Portal Ewropew taż-Żgħażagħ
Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

Erba’ personalitajiet tal-post tax-xogħol u kif taħdem magħhom b’mod effettiv

Hawnhekk nagħtu ħarsa lejn erba’ tipi ta’ personalitajiet tipiċi li tista’ tiltaqa’ magħhom u noffru xi suġġerimenti dwar kif tifforma relazzjonijiet tax-xogħol effettivi magħhom.

Kulħadd huwa differenti. Aħna lkoll għandna ħsibijiet, esperjenzi, twemmin u kulturi tagħna stess. Filwaqt li din il-varjetà żgur tagħmel il-ħajja aktar interessanti u eċċitanti, tista’ tkun daqsxejn ta’ xkiel fi ħdan il-post tax-xogħol meta dawn id-differenzi jiltaqgħu flimkien. Li titgħallem kif taħdem b’mod effettiv mal-kollegi tiegħek u kif tibbilanċja l-personalitajiet tagħhom ma’ tiegħek hija parti importanti mill-ħajja tax-xogħol.

 

Il-Mexxej

Min huma? Il-mexxejja normalment huma individwi ambizzjużi ħafna, li għandhom għan u jridu jilħquh u kunfidenti fihom infushom. Huma t-tip ta’ nies li jieħdu l-kontroll ta’ sitwazzjoni, jieħdu deċiżjonijiet ċari u probabbilment issib li qegħdin jaħdmu ħafna sigħat ta’ sahra. Dawn il-karatteristiċi pożittivi huma bbilanċjati mill-fatt li dawn għandhom it-tendenza li jiffavorixxu l-opinjoni tagħhom stess tgħaddi u jistgħu jkunu insensittivi lejn il-ħsibijiet u s-sentimenti tal-oħrajn. U filwaqt li jinqalgħu biex jaraw l-’istampa kollha’, jistgħu jaqbżulhom xi dettalji żgħar.

Kif tista’ taħdem magħhom? Kun ċar, raġonevoli u loġiku fl-approċċ tiegħek mal-mexxejja, b’mod partikolari jekk tridhom jikkunsidraw opinjonjiet oħra minbarra tagħhom stess. Imxi warajhom u agħtihom il-libertà li jeħtieġu biex jeċċellaw. Finalment, ipprova tiħux għalik jew tirrita ruħek jekk jgħidu jew jagħmlu xi ħaġa li toffendik – probabbilment ma kellhomx l-intenzjoni li jaffettwawk b’dan il-mod.

 

Il-Medjaturi

Min huma? Il-medjaturi huma l-qalba ta’ tim b’saħħtu u ta’ suċċess għax huma paċenzjużi, diplomatiċi u sensibbli. Huwa impossibbli li ma jkollokx grazzja mal-medjaturi minħabba li dawn normalment ikunu simpatiċi, ma joffendu lil ħadd u simpatetiċi. Madankollu, huma għandhom it-tendenza li jevitaw il-konfrontazzjoni kemm jista’ jkun, u b’hekk xi drabi ibatu huma stess, jippruvaw wisq jikkuntentaw lil kulħadd u jħossuhom intimidati faċilment mix-xogħol jew mir-responsabbiltajiet tagħhom.

Kif tista’ taħdem magħhom? Qis li tkun taf fuq xiex qed jaħdmu qabel ma tagħtihom biċċa xogħol, għaliex x’aktarx jgħidu “iva” anke jekk ma jkollhomx il-ħin. Ħeġġiġhom biex joħorġu ‘l barra miż-żona ta’ kumdità tagħhom, biex isemmgħu leħinhom dwar l-opinjonijiet tagħhom u biex iħaddnu esperjenzi ġodda. U ftakar biex tirringrazzjahom għal xogħolhom – il-medjaturi tant huma modesti li xi drabi ma napprezzawhomx.

 

Dawk li Jħobbu Jissoċjalizzaw

Min huma? Dawk li jħobbu jissoċjalizzaw jagħtuk pjaċir toqgħod magħhom u għandhom it-tendenza li jkunu vivaċi u entużjasti, li jgħajtu u li jparlaw ħafna. Jeċċellaw fin-netwerking u s-soċjalizzazzjoni, u x-xogħol tagħhom ħafna drabi jirrifletti karattru kreattiv. Min-naħa l-oħra, jistgħu jkunu diżorganizzati, jaljenaw rashom faċilment u diffiċli biex taħdem magħhom għaliex jgħaddu minn kompitu għal ieħor malajr.

Kif tista’ taħdem magħhom? Agħti lil dawk li jħobbu jissoċjalizzaw l-libertà li jużaw il-kreattività tagħhom, filwaqt li tagħtihom xogħol u skadenzi definiti sew biex jibqgħu ffukati. Ipparteċipa b’mod pożittiv fil-konverżazzjonijiet tagħhom, iżda turihomx li lest biex tpaċpaċ ħafna – u mexxihom ‘il bogħod minn xi diskors malizzjuż fuq in-nies!

 

L-Analisti

Min huma? L-analisti għandhom it-tendenza li jkunu serji u li jaħsbu fik, u huma kuntenti biżżejjed li jaħdmu b’mod indipendenti. Jistgħu jiġu fdati biex jagħmlu xogħol ta’ standard għoli, iżda l-ħtieġa tagħhom li jkunu perfetti tista’ twassal għal diżappunt inevitabbli kemm għalihom infushom kif ukoll għall-kollegi tagħhom. Filwaqt li l-analisti huma eċċellenti biex isegwu ordnijiet, jistgħu jkunu wkoll negattivi u jsibuha diffiċli biex ilaħħqu ma’ inċertezzi u sitwazzjonijiet ġodda li jieħduhom barra miż-żona ta’ kumdità tagħhom.

Kif tista’ taħdem magħhom? L-analisti japprezzaw li jkollhom ħin biex jaħsbu u nuqqas ta’ pressjoni meta jiġu biex jieħdu d-deċiżjonijiet. Iħobbu wkoll li jkollhom l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex id-deċiżjoni tkun waħda infurmata. Jiġifieri, jekk tagħtihom il-fatti u ftit spazju, huma se jagħtuk lura xogħol sew.

 

Naturalment, mhuwiex biss dwar kif inti tista’ tifforma relazzjonijiet ma’ oħrajn – dawn ikunu qed ifittxu li jagħmlu l-istess miegħek. Tista’ saħansitra tagħraf lilek innifsek f’dawn id-deskrizzjonijiet, allura għaliex ma timmassimizzax il-potenzjal tar-relazzjonijiet tax-xogħol tiegħek billi tikkunsidra l-parir min-naħa l-oħra?

 

Aqra aktar:
Jiem l-Impjiegi Ewropej
Drop’pin@EURES
Sib Konsulent tal-EURES
Kundizzjonijiet tax-xogħol u l-għajxien fil-pajjiżi tal-EURES
Il-Bażi tad-Data tal-Impjiegi tal-EURES
Is-servizzi tal-EURES għall-impjegaturi
Il-Kalendarju tal-Avvenimenti tal-EURES
Avvenimenti Onlineli ġejjin
L-EURES fuq Facebook
L-EURES fuq Twitter
L-EURES fuq LinkedIn

 

Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà: Jekk jogħġbok innota li la l-EURES u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma japprovaw kwalunkwe wieħed mis-siti web ta’ partijiet terzi msemmija hawn fuq.

Pubblikat: Tne, 11/02/2019 - 10:00


Tweet Button: 


Info for young people in the western balkans

Teħtieġ għajnuna jew parir espert?

Staqsina!