Għalkemm mhux forsi kulħadd jintebaħ, l-UE qed ikollha sehem f'għadd li kull ma jmur dejjem qed jikber ta' oqsma li jolqtu direttament lill-Ewropej kollha.
Fl-2006, ngħidu aħna, ħadet passi biex tipprojbixxi dawk il-messaġġi fuq il-pakketti ta' l-ikel li jiżgwidaw lill-konsumatur, sabiex dan ikun f'pożizzjoni aħjar li jagħżel ikel tajjeb għal saħħtu u jevita l-ħxuna. Messaġġi bħal "low fat" issa ġew standardizzati sabiex ifissru l-istess ħaġa fil-pajjiżi kollha ta' l-UE.
Mira oħra ta' l-UE kienet li jiġu rrazzjonalizzati l-ħlasijiet biex wieħed jirrowmja bil-mowbajl meta jivvjaġġa fl-UE. Issa se jiġu kkontrollati l-ħlasijiet esaġerati li spiss jintalbu għal dan is-servizz, li bħala medja jlaħħqu sa erba' darbiet kemm wieħed iħallas meta jċempel fl-istess pajjiż. Abbozz ta' liġi ġdid mistenni jraħħas il-prezzijiet kollha mis-sajf ta' l-2007, bl-ogħla rati jitnaqqsu b'sa 70%.
Liġi ġdida li tirregola l-kimiċi se tipproteġi l-ħaddiema u l-konsumaturi billi tirrikjedi li l-industrija, kull fejn ikun possibbli, tuża alternattivi aktar siguri minflok kimiċi li jikkawżaw ħsara. Il-manifatturi se jkollhom jgħaddu informazzjoni dwar aktar minn 30,000 kimika u jiddikjaraw il-perikli possibbli marbuta ma' dawn il-kimiċi u kif dawn jistgħu jitnaqqsu.
Fil-kamp tat-teknoloġija, l-UE qed tiżviluppa s-sistema tagħha tan-navigazzjoni satellitari, Galileo. F'Jannar 2006, is-sistema rċeviet l-ewwel sinjali bi prova minn satellita esperimentali li ttellgħet fl-orbita lejn tmiem l-2005. Galileo, permezz ta' kostellazzjoni ta' 30 satellita, mistenni li jkun kompletament funzjonali fl-2008. Dan se jipprovdi assistenza navigattiva lit-trasport bl-art, il-baħar u l-ajru kif ukoll lill-vjaġġaturi madwar id-dinja.
Fix-xena internazzjonali, l-UE bagħtet it-truppi tagħha f'żewġ żoni ferm instabbli: il-Kongo u n-naħa t'isfel tal-Libanu. Fil-Kongo, dawn il-forzi għenu biex iżommu l-istabbiltà matul l-ewwel elezzjonijiet demokratiċi presidenzjali u parlamentari li ttellgħu f'dan il-pajjiż f'aktar minn 40 sena, filwaqt li fil-Libanu, ġew skjerati 7,500 suldat biex iqawwu l-forza interim tan-NU.
Kisbiet ewlenin oħra fl-2006 jinkludu t-tħejjija b'suċċess biex il-Bulgarija u r-Rumanija jissieħbu fl-UE u biex is-Slovenja tadotta l-euro, it-tnaqqis fil-prezzijiet taz-zokkor u t-tmiem tal-produzzjoni żejda, il-ftuħ tas-suq Ewropew għall-kummerċ fis-servizzi, u miżuri biex tiġi affrontata l-immigrazzjoni illegali.
Għal aktar tagħrif żur il-paġna "Europe and you in 2006" 
