittex | Kuntatt
Niċċelebraw l-Ewropa! - Il-50 Anniversarju tat-Trattat ta' Rumaqbiż tal-bar għall-għażla tal-lingwa (key għall-iqsar rotta=2) 01/02/2008
EUROPA > Il-50 anniversarju > L-Aħbarijiet u l-Midja > Interview

Kun kburi meta tħares lura, kun kunfidenti meta tħares 'il quddiem

Kun kburi meta tħares lura, kun kunfidenti meta tħares 'il quddiem
Joaquín Almunia, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

14/09/07

Waqt li l-Ewropa tiċċelebra l-50 anniversarju tagħha, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji Joaquín Almunia jirrifletti dwar il-kisbiet tal-passat u l-prospetti tal-ġejjieni.

It-tfal tal-lum twieldu f'Unjoni li teżisti madwarhom. Imma dan ma kienx il-każ għall-ġenituri tagħhom u għall-Ewropej akbar fil-għomor li għexu fi żmien il-bini progressiv ta' l-UE matul l-aħħar 50 sena. Kif tiddeskrivi lil xi Ewropew żagħżugħ illum kif kienet il-ħajja ta' kuljum fl-Ewropa bil-fruntieri tal-passat?

Fl-1957, meta ġie ffirmat it-Trattat ta' Ruma, 10 biss mis-27 Stat Membru li għandna llum kienu demokraziji – is-17 l-oħra ma kienux. Fl-Unjoni Ewropea, m'għadniex nissorprendu rwieħna bil-fatt li l-paċi, il-libertà u d-demokrazija huma fundamentali għal kull individwu biex isegwi ħajja awtonoma, libera mid-diskriminazzjoni u l-intolleranza. Barra minn hekk, ekonomija għanja u l-għajnuna soċjali offruta mill-Istat huma importanti jekk irridu noffru opportunitajiet ugwali għal kulħadd. Sfortunatament, il-ħajja ta' kuljum tkun radikalment differenti meta dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux preżenti.

Meta nqabblu l-ħajja fl-Ewropa llum ma' 50 sena ilu, nindunaw li mhijiex biss kwistjoni ta' fruntieri fiżiċi u r-restrizzjonijiet li jġibu magħhom, imma hija wkoll affari ta' limitazzjonijiet ta' x'tista' tgħid, taħseb jew taqra jew fejn tista' tmur. Hija wkoll kwistjoni ta' nuqqas ta' opportunitajiet ta' xogħol, u aċċess limitat għall-kultura u l-għarfien. L-Unjoni neħħiet ħafna minn dawn ir-restrizzjonijiet u llum tippreżenta liż-żgħażagħ b'ħafna aktar opportunitajiet milli kienu disponibbli, jew permessi, għall-ġenerazzjonijiet ta' qabel.

Madankollu, għalkemm il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar għandhom ikunu jafu dwar l-imgħoddi ta' l-Ewropa u l-kontribuzzjoni imprezzabbli ta' l-integrazzjoni Ewropea fit-tiswir ta' preżent aħjar, l-UE trid turi liċ-ċittadini li għadha relevanti biex tiffaċċa l-isfidi tal-lum. L-aħħar 50 sena kienu żmien ta' ħafna tibdil għall-aħjar fl-Ewropa, imma ma nistgħux inċiċċu u nħarsu lura bit-tbissima lejn xogħolna. Il-bidla hija fatt tal-ħajja fid-dinja ta' llum u sfidi ġodda jaslu l-ħin kollu. Iż-żgħażagħ tal-lum huma l-mexxejja ta' għada, u għad jeħtieġu l-istituzzjonijiet u l-istrutturi biex jiffaċċaw dawn l-isfidi. U fil-fatt, l-UE hija strument b'saħħtu biex jittratta l-isfidi tas-seklu 21 tal-globalizzazzjoni, il-bidla klimatika, is-sigurtà jew l-eskalazzjoni ta' l-esrtremiżmu.

Matul l-aħħar 50 sena l-Istati Membri kellhom iċedu xi poteri tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom - mhux dejjem b'mod entużjast - u jgħadduhom lill-UE. Meta jsir dan, ħafna drabi jkun hemm tensjoni bejn dawk li jixtiequ 'aktar Ewropa' u l-oħrajn li jippreferu  'anqas Ewropa'. Fejn tħoss li huwa l-bilanċ f'dawn il-kwistjonijiet ta' sovranità għall-Ewropa tal-futur?

Meta wieħed jitkellem dwar is-sovranità, irid jiddistingwi bejn is-sovranità formali u dik reali. Irridu jew ma rridux, is-sovranità formali ta' l-Istati Membri f'ħafna oqsma, bħas-swieq kapitali, it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, u l-ħarsien tal-konsumatur, hija biss illużjoni billi dawn huma di natura tranżnazzjonali, fenomeni globali. F'dawn l-areni, il-pajjiżi individwali m'għandhomx il-mezzi biex idaħħlu il-poteri formali tagħhom fis-seħħ b'mod effettiv.

Saħansitra l-akbar pajjiż fl-UE, il-Ġermanja, tirrappreżenta biss 1.3% tal-popolazzjoni tad-dinja. U l-PGD ta' Franza huwa anqas mill-ammont ta' flus skambjat fis-swieq finanzjarji f'jum wieħed!

F'dan il-kuntest, li pajjiż iċedi xi ammont ta' sovranità formali nazzjonali biex jaqsam il-poter fuq il-livell ta' l-UE u jikseb sovranità ta' veru jipprovdi lill-Ewropa bl-aktar għodda effettiva biex tħares liċ-ċittadini u l-konsumaturi tagħha. F'dawn il-każi, bosta drabi ma tkunx kwistjoni ta' sovranità li wieħed irid iċedi, imma ta' kooperazzjoni ma' xulxin biex niksbu sovranità effettiva għalina kollha kemm aħna.

F'dan ir-rigward, l-euro huwa l-eżempju ewlieni ta' fejn it-total jammonta aktar mill-partijiet li jagħmluh. L-esperjenza riċenti wriet b'mod ċar li l-euro jipproteġina kontra t-taqlib fis-suq finanzjarju; għen biex l-ekonomija taż-żona euro tkun tiflaħ għat-theżżiżiet esterni.  Fil-passat viċin, il-muniti nazzjonali kienu vulnerabbli għall-ispekulazzjoni, li ġabet magħha l-miżerja u l-qagħad għal bosta ċittadini. Bil-munita waħdanija, l-Istati Membri taż-żona euro ċedew xi ftit mill-kontrol tagħhom, imma iggwadanjaw għadd ta' vantaġġi. L-istabilità makroekonomika, u r-rati ta' l-imgħax baxxi u stabbli, li jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku fit-tul, huma eżempji ċari.

(silta mill-intervista ppubblikata fuq il-European Economy NewsEnglish)

 

Avviż legali | Dwar EUROPA | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna