Portal Ewropew taż-Żgħażagħ
Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

Trid tmur taħdem fl-UE?

Egħleb l-ostakoli u mur fl-Unjoni Ewropea biex twessa’ l-orizzonti tiegħek

Qatt ħsibt li temigra lejn l-UE biex taħdem iżda ma tafx minn fejn taqbad tibda? Forsi l-ħila li ssib xogħol fl-UE huwa limitat minn ostakli lingwistiċi, jew il-bżonn li tikseb viża għax-xogħol?

 

Jew forsi l-ispiża tal-ivvjaġġar lejn l-UE, jew il-livell ta’ salarju li l-kumpanija tista’ tħallsek hija problema? Tista’ tkun l-ewwel darba tiegħek bħala persuna li qed tfittex xogħol internazzjonali jew qed issibha iebsa biex issib xogħol minħabba li m’għandekx esperjenza preċedenti. (Kif se ġġib l-esperjenza jekk l-impjegaturi ma jridux kandidati mingħajr esperjenza?!) Madankollu, dawn l-ostakli kollha m'għandhomx jaqtgħulek qalbek milli tipprova!

 

Minn fejn għandek tibda

 

Is-sit web tal-EURES hu post tajjeb ħafna biex tibda, peress li jiġbor flimkien il-postijiet tax-xogħol battala kollha ppubblikati fuq is-siti web uffiċjali tal-impjiegi pubbliċi fil-pajjiżi tal-UE. Portali oħra tal-impjieg fil-livell Ewropew jinkludu Eurojobs, Eurobrussels, Euractiv u Jobs Europe, u tiftixa ta' malajr fuq l-internet twasslek għal bosta siti web oħrajn ta' reklutaġġ f'kull pajjiż.

 

Ħafna mill-kumpaniji multinazzjonali kbar jippubblikaw ukoll opportunitajiet ta’ xogħol fuq is-siti web tagħhom stess, allura għandek tuża s-siti web tal-kumpaniji li inti interessat fihom biex tiċċekkja fejn iridu n-nies. Xi drabi huwa aktar faċli li l-kumpaniji multinazzjonali l-kbar jimpjegaw lil xi ħadd minn pajjiż ieħor u jgħinuh iġib il-permessi u l-viżi meħtieġa. Apparti minn hekk, hemm tendenza dejjem tikber biex il-lingwa ta' ħidma tal-kumpaniji multinazzjonali tkun l-Ingliż, saħansitra f'pajjiżi fejn l-Ingliż mhux mitkellem. Dan jista' jkunu ta' għajnuna jekk l-Ingliż hu wieħed mill-ilsna li titkellem.

 

Kif għedna aktar 'il fuq, xi kultant tkun diffiċli li ssib impjieg imħallas mingħajr esperjenza preċedenti. Li tagħmel internship jew tieħu sehem f'xi proġett ta' volontarjat fit-tul ikun mod tajjeb kif taqbad tipprattika dak li tgħallimt fil-klassi, u jista' jgħinek tifhem xi tħobb u x'ma tħobbx. Internati u voluntiera xi kultant jispiċċaw jiġu offruti impjieg sħiħ, għalkemm m'hemmx garanzija.

 

Volontarjat jew internship ma’ organizzazzjoni mhux governattiva tista’ wkoll tkun alternattiva tajba minflok tagħmel traineeship ma’ kumpanija kummerċjali, skont liema qasam tixtieq taħdem fih.

 

Is-sit web Drop’pin tal-UE jelenka mijiet ta’ postijiet ta’ traineeship fl-Ewropa, u jkun post tajjeb minn fejn taqbad tfittex għal internship. Is-siti web tan-Netwerk tal-Istudenti Erasmus, tal-Eurodesk, u tal-Eurasmus għandhom ukoll bażijiet ta' dejta għal opportunitajiet ta' internship.

