Portal Ewropew taż-Żgħażagħ
Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

Kif il-Korp ta’ Solidarjetà tal-UE jgħin lin-nies li qegħdin ifittxu xogħol jitilgħu is-sellum tal-karriera

Marta De Bonis ta’ 24 sena minn Lecce fl-Italja għadha kif bdiet avventura professjonali ġdida u eċċitanti bl-għajnuna tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

Din l-inizjattiva ġdida tagħti opportunitajiet volontarji u ta’ xogħol għaż-żgħażagħ li jkunu ta' benefiċċju għall-komunitajiet lokali fi Stati Membri oħrajn tal-UE.
 

Marta kisbet grad ta’ masters fl-Ekonomija u l-Politika Internazzjonali tal-Pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant fl-2016, iżda malli lestiet il-kors hija sabet ruħha f'suq tax-xogħol estremament kompetittiv. Wara li kkonċentrat tant fuq l-istudji tagħha, hija ftit kellha esperjenza professjonali biex tgħinnha tikseb l-ewwel opportunità ta' xogħol tagħha.
 

B'xorti tajba, hija kienet taf eżatt fejn għandha tmur biex tikseb parir, u hija għamlet kuntatt mal-uffiċċju lokali tal-EURES tagħha. Malajr, il-Konsulent personali tal-EURES ta’ Marta għenha biex tieħu internship ta’ sitt xhur fil-Parlament Ewropew.
 

Diversi xhur wara, hekk kif kienet qed tavviċina t-tmiem tal-internship tagħha, Marta kienet taf li kellha tibda tipprepara għall-pass li jmiss tagħha. Hi qattgħet ħafna ħin tipperfezzjona s-CV tagħha u tikteb ittri ta’ introduzzjoni, u tadattahom għall-ispeċifiċitajiet ta' kull post battal.
 

Sadanittant, il-konsulent ta’ Marta kien qed jipprovdi dettalji dwar l-opportunitajiet eżistenti kollha fi ħdan il-EURES, inklużi skemi ta' mobilità mmirati bħall-L-Ewwel Xogħol EURES Tiegħek u l-Korp ta' Solidarjetà tal-UE kif ukoll opportunitajiet oħra ffinanzjati mill-UE bħal Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ u l-iskema tal-Erasmus+.
 

Permezz tar-riċerka tagħha, Marta sabet it-triq professjonali li xtaqet issegwi: l-iżvilupp u l-kooperazzjoni. F'dan il-każ, il-Korp ta’ Solidarjetà tal-UE kien l-għodda perfetta biex Marta tikseb l-esperjenza.
 

Il-passi li jmiss kienu li jinstabu opportunitajiet ta’ taħriġ imħallsa fil-qasam għal Marta biex tapplika, u mbagħad għall-konsulent tagħha li jagħmel kuntatt mal-impjegaturi u jispjega l-proġett u l-benefiċċji kemm għalihom kif ukoll għall-applikant.
 

F'qasir żmien, il-konsulent tagħha ikkonvinċa lil impjegatur interessat biex jissieħeb mal-Korp ta’ Solidarjetà tal-UE u Marta għaddiet mill-proċess tal-intervista. L-applikazzjoni ta’ Marta kienet waħda ta' suċċess u hi issa qed twettaq internship ta' sitt xhur bħala Assistent għall-Avukatura għall-Uffiċċju tal-Promozzjoni tal-Kummerċ Ġust (Fair Trade Advocacy Office).
 

Waqt li tkellmet dwar l-esperjenza personali tagħha, Marta spjegat, "Mingħajr l-appoġġ ta’ EURES Lecce, ma kontx nilħaq l-għan tiegħi. Huma appoġġjawni, kważi kuljum, b’pariri, informazzjoni, suġġerimenti, u inkoraġġewni anki fil-mumenti l-iktar diffiċli! "
 

Ma jimpurtax f'liema qasam tkun interessat/a, l-EURES huwa disponibbli biex jagħtik parir dwar il-firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet u inizjattivi bħall-Korp ta’ Solidarjetà tal-UE. Jekk int lest/a għal sfida, u lest li tiddedika lilek innifsek biex tgħin lill-oħrajn, mela ssieħeb mal-Korp ta’ Solidarjetà tal-UE illum!