Portal Ewropew taż-Żgħażagħ
Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

Ikseb il-permess tar-residenza tiegħek biex tistudja fl-Ewropa

Dina Filipovic twieldet 29 sena ilu f'Derventa fil-Bożnija-Ħerzegovina. Bħalissa qed taħdem fi Brussell, il-Belġju, wara li spiċċat l-istudji tal-Masters tagħha fl-Awstrija. Skopri kif ġabet il-permess ta' residenza ta' student tagħha.

 "Wara li lestejt il-Baċellerat fl-Ekonomija f'Sarajevo, waqt fiera dwar l-edukazzjoni skoprejt xi programmi ta' studju interessanti fl-Ewropa. L-aktar li laqgħatni kien programm tal-Masters fil-Kontroll, il-Kontabbiltà u l-Ġestjoni Finanzjarja fl-Awstrija. Applikajt u wara li għamilt intervista onlajn, intgħażilt".

 

Dan kien biss il-bidu tal-esperjenza ta' Dina barra mill-pajjiż. Wara li ntgħażlet biex tkompli tistudja f'istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja fiż-Żona Schengen, kien imissha ġġib il-permess ta' residenza ta' student.

 

“Mort l-Ambaxxata tal-Awstrija f’Sarajevo biex nitlob dan il-permess, iżda peress li ġejt aċċettata f’nofs Lulju u l-lezzjonijiet bdew f’Settembru rrakkomandawli biex napplika dirett mal-Awtorità tal-Immigrazzjoni fl-Awstrija,” – qalet Dina-. "F'Settembru mort l-Awstrija bil-passaport tiegħi u applikajt għall-permess tar-residenza ta' student hemmhekk stess. Wara xahar u nofs, irċevejtu".

 

Minbarra l-ittra li aċċettawk mill-università ospitanti, biex iġġib il-permess tar-residenza ta' student, trid tagħti prova li tissodisfa ċerti kundizzjonijiet. Waħda mill-kundizzjonijiet hija li jkollok biżżejjed flus biex tkopri l-ispejjeż tal- għajxien għat-tul ta' żmien li tqatta' fil-pajjiż. "Tista' tagħmel dan billi ġġib prova li għandek borża ta' studju jew xogħol, tista' tippreżenta rendikont bankarju li juri li għandek ċertu ammont ta' flus il-bank, jew inkella tista' tinnomina persuna li se tipprovdilek il-flus. Fi ftit kliem, trid turi li kapaċi tħallas għall-ispejjeż tiegħek."

 

Hemm mnejn li xi pajjiżi jitolbuk aktar dokumenti. "Fil-każ tiegħi, fl-Awstrija kelli bżonn ukoll assigurazzjoni medika, għalhekk għamilt polza tal-assigurazzjoni ma' kumpanija fil-pajjiż stess."

 

Il-permess tar-residenza ta' student huwa validu għal sena u jista' jiġġedded jekk tkompli tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa. "Inħeġġeġ lil kulħadd biex iqatta' xi żmien barra mill-pajjiż" kompliet Dina. "Għandek aktar opportunitajiet biex tiżviluppa lilek innifsek, speċjalment mil-lat professjonali, u b'hekk tkun tista' tgħin lil familtek u lill-pajjiżek billi taqsam l-għarfien u l-esperjenza tiegħek u tara l-affarijiet minn perspettiva differenti".