B'fieri ta' l-impjiegi mtella' f'aktar minn 200 belt Ewropea, Jiem l-Impjiegi ta' din is-sena mistennija li jiġbdu lejhom 'il fuq minn 150,000 persuna li qed tfittex ix-xogħol flimkien ma' għadd ta' impjegaturi potenzjali. Dan l-avveniment huwa opportunità unika sabiex wieħed jiltaqà man-negozji li lesti joffru x-xogħol u biex jaċċessa il-miljun impjieg li jinsabu disponibbli onlajn mill-EURES, il-Portal Ewropew iddedikat lill-Mobbiltà ta' l-Impjiegi. Permezz tan-netwerk tiegħu bi 800 konsulent, il-portal jgħin lill-ħaddiema ta' l-UE u l-familji tagħhom billi joffrilhom gwida u pariri dwar l-opportunitajiet ta' impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta' l-għajxien fiż-Żona Ekonomika Ewropea.
Il-ħsieb wara l-jiem Ewropej iddedikati lill-impjiegi huwa li jippermetti lill-impjegaturi jiltaqgħu direttament ma' dawk li qed ifittxu x-xogħol, ħalli b'hekk tingħata spinta lill-proċess tar-reklutaġġ u jiġu offruti opportunitajiet ta' xogħol f'pajjiżi oħra ta' l-UE. Permezz ta' l-istess avveniment fl-2006, imtlew eluf ta' postijiet tax-xogħol battala. Apparti li dawk involuti jkollhom iċ-ċans li jiltaqgħu wiċċ imb'wiċċ, Jiem l-Impjiegi joffru mijiet ta' avvenimenti u inizjattivi oħra, bħal jiem li matulhom il-bibien ta' l-organizzazzjonijiet responsabbli mis-servizzi ta' l-impjiegi jkunu miftuħin għaż-żjarat, seminars, kjosks informattivi u avvenimenti kulturali.
Jum l-Impjiegi fi Brussell se jittella' nhar id-29 ta' Settembru fil-Berlaymont, li huwa l-bini ewlieni tal-Kummissjoni.