 

Jekk tixtieq tagħmel xogħol ta' volontarjat, il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ jipprovdi wkoll bażi ta' dejta bil-proġetti tas-Servizz Volontarju Ewropew li qed ifittxu voluntiera żgħażagħ – uża l-filtri biex issib liema minn dawn qed jirreklutaw liż-żgħażagħ minn pajjiżek. L-Alleanza ta’ l-Organizzazzjonijiet tas-Servizz Ewropew Volontarju wkoll jelenka opportunitajiet ta' volontarjat.

 

Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE għandhom netwerks nazzjonali ta' organizzazzjonijiet li joffru postijiet ta' volontarjat, u bosta minn dawn in-netwerks tista' ssibhom miċ-Ċentru Ewropew għall-Volontarjat. Ħafna NGOs jelenkaw opportunitajiet għal internati u voluntiera fuq is-siti web tagħhom.

 

Tista’ tkun interessat li tħares ukoll lejn proġetti li jipprovdu taħriġ għal mexxejja żgħażagħ.

Fl-aħħar nett, l-impjiegi u l-internships ta’ spiss ikunu suġġett ta' diskussjoni fuq is-siti web ta' dawk li qed jgħixu barra minn pajjiżhom. Għaldaqstant wettaq tiftixa għal dawn it-tipi ta’ siti web, speċjalment fl-ibliet fejn tixtieq tmur.

 

Xogħol għal żmien qasir

 

Jekk sempliċement tixtieq taħdem barra minn pajjiżek għal żmien qasir, tista’ tkun interessat tesplora l-possibbiltajiet fir-riżorsi li ġejjin: Xogħol barra minn pajjiżek u t-tranżizzjonijiet barra minn pajjiżek. L-impjiegi temporanji jinstabu fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE.

 

Avolja l-vaganzi u x-xogħol ma tantx imorru flimkien, tista’ tinvesti l-ħin liberu tiegħek biex tiżviluppa l-kapaċitajiet tiegħek filwaqt li taqla' xi ftit flus. Kemm jekk int student jew bla xogħol, ix-xogħol staġjonali jaf jgħinek. Għal vaganzi tas-sajf jew tax-xitwa, ħu xi ideat minn dan l-artiklu.

 

Ħsieb dwar l-impjiegi

 

Jekk tħobb taħdem mat-tfal, tista' taħdem bħala au pair. Au pair tiġi mqabbda biex tieħu ħsieb it-tfal u tgħin fix-xogħol tad-dar. Tiġi mħallsa bl-akkomodazzjoni, xi flus, u l-opportunità li titgħallem l-ilsien u l-kultura tal-pajjiż. Jeżistu diversi siti web li joffru postijiet ta’ au pair.

 

Mod tajjeb ħafna biex tmur tgħix barra hu li tgħallem l-Ingliż. Madankollu, għandek tkun taf li ħafna istituti u skejjel tal-lingwi fl-Ewropa jeħtieġu t-TEFL (Teaching English as a Foreign Language), ċertifikat li għandek bżonn biex tkun tista' tgħallem l-Ingliż f’pajjiż fejn l-Ingliż mhuwiex l-ilsien nattiv.

 

Permessi u viżi ta' xogħol u residenza

 

Ir-regoli dwar l-immigrazzjoni jvarjaw minn pajjiż għal ieħor fl-Unjoni Ewropea. Biex jinftiehmu aħjar, il-Portal tal-UE għall-Immigrazzjoni għandu ħafna informazzjoni għal dawk li jixtiequ jiġu fl-UE għal xogħol, internship mhux imħallas jew volontarjat. Jidħol fid-dettall dwar il-kundizzjonijiet li trid tissodisfa, x'dokumenti għandek bżonn, u x'permessi trid biex toqgħod fl-UE.

 

Hemm ukoll links li jwassluk għal informazzjoni speċifika dwar ir-regoli għal kull pajjiż individwali tal-UE.

 

Għandu mnejn ikun siewi wkoll li żżur is-sit web tal-ambaxxata għall-pajjiż fejn tixtieq tmur.