Portal Ewropew taż-Żgħażagħ
Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

Kif mill-Balkani tal-Punent tista' tieħu sehem fis-Servizz Volontarju Ewropew?

Sa ftit snin ilu Jela Radovic kienet volontarja Ewropea fl-Italja. Illum il-ġurnata, qed tmexxi waħda mill-ħames organizzazzjonijiet akkreditati għas-Servizz Volontarju Ewropew (SVE) fil-Montenegro. Skopri l-proċess li bih tista' ssir voluntier Ewropew.

X'inhi r-relazzjoni tal-organizzazzjoni tiegħek mas-Servizz Volontarju Ewropew?

Jela.- L-assoċjazzjoni tagħna s-Centar za obrazovanje i odgoj Don Bosko f'Podgorica (il-Montenegro), tibgħat żgħażagħ barra mill-pajjiż għas-Servizz Volontarju Ewropew u aħna nospitaw żgħażagħ minn pajjiżi oħra: pereżempju, bħalisssa voluntier Montenegrin tagħna qiegħed jagħmel Servizz Volontarju Ewropew fi Spanja u hawnhekk għandna voluntier żagħżugħ minn Franza. Nibgħatu wkoll nies li jridu jieħdu sehem fil-programmi Erasmus+ bħal seminars, taħriġ jew skambji taż-żgħażagħ, u nippromwovu wkoll il-programm fl-universitajiet jew fl-iskejjel tal-lingwi barranin.

 

Xi jrid jagħmel żagħżugħ li jrid jieħu sehem fis-Servizz Volontarju Ewropew?

Jela.- L-organizzazzjonijiet bħal tagħna li jibagħtu persuni barra mill-pajjiż ilkoll għandhom punt ta' kuntatt. Iż-żgħażagħ jistgħu jikkuntattjaw lilna jew lil waħda mill-organizzazzjonijiet tal-pajjiż biex ikollhom laqgħa u jirċievu aktar informazzjoni dwar il-programm. Jistgħu jagħmlu dan anke onlajn billi jiċċekkjaw il-Bażi tad-Dejta tal-Volontarjat għall-proġetti tas-SVE u tal-organizzazzjonijiet akkreditati u jikkuntattjaw dawk li jinteressawhom. Jistgħu jibagħtu s-CV tagħhom u ittra ta' motivazzjoni u jistennew tweġiba mingħand l-organizzazzjoni. Ikun xi kun il-każ, nissuġġerixxi lill-voluntier biex ikun paċenzjuż u persistenti għaliex xi drabi l-proċess jista' jieħu x-xhur. Hekk kif isibu proġett jistgħu jikkuntattjaw lilna jew lil xi organizzazzjoni oħra f'pajjiżhom li tibgħat il-persuni barra l-pajjiż biex nimlew flimkien il-formola tal-applikazzjoni.

 

Kif iġġib il-Viża għall-attivitajiet tas-SVE għal żmien twil?

Jela.- Kemm l-organizzazzjoni li tibgħat il-persuni kif ukoll dik ospitanti jindirizzaw din il-kwistjoni flimkien mal-voluntier. L-organizzazzjoni ospitanti tibgħatilna d-dokumenti kollha tal-ftehim volontarju, nittraduċuhom għal-lingwa tagħna u l-voluntier jippreżentahom lill-ambaxxata rilevanti. Din il-proċedura tieħu xi ftit ta' żmien u ta' koordinazzjoni bejn persuni differenti, iżda fl-aħħar mill-aħħar kollox jiġi ċċarat.

 

Tista' tieħu sehem fis-SVE anke jekk ma titkellimx tajjeb ħafna bl-Ingliż?

Jela.- Iva, fil-fatt bgħatna żewġ persuni l-Olanda għal SVE qasir (link) li kellhom problemi lingwistiċi: la qatt kienu siefru barra mill-pajjiż u lanqas qatt ma kellhom l-opportunità li jitkellmu l-Ingliż. Minkejja dan, l-esperjenza tagħhom kienet pożittiva ħafna: mhux talli tejbu l-Ingliż tagħhom, talli kisbu l-fiduċja fihom infushom u ġew lura b'ħafna ideat ta' kollaborazzjoni mal-organizzazzjoni tagħna fuq livell lokali. Tista' anke ssib għajnuna biex titgħallem lingwa ġdida qabel ma tmur għas-Servizz Volontarju Ewropew.

 

Kif bidillek ħajtek is-Servizz Volontarju Ewropew?

Jela.- Fuq livell personali, il-fatt li tgħix f'pajjiż ma' persuni li ma tafhomx hija sfida u fl-istess ħin hija esperjenza tal-ġenn. Xi kultant issib min ma jkunx imdorri jagħmel volontarjat, iżda fil-ħajja mhux kollox għandu jkun relatat mal-flus. Is-Servizz Volontarju Ewropew jagħtik ħafna benefiċċji. Iddeċidejt li mmur l-Italja għax kont nistudja t-Taljan l-università; kienet timmotivani ħafna l-idea li mmur post fejn inkun nista' nitkellem il-lingwa li tgħallimt l-iskola. Kont volontarja f'organizzazzjoni li tagħti informazzjoni liż-żgħażagħ. Waqt ix-xogħol ta' kuljum tiegħi fl-assoċjazzjoni tgħallimt ħafna affarijiet ġodda bħal kif tikteb proġetti Ewropej u kif torganizza avvenimenti għaż-żgħażagħ.  Qabel ma ħadt sehem f'dan il-programm kont naħdem f'lukanda u ma kont naf xejn dwar is-settur tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), iżda s-SVE bidilli ħajti. Meta ġejt lura bdejt naħdem f'organizzazzjoni li tikteb proġetti għat-tfal, u issa sirt il-koordinatur ta' din l-NGO u qed ngħin lil persuni oħra biex jieħdu sehem fis-Servizz Volontarju Ewropew. 

Pubblikat Ħam, 23/06/2016 - 11:09


Links relatati


Info for young people in the western balkans

Teħtieġ għajnuna jew parir espert?

Staqsina!