L-ugwaljanza hija wieħed mill-valuri fil-qalb ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali ta' l-UE tagħraf id-dritt tal-libertà mid-diskriminazzjoni għaċ-ċittadini kollha. L-2007 ser tkun "is-Sena ta' l-Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd", biex tagħti spinta friska lill-ġlieda għall-ugwaljanza vera.
L-attivitajiet tas-sena jibdew b'samit dwar l-ugwaljanza fit-30 u l-31 ta' Jannar f'Berlin. Għas-samit ser jattendu Ministri u rappreżentanti minn għaqdiet nazzjonali u internazzjonali li jaħdmu fl-ugwaljanza, NGOs u msieħba soċjali ta' l-Ewropa.
Is-sena Ewropea ta’ l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd għandha l-għan li żżid l-għarfien taċ-ċittadini dwar drittijiethom u t-trattament ugwali. B'mod speċifiku, il- Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi s-sess, ir-razza, il-kulur, l-etniċità jew l-oriġini soċjali, ir-reliġjon jew twemmin, id-diżabilità, l-età u l-orjentazzjoni sesswali.
L-enfażi fuq l-ugwaljanza fl-opportunitajiet hija mod kid niċċelebraw id-diversità ta' l-UE. Peress li l-pajjiżi, r-reġjuni u l-lokalitajiet kollha huma involuti, ikollok ċans tipparteċipa f'xi attività viċin tiegħek. Kull pajjiż għandu uffiċċju ta' l-implimentazzjoni nazzjonali li jikkoordina l-attivitajiet, u l-istrateġiji nazzjonali ser ikunu żvelati dalwaqt.
Ikun hemm ukoll attivitajiet fuq livell Ewropew:stħarriġ biex juri l-attitudnijiet lejn id-diversità u d-diskriminazzjoni u kampanja ta' tagħrif dwar il-liġijiet u l-politiki Ewropej kontra d-diskriminazzjoni. Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ qed tħejji konferenza dwar l-opportunitajiet fl-edukazzjoni u x-xogħol ugwali għal kulħadd, biex tiffoka fuq ir-rwol ta' l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ fil-promozzjoni ta' l-ugwaljanza fl-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol.