Is-Sibt li ġej, bosta nies madwar l-Ewropa se jkunu b'għajnejhom imsammrin fuq il-Eurovision ta' l-2007 – imma żżomm ma' liema kanzunetta żżomm, din is-sena dan il-konkors mużikali se jieħu laqta kemmxejn differenti. Flimkien mal-kostumi mhux tas-soltu u l-melodiji ħelwin, se jkun hemm messaġġ aktar serju – l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd.
Il-konkors tal-kanzunetti tal-Eurovision
u s-sena Ewropea għall-opportunitajiet indaqs qed jikkolaboraw flimkien f'Ħelsinki sabiex tingħata ġimgħa ta' divertiment imżewqa b'opportunità biex jingħadda messaġġ serju lit-telespettaturi: li kulħadd għandu d-dritt jiġi trattat bħal ħaddieħor.
Minkejja li l-liġijiet ta' l-UE kontra d-diskriminazzjoni huma fost l-aktar ħorox fid-dinja, huwa biss terz tal-popolazzjoni li hija konxja ta' drittijietha f'każi meta wieħed iħabbat wiċċu ma' xi tip ta' diskriminazzjoni. Fl-istess waqt, 64% ta' l-Ewropej li ġew mistoqsija jidhrilhom li l-problema hija estensiva u 51% huma tal-fehma li mhux qed isir biżżejjed biex din il-kwistjoni tiġi missielta kif jixraq.
Il-Kummissarju responsabbli mill-opportunitajiet indaqs Vladimír Špidla, li se jkun Ħelsinki nhar l-Erbgħa biex jieħu sehem fil-festeġġamenti, spjega kif dan il-konkors mużikali jipprovdi mezz eċċellenti sabiex in-nies jiġu informati dwar jeddijiethom: "Liema kuntest ikun aħjar minn dan l-avveniment divertenti vibranti li jixxandar ma' l-Ewropa kollha u jressaq lejn xulxin il-kulturi u l-ilwien differenti ta' dan il-kontinent?"
Il-Eurovision ilu jittella' mill-1956 'il hawn u din is-sena 100 miljun ruħ mistennija li jsegwuh. Il-kampanja għall-opportunitajiet indaqs se jkollha paviljun fil-villaġġ tal-Eurovision li minnu se tgħaddi l-messaġġ tagħha lill-2,000 ġurnalist li mistennija jattendu.
Sir af aktar dwar l-attivitajiet marbuta mas-sena ddedikata lill-opportunitajiet indaqs li qed jittellgħu f'pajjiżek
Intietef informattivi dwar il-Eurovision