Matul Mejju nnifsu, l-enfasi se tkun fuq ir-rikkezza tal-kultura Ewropea, b'Ċipru u l-Litwanja fuq quddiem nett taċ-ċelebrazzjonijiet.
F'Ċipru, il-'Fiera dwar l-Ewropa' se tesplora t-tema ta' kif l-Ewropa tista' timmassimizza l-potenzjal tagħha. Fil-Litwanja, avveniment simili qed jiċċelebra t-tielet sena minn meta dan il-pajjiż issieħeb fl-UE, bis-sehem ta' wirjiet kulturali u ta' l-arti u anke ikel.
Ungerija u l-Ġermanja se jikkonċentraw fuq l-identità Ewropea tagħna u kif l-UE taffettwalna ħajjitna ta' kuljum. F'dawn iż-żewġ pajjiżi se jittellgħu dibattiti pubbliċi f'ħamsin post differenti, filwaqt li ma' l-1000 persuna se jinġabru sabiex jaqsmu bejniethom l-ideat tagħhom dwar x'jiġifieri li wieħed ikun Ewropew.
Wara li żaru xi binjiet li minnhom titmexxa l-UE, grupp ta' fotografi żgħażagħ sawru wirja ta' 60 ritratt tal-bini li jospita l-Parlament Ewropew fi Strasburgu, il-Lussemburgu u Brussell. Fis-sede tal-Parlament fi Brussell se tittella' wirja mill-5 sas-16 ta' Mejju, li aktar tard se tittieħed Strasburgu bejn il-21 u l-24 ta' Mejju.
Is-Slovenja se tieħu l-festeġġamenti b'mod kemmxejn aktar brijjuż. 'Il fuq minn 20,000 student mill-kulleġġi ta' dan il-pajjiż se jiżfnu l-akbar parata taż-żfin quadrille ta' din is-sena, biex saħansitra mistennija jniżżlu isimhom fil-Guinness Book of Records.
Fuq tema ambjentali, il-Latvija qiegħda tieħu sehem fil-'Mewġa Ħadra', li hija inizjattiva ta' tħawwil ta' siġar għal Ewropa sostenibbli.Forsi titħajjar tipparteċipa f'passiġġata attraenti fil-belt tal-Lussemburgu, li tinkludi l-post fejn twieled Robert Schuman u nħawi oħra importanti fl-istorja ta' l-integrazzjoni Ewropea.
Qed jittellgħu wkoll xi avvenimenti barra l-UE – fl-Ukrajna , pereżempju, se jiġu organizzati xi jiem iddedikati għall-informazzjoni, li se jinkludu logħob, kwiżżijiet u kompetizzjoni tat-tpinġija dwar l-UE għat-tfal..