Portal Ewropew taż-Żgħażagħ
Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

"Is-Servizz Volontarju Ewropew għandu jkun il-bidu tal-ħajja ta’ kull student"

Stefan Savcic ma ħasibhiex darbtejn meta l-organizzazzjoni li kien qed jagħmel volontarjat magħha f’Brcko (il-Bożnija-Ħerzegovina) ipproponiet li jqatta' tnax-il xahar fil-Ġermanja, permezz tal-iskema tas-Servizz Volontarju Ewropew (EVS). Sir af kif din l-esperjenza bidlitlu ħajtu.

Kellu biss 22 sena meta ddeċieda li jitlaq minn Brcko għal sena ta’ volontarjat f’kindergarten f’Halle (il-Ġermanja). Issa li ġie lura l-Bożnija, Stefan Savcic qed iqis il-possibbiltà li jerġa' jitlaq minn pajjiżu biex jistudja fl-Università.

 

Kif sirt taf bis-Servizz Volontarju Ewropew?

Stefan. - Kont qed nagħmel volontarjat ma’ organizzazzjoni lokali fil-belt tiegħi, Brcko (BiH) u ssuġġerewli napplika biex nieħu sehem fi proġett li kellhom ma’ organizzazzjoni sħab fil-Ġermanja - biex inqatta' sena hemmhekk. Ma ħsibthiex darbtejn: ktibt is-CV tiegħi u ittra ta’ motivazzjoni u bgħatthom lill-organizzazzjoni Ġermaniża. Kien hemm proċess ta’ għażla u ma ntgħażiltx mill-ewwel, iżda l-voluntier li għażlu minfloki reġa' bdielu.  Ċempluli xahar wara u offrewli l-post.

 

Kif tiddefinieha l-esperjenza tiegħek fis-Servizz Volontarju Ewropew?

Stefan. – Eċċellenti! Din kienet l-ewwel darba li tlaqt minn belti u mill-Balkani stess.  Kont ngħix f’belt li kienet relattivament kbira għalija, fejn sibt kull ma stajt neħtieġ. Kont naħdem f’kindergarten, fejn bażikament kont nieħu ħsieb lit-tfal, nivvinta l-logħob u ndoqqilhom il-kitarra. Avolja fil-bidu ma kontx nitkellem bil-Ġermaniż, kelli mentors tajbin ħafna mill-organizzazzjoni ospitanti tiegħi li għenuni ħafna mat-tfal. Tassew ħadt gost b'din l-esperjenza. Għalhekk, nirrakkomanda lill-oħrajn biex ma jgħaġġlux, u biex jieħdu ż-żmien tagħhom ħalli jagħżlu proġett li jħossuhom komdi bih. Nirrakkomanda wkoll li jkunu lesti li jitgħallmu lingwa ġdida u li jmorru b’moħħhom miftuħ biex jiltaqgħu ma' persuni differenti.

 

X'tgħallimt il-Ġermanja?

Stefan. - Tgħallimt ħafna. L-ewwel nett, tgħallimt ngħix waħdi. Ma jkunx hemm il-ġenituri tiegħek jieħdu ħsiebek u l-ħbieb tal-qalb ma jkunux miegħek. Fi kwalunkwe każ, ma naħsibx li sena hija daqshekk twila biex tkun imbiegħed minn familtek, u għamilt ħbiberiji kbar ma’ volontiera oħra bħali. Tgħallimt kif ngħix f’belt mingħajr ma nitkellem il-lingwa tajjeb ħafna, u fl-aħħar tal-proġett jidhirli li tassew tejjibt il-ħiliet tiegħi fil-Ġermaniż.  L-esperjenza bidlitli ħajti u l-perspettiva tiegħi.

 

Tinkoraġġixxi lil żgħażagħ oħra biex jieħdu sehem fis-Servizz Volontarju Ewropew?

Stefan. - Iva, mela! Se nirrakkomanda din l-esperjenza lil kulħadd. Normalment, f’pajjiżi n-nies tmur dritt l-università mil-iskola postsekondarja. Madankollu, innutajt li f’pajjiżi oħra, bħall-Ġermanja, meta ż-żgħażagħ jispiċċaw l-iskola postsekondarja normalment jieqfu sena biex jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom u jaraw ftit id-dinja qabel ma jibdew jistudjaw. Naħseb li din tkun ħaġa tajba għaż-żgħażagħ tagħna hawnhekk.

 

Is-Servizz Volontarju Ewropew jagħtik għarfien tajjeb biex ssib kulleġġi barra beltek u jagħtik aċċess għal persuni li jistgħu jgħinuk tistudja barra minn pajjiżek.

Naħseb li s-Servizz Volontarju Ewropew għandu jkun il-bidu tal-ħajja ta’ kull student.