Portal Ewropew taż-Żgħażagħ
Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

Lesti ruħek biex tmur fl-Unjoni Ewropea

Li toqgħod timla d-dokumenti mhux gost, iżda li tagħmlu sew minn qabel jista' jgħin biex jagħmillek il-ħajja aktar faċli meta tmur l-UE!

Il-burokrazija hija waħda minn dawk l-affarijiet li trid tagħmel bilfors. F’ħafna każijiet il-burokrazija u dewmien jistgħu jkunu irritanti u eżasperanti. Meta taħseb li tkun diġà lest minn kollox, tiskopri li għada fadal xi dokument essenzjali. F’din is-sitwazzjoni, żomm il-kalma! Taqtax qalbek fl-avventura tiegħek sempliċement minħabba l-burokrazija. Huwa biss wieħed mill-ewwel passi biex tgħix il-ħolma tiegħek. U nistgħu ngħinuk!

 

Ikseb rikonoxximent għal-lawrja tiegħek

 

F’ħafna każijiet, ikun possibbli li tikseb dokument li jqabbel il-kwalifika tiegħek ma’ kwalifiki ekwivalenti maħruġa fil-pajjiż tal-UE fejn tixtieq tmur tgħix. Biex tagħmel dan, iċċekkja ċ-ċentru ENIC/NARIC tal-pajjiż fejn sejjer. Għandek tkun taf li l-amministrazzjonijiet tal-pajjiżi tal-UE jibqgħu responsabbli għas-sistemi tal-edukazzjoni tagħhom u huma ħielsa li japplikaw ir-regoli tagħhom, inkluż jekk jirrikonoxxux il-kwalifiki miksuba jew le barra mill-pajjiż.

 

Id-dokumenti tal-ivvjaġġar tiegħek

 

Jekk tixtieq  tivvjaġġa lejn pajjiż tal-UE, jew li taqsam il-fruntieri tal-UE, jeħtieġlek passaport validu għal tliet xhur wara d-data prevista tat-tluq mill-UE, u li jkun ħareġ inqas minn għaxar snin ilu. 

 

Jekk teħtieġ visa (ara hawn taħt) tista' tapplika għal waħda mill-konsulat jew l-ambaxxata tal-pajjiż fejn beħsiebek tmur. Jekk il-viża tkun inħarġet minn pajjiż taż- “Żona ta’ Schengen”, ikollok awtomatikament il-possibilità li tivvjaġġa lejn pajjiżi oħra ta’ Schengen. Barra minn hekk, permess ta’ residenza validu f’xi pajjiżi ta’ Schengen huwa ekwivalenti għal viża. Minflok, jekk tixtieq iżżur pajjiżi barra ż-żona ta' Schengen jista’ jkollok bżonn viża, peress li hemm kontrolli tal-passaport kif toqrob lejn il-konfini. 

 

Iċ-ċittadini ta’ ċerti pajjiżi ma għandhomx bżonn viża biex iżuru l-UE għal inqas minn tliet xhur. Il-lista ta’ pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom jeħtieġu viża biex jivvjaġġaw lejn ir-Renju Unit jew l-Irlanda hija kemxejn differenti minn dik applikata minn pajjiżi oħra tal-UE, u tinstab fuq is-siti web tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-gvern tar-Repubblika tal-Irlanda.

 

L-assikurazzjoni tal-ivvjaġġar tiegħek

 

Anke jekk m’intix ċittadin tal-UE, iżda inti residenti fit-territorju ta’ Stat Membru tal-UE tista’ tapplika għal u tuża l-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea jew Ċertifikat Temporanju ta' Sostituzzjoni. Din m'għandek qatt tħallas għaliha u għandha tiġi pprovduta mill-assikuratur tas-saħħa tiegħek qabel tivvjaġġa. Madankollu, huwa importanti li tkun taf li ma tistax tuża l-EHIC għat-trattament mediku fid-Danimarka, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja jew l-Iżvizzera.

 

Żomm f’moħħok li l-kard ma tiggarantixxix servizzi bla ħlas. Kull pajjiż għandu sistema tal-kura tas-saħħa differenti u xi servizzi li ma tħallasx għalihom f’pajjiżek jistgħu jkunu bi ħlas f’pajjiż ieħor. Il-perjodu ta’ validità tal-karta jista’ wkoll tvarja għal kull Stat Membru.

 

 

Ħin biex tesplora

 

Wara li tlesti mill-burokrazija, ikun wasal iż-żmien li tgawdi l-vjaġġ tiegħek. Kemm jekk ikun vjaġġ kif ukoll jekk tkun se toqgħod hemm għal xi żmien, tinsiex tqatta' l-ħin ma’ dawk l-aktar li jafu l-pajjiż, dawk li jgħixu hemm. Żomm moħħ miftuħ u tħallix l-isterjotipi, il-preġudizzji u l-clichés iwaqqfuk milli tieħu pjaċir. Waħda mill-isbaħ affarijiet ta' meta tkun imsiefer hi li tesperjenza ideat, kulturi u ħsibijiet ġodda. Tispiċċa tgawdi esperjenza aktar intima, awtentika u profonda tal-post.

 

Qabel ma tivvjaġġa, tista’ tippjana l-vjaġġ.

Iċċekkja visit Europe u esplora l-possibilitajiet tat-trasport kollha, bħan-netwerks tal-linji tal-ferroviji jew il-linji tal-ajru irħas. Tista’ ssib ukoll ideat dwar kif l-aħjar tqatta' l-ħin tad-divertiment tiegħek u tiġi ispirat minn stejjer ta’ vjaġġi personali oħra madwar bliet Ewropej. Skopri kif tippjana l-vjaġġ tiegħek b'let's Go, gwida tal-ivvjaġġar miktub kollu kemm hu mill-istudenti u li jiġbor flimkien esperjenzi tal-ivvjaġġar imprezzabbli.

 

Fil-fatt, ma tkunx l-uniku barrani li qed tgħix fil-belt ġdida tiegħek. Hemm diversi gruppi ta’ persuni li jgħixu barra minn pajjiżhom madwar id-dinja li jistgħu jipprovduk b’ħafna suġġerimenti utli, u tista’ faċilment issibhom fuq l-internet.

 

Pubblikat: Erb, 10/08/2016 - 12:27


Tweet Button: 

Links relatati


Info for young people in the western balkans

Teħtieġ għajnuna jew parir espert?

Staqsina!