Portal Ewropew taż-Żgħażagħ
Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

Mis-Serbja sal-Ġappun permezz ta’ Erasmus Mundus

Wara li lesta l-Baċellerat fir-robotika fl-Università ta’ Novi Sad (is-Serbja), Nemanja Racievic iddeċida li japplika għal Kors tal-Masters tal-Erasmus Mundus. Issa qed jagħmel id-dottorat tiegħu fl-Imperial College f’Londra. Sir af aktar dwar l-esperjenza tiegħu.

Għalfejn iddeċidejt li tapplika għal Kors tal-Masters tal-Erasmus Mundus?

Nemanja.- Ridt immur nagħmel Masters barra minn pajjiżi għax xtaqt nistudja parti speċifika fil-qasam tar-robotika li ma stajtx nistudja s-Serbja, u wkoll għaliex ridt li jkolli ftit esperjenza internazzjonali. Mis-sit webMastersportal, sibt Masters Ewropew fir-Robotika Avvanzata (EMARO), parti mill-Erasmus Mundus. Il-kurrikulu għoġobni u ddeċidejt li napplika.

 

Kif kienet il-proċedura tad-dħul għal dan il-Masters?

Nemanja.-  Bgħattilhom formola tal-applikazzjoni, il-marki li ġibt u l-ittri ta' rakkomandazzjoni. F’dan il-programm, tista’ tiġi aċċettat b’borża ta’ studju jew mingħajr, iżda jiena kont ġibt marki tajbin fis-Serbja u ngħatajt l-għotja. Billi hija Lawrija ta’ Masters Konġunt, tista’ tagħżel minn erba’ pajjiżi fejn trid tistudja. Għażilt li nagħmel l-ewwel sena tiegħi fl-Università ta’ Ġenova (l-Italja) u t-tieni waħda f’Nantes (Franza). Barra minn hekk, matul it-tieni sena, għandek il-possibbiltà li tikteb it-teżi f’waħda mill-istituzzjonijiet sħab fl-Asja. Applikajt biex immur nagħmilha fl-Università ta’ Keio f’Tokjo u aċċettawni, u għalhekk qattajt ukoll ħames xhur nistudja l-Ġappun.

 

Sibt xi differenzi bejn l-istudju fis-Serbja u l-istudju f’università barranija?

Nemanja.- Il-kwalità tal-istudju kienet tajba kemm fl-università ta' pajjiżi kif ukoll f'dawk barranin. Iżda, pereżempju, fl-Università ta’ Ġenova ħdimna b’tagħmir aħjar, peress li l-università għandha iktar flus. Min-naħa l-oħra, l-istudji kienu organizzati b’mod iktar indipendenti għall-istudenti. Pereżempju, ingħatajna problema tal-matematika biex insolvuha u kellna nsibu l-modi kif nagħmlu dan. L-istudenti ħadmu fi gruppi u appoġġaw lil xulxin. Dan għeni sabiex, pereżempju, nitgħallem it-Taljan.

 

Il-Masters kien utli għall-karriera tiegħek?

Nemanja.- Iva. Ktibt it-teżi tiegħi tal-Masters f’Tokyo dwar ir-Robotika Mobbli u ridt inkompli naħdem f’dan il-qasam. M’hemmx daqstant postijiet fejn dan tista’ tistudjah. Wieħed minn dawn il-postijiet kien l-Imperial College f’Londra (ir-Renju Unit), u għaldaqstant applikajt biex nagħmel PhD u ġejt aċċettat. Bħalissa qiegħed nistudja hawnhekk.

 

Tirrakkomanda din l-esperjenza lil żgħażagħ oħrajn?

Nemanja.-  Daż-żgur! Din l-esperjenza biddlitni ħafna. Fuq livell personali tista' tiżviluppa lilek innifsek ħafna aktar. Minbarra l-lingwi li titgħallem, meta tkun f’kuntatt ma’ kulturi differenti tibda tara xi affarijiet minn perspettiva differenti u ssir aktar kritiku. Naħseb li kulħadd għandu jagħmel esperjenza bħal din mill-inqas darba f’ħajtu. 

Pubblikat: Ġim, 24/06/2016 - 12:43


Tweet Button: 

Links relatati


Info for young people in the western balkans

Teħtieġ għajnuna jew parir espert?

Staqsina!