Portal Ewropew taż-Żgħażagħ
Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

Kif tieħu sehem fi skambju taż-żgħażagħ

Tixtieq tqatta’ xi ġranet barra titgħallem u taqsam l-esperjenzi ma' żgħażagħ oħrajn minn pajjiżi oħra? Sir af x’inhu skambju taż-żgħażagħ u kif tieħu sehem.

L-organizzazzjoni taż-żgħażagħ "Beyond Barriers" f’Tirana, l-Albanija, hija waħda mill-punti ta’ kuntatt nazzjonali tal-Erasmus+ f’dan il-pajjiż. F’dawn l-aħħar għaxar snin, organizzat aktar minn mitt skambju taż-żgħażagħ, seminar u taħriġ għaż-żgħażagħ barra mill-pajjiż. Il-maniġer tal-programmi tagħhom għas-Servizz Volontarju Ewropew, Ira Topalli, tispjega kif wieħed jista' jieħu sehem.

 

X’inhu skambju taż-żgħażagħ?

Skambju taż-żgħażagħ huwa attività li tippermetti lil gruppi ta' żgħażagħ jaqsmu esperjenza barra minn pajjiżhom billi jgħixu flimkien għal perjodu ta' żmien minn ħamest ijiem sa 21 jum.

Waqt skambju taż-żgħażagħ, il-parteċipanti jwettqu programm ta’ ħidma dwar tema partikolari, appoġġati minn mexxejja taż-żgħażagħ. Pereżempju, jistgħu jaħdmu fuq kwistjonijiet ambjentali, fuq kwistjonijiet tal-edukazzjoni, fuq kwistjonijiet ta' tagħlim interkulturali, eċċ. L-iskambju jikkonsisti f’taħlita ta’ workshops, eżerċizzji, dibattiti, simulazzjonijiet u anki attivitajiet li jsiru fil-beraħ imfassla u mħejjija mill-parteċipanti qabel l-iskambju.

 

Min jista' jieħu sehem?

Kull min għandu bejn it-13 u t-30 sena. Skambju taż-żgħażagħ jinvolvi minimu ta’ 16-il parteċipant u massimu ta’ 60, apparti l-mexxejja tal-grupp.

 

Kif nista’ nsir naf dwar l-iskambji taż-żgħażagħ li qed ifittxu l-parteċipanti?

Tista’ tikkuntattja lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali tiegħek għall-Erasmus+ jew anki lid-diversi organizzazzjonijiet lokali li jaħdmu ma’ Erasmus+. Tista’ ssib ukoll informazzjoni dwar is-sejħiet il-ġodda fuq siti tal-internet speċjalizzati kif ukoll permezz tal-midja soċjali.  Pereżempju, tista’ tiċċekkja l-grupp tal-Facebook ta' Beyond barriers

 

X’għandi nagħmel biex nipparteċipa?

Għandek tikkuntattja lill-organizzazzjoni u tinfurmaha li interessat tieħu sehem. Jekk ikun hemm ħafna kandidati, l-assoċjazzjoni tista’ titolbok tibgħat is-CV tiegħek jew ittra ta’ motivazzjoni.

Jekk tintgħażel, għandek timla l-formola tal-applikazzjoni li tibgħatlek l-organizzazzjoni u tista' wkoll tintalab tiltaqa’ magħhom. “Aħna nlaqqgħu l-grupp fl-uffiċċji tagħna, nagħtuhom taħriġ qabel jitilqu, insegwu l-attività tagħhom meta jkunu msefrin u, meta jaslu lura, ninvolvuhom fil-livell lokali,” qalet Ira Topalli. “Pereżempju, bħalissa qegħdin inħejju grupp ta’ sitt żgħażagħ li, fi tmiem ix-xahar, se jmorru flimkien l-Italja għal skambju taż-żgħażagħ bit-tema tal-kwistjonijiet ambjentali u tal-ġlieda kontra l-isterjotipi fost iż-żgħażagħ.”

 

L-Ingliż ma tantx nitkellmu tajjeb... xorta nista’ nieħu sehem?

“Bħala organizzazzjoni, aħna nippruvaw ma nagħmlux wisq kriterji għall-parteċipazzjoni fi skambju taż-żgħażagħ, għax għalina l-iktar ħaġa importanti hija l-inklużjoni ta’ kulħadd. Huwa għalhekk li fl-iskambji taż-żgħażagħ ninkludu wkoll żgħażagħ li ma tantx jitkellmu tajjeb bl-Ingliż. Iż-żgħażagħ l-oħrajn jistgħu jgħinuhom bit-traduzzjoni u l-lingwa m’għandhiex tkun raġuni biex neskluduhom. Dan jista’ jimmotivahom biex jistudjaw il-lingwa fil-ġejjieni.”

 

Trid tħallas biex tieħu sehem?

Le. F’ħafna każijiet il-parteċipazzjoni hija bla ħlas. Barra minn hekk, skont ir-regoli tal-programm, l-akkomodazzjoni, l-ikel u l-ħtiġijiet ta’ kuljum tal-proġett jiġu koperti kollha mill-organizzaturi. Il-biljetti tat-titjira huma inklużi wkoll. Normalment nixtru l-biljetti minn qabel għall-parteċipanti u mbagħad l-organizzazzjoni sieħba tagħna tħallasna lura aktar tard. Xi kultant, il-biljetti jistgħu jiswew ftit iktar mill-ammont ipprovdut skont il-kalkolatriċi tad-distanzi u n-nies jistgħu jħallsu d-differenza huma stess.  F’xi każijiet, l-organizzazzjonijiet jistgħu japplikaw miżata għall-parteċipazzjoni, iżda l-maġġoranza tagħhom dan ma jagħmluhx. 

 

Għaliex tirrakkomanda li wieħed jieħu sehem fi skambju taż-żgħażagħ?

“Aħtaf l-opportunità biex tieħu sehem f’dawn l-attivitajiet. Liż-żgħażagħ, skambju taż-żgħażagħ mhux biss jagħtihom l-opportunità li jiżviluppaw il-kompetenzi tagħhom f’diversi oqsma, iżda wkoll li jsiru soċjalment konxji minn suġġetti u oqsma differenti li normalment ma jkunux parti mill-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Bħala assoċjazzjoni, aħna ninkoraġġixxu liż-żgħażagħ jesploraw kulturi ġodda, drawwiet ġodda, stili ġodda tal-ħajja u biex jitgħallmu ma' żgħażagħ bħalhom. Din hija l-aħjar ħaġa li jistgħu jiksbu minn skambju taż-żgħażagħ: li jitgħallmu u jtejbu l-ħiliet tagħhom. Hemm nies li għandhom sfondi kulturali differenti iżda li xorta għandhom affarijiet komuni. Aħna niffukaw fuq dawk l-affarijiet komuni biex liż-żgħażagħ nagħmluhom konxji li huma l-ġejjieni.

Pubblikat: Tne, 27/06/2016 - 15:14


Tweet Button: 


Info for young people in the western balkans

Teħtieġ għajnuna jew parir espert?

Staqsina!