Portal Ghaz-Żgħażagħ Ewropej
Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

Il-ħiliet tiegħek rikonoxxuti f’kull pajjiż Ewropew

© iStockphoto.com - skynesher
© iStockphoto.com - skynesher
Jekk huwa permezz ta’ impjieg, (parti mill-)istudji tiegħek, volontarjat jew attivitajiet oħra barra mill-pajjiż, se tikseb ħiliet u l-kwalifiki importanti li jgħinuk fil-futur. X’tagħmel l-UE biex ikun żgurat li dawn ikunu rikonoxxuti f’pajjiżi Ewropej oħra?

Studji

Forsi trid li l-istudji tiegħek jiġu rikonoxxuti f’pajjiż ieħor, forsi għax se tagħmel skambju jew minħabba li tixtieq taħdem jew tistudja xi mkien ieħor. Biex dan isir eħfef, l-UE żviluppat żewġ sistemi ta’ kreditu li juru livelli relattivi ta’ krediti miksuba f’pajjiżi differenti tal-UE: ECTS għall-edukazzjoni għolja u ECVET għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

 

Minbarra s-sistemi ta’ kreditu, hemm ukoll il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK), li jikkumpara d-diversi oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki u s-sistemi. Dan jgħinek tifhem il-livell tal-kwalifiki f’pajjiżi Ewropej oħra permezz tar-rabta bejn kull livell nazzjonali għal waħda mit-tmien livelli ta’ referenza tal-QEK.

 

Tagħlim mhux formali u informali

Mhux dejjem faċli li tikseb validazzjoni għall-kapaċitajiet tiegħek. Wara li tlesti l-edukazzjoni formali, bħall-BA mill-università, tirċievi diploma li turi li ksibt ċerti kwalifiki u ħiliet. Iżda x’jiġri jekk tkun għamilt proġett volontarju? M’hemmx dubju li ksibt ħiliet li ser ikunu utli għall-bqija ta’ ħajtek, iżda dan jista’ ma jkunx imniżżel fuq biċċa karta.

 

Biex jiffaċilitaw il-proċessi ta' rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali u informali (bħal dawk involuti meta tagħmel xogħol volontarju), il-pajjiżi tal-UE huma mitluba li jkollhom arranġamenti għal din it-tip ta’ validazzjoni f’posthom sal-2018. Inventarju Ewropew jagħti ħarsa ġenerali lejn il-prattiki ta’ validazzjoni tajba diġà fis-seħħ.

 

Passaport Ewropew tal-Ħiliet

Il-ħiliet tiegħek kollha jinġabru flimkien bil-Passaport Ewropew tal-Ħiliet Europass! Il-Passaport jikkonsisti f’ħames dokumenti li flimkien juru l-possibilità lill-impjegaturi futuri, pereżempju, liema ħiliet u kwalifiki għandek. Hemm CV u passaport tal-lingwa li fih tista’ telenka l-ilsna li taf, il-livell tal-parlat, is-smigħ, il-qari u ċertifikati jew esperjenzi oħra fil-lingwa.

Barra minn hekk, id-dokument tal-Mobilità Europass jirreġistra l-għarfien u l-ħiliet miksuba f’pajjiż Ewropew ieħor, bħal matul apprendistat, term akkademiku jew proġett volontarju. Fl-aħħar nett, id-diploma u s-supplimenti għaċ-ċertifikat jippermettulek telabora aktar dwar dak li tgħallimt matul l-attività koperta b’diploma jew ċertifikat.

 

Youthpass

Ħadt parti fi proġett Erasmus+ u tixtieq tara l-ħiliet li ksibt rikonoxxuti f’pajjiżek jew pajjiż ieħor tal-UE? Mela l-Youthpass jgħodd għalik! Għalissa, huwa disponibbli biss għal Skambji taż-Żgħażagħ, is-Servizz Volontarju Ewropew u l-Mobilità tal-Ħaddiema fil-qasam taż-Żgħażagħ, iżda dalwaqt se tkun tista' toħloq Youthpass għal attivitajiet oħra wkoll